Wara r-riżultat ‘pervers’ tal-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1981, żdiedet il-pressjoni tal-eletturi Nazzjonalisti, l-iktar fuq Eddie Fenech Adami bħala Kap, u b’xi mod anki fuqna d-deputati fis-sens li ladarba konna maġġoranza, ma kellniex nirrassenjaw rwieħna li nibqgħu fl-Oppożizzjoni. Ħafna kienu jgħidulna: “Ara kieku s-sitwazzjoni kienet bil-maqlub, huma kienu jwaqqgħu kull ma hawn.” Kien hemm min kien jissuġġerixxi s-sabotaġġi, il-bojkott sistematiku, il-waqfien mill-ħlas tat-taxxi. Kien hemm min jissuġġerixxi agħar. Eddie Fenech Adami wera li kien hu l-mexxej: iddikjara l-prinċipji: aħna nemmnu fiż-żamma tal-liġi, aħna ma għandna nagħmlu xejn li jagħmel ħsara lill-pajjiż, aħna għandna nibqgħu nagħmluha ċara ma’ kulħadd li dak li kien qiegħed jikkmanda bil-liġi, ma kienx qiegħed jikkmanda bis-sewwa. Kellna jkollna l-fiduċja li s-sewwa jirbaħ. L-alternattiva għall-ksur tal-liġi u l-mezzi vjolenti kienet il-kelma tas-sewwa. U Eddie ntefa’ b’ruħu u ġismu f’kampanja ma taqta xejn ta’ battalji ta’ persważjoni, fil-Parlament, fil-pjazez u fil-każini. Meta s-sitwazzjoni ħraxet u nqatel Raynond Caruana reġa’ kellu sfida, u niftakru fis-sala tal-Istamperija, meta ltqajna qabel il-funeral, u kien hemm min beda jgħajjat: “Inpattuhielhom!” Eddie niftakru jgħajjat: “Aħna nsara u ma npattux id-deni bid-deni.” Bħala Kap tal-Partit quddiem l-isfida tal-vjolenza żamm dejjem il-prinċipji.
Eddie kellu sfida oħra interna fil-Partit. Billi sar Kap f’kompetizzjoni ma’ Guido de Marco kien hemm min, għall-bidu, ried ikompli bil-qasma bejn dawk li kienu vvutaw għal wieħed u dawk li vvutaw għall-ieħor. Eddie kellu l-mertu li jfittex li jgħaqqad. It-tmexxija tiegħu kienet għalhekk ‘kollettiva’, mertu wkoll ta’ Guido de Marco li baqa’ dejjem jikkollabora. Iżda fil-Partit, dak iż-żmien, konna aktarx niltaqgħu ħamsa u naqsmu l-piż mal-Kap. Eddie, Guido u jien konna tal-istess boton, bi ftit snin bejnietna, u tal-istess għaġna kulturali, iżda magħna kellna lil Dr Ċensu Tabone u lil Dr Louis Galea, wieħed għoxrin sena ikbar u b’esperjenza ta’ gvern u s-sensibilità tal-ġenerazzjoni ta’ qabilna u l-ieħor iżgħar u jirrifletti s-sentiment tal-ġenerazzjonijiet ta’ wrajna. Qabel kull deċiżjoni konna nagħmlu laqgħa ta’ strateġija. Eddie bniedem ta’ attenzjoni metikoluża u qabel kull Mass Meeting, barra milli jipprepara d-diskors tiegħu sa l-inqas dettall, kien ukoll ilaqqagħna ħalli jikkonsulta magħna l-erbgħa l-oħra. Bħala Kap fl-Opposizzjoni Eddie kien imexxi b’mod kollettiv, għalkemm qatt ma beża’ minn ċerti deċiżjonijiet li kellu jieħu waħdu. Kien jaf li t-tmexxija arroganti tifred, waqt li dik raġunata, tgħaqqad.
Wara li nkisbet l-Indipendenza, il-Partit Nazzjonalista kellu l-isfida tal-identità: kien twieled biex pajjiżna jeħles mid-dominazzjoni barranija. Issa li kellna “rajna f’idejna” x’kellha tkun il-mira li jżomm quddiemu bħala l-programm ewlieni? Eddie Fenech Adami fehem li l-Partit kellu jiżviluppa iktar l-ideali tiegħu demokratiċi nsara fis-sens ta’ iktar deċentralizzazzjoni, jew sussidjarjetà, iktar solidarjetà, iktar ukoll unjoni fl-Ewropa. Bħala Kap, Eddie Fenech Adami firex il-viżjoni tal-Partit f’din id-direzzjoni. Il-mira tal-Partit saret il-bini ta’ ekonomija b’kuxjenza soċjali, ta’ soċjetà li tħaddan lil kulħadd u s-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Eddie, barra mill-isfidi politiċi kellu dawk prattiċi. Ried li jinbnew l-istrutturi tal-Partit. Kien jagħti għalhekk importanza lis-Sezzjonijiet, billi jdurhom sikwit, jisma’ l-ilmenti tagħhom. Qatt ma naqas mil-laqgħat, la tal-Kunsill Ġenerali u lanqas tal-Kunsill Amministrattiv. Naf, għax kont nippresjedihom it-tnejn, li Eddie ma kienx jevita l-problem, jew iħalli lil ħaddieħor isolvihom waħdu. Għalih il-Partit ma kienx biss jirbaħ bl-ingrossa, kien ukoll irid jirbaħ bl-imnut. Fl-irħula u fil-bliet kollha. Fost il-kategoriji kollha tal-ħaddiema u tan-nies li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku. Fost is-snajja’ u l-professjonijiet kollha.
Eddie kien jagħti importanza lill-finanzi tal-Partit. Meta konna fl-Oppożizzjoni, il-kontribut ta’ George Bonello du Puis u ta’ Joe Fenech, kif ukoll ta’ Joe Stellini u oħrajn kien imprezzabbli, iżda Eddie kien dejjem itihom spalla. Eddie ddedika ħafna ħin u attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-Partit. Anki meta konna fil-Gvern mill-1987 ‘il quddiem, baqa’ dejjem jirriserva ħin għall-bżonnijiet tal-istrutturi tal-Partit.
Eddie ma kienx imexxi bil-kuraġġ, bl-intelliġenza, bil-prinċipji, bl-ispirtu tal-għaqda u l-kollettività biss. Kien imidd idejh ukoll għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet prattiċi.
Is-suċċessi fl-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1987 u l-1992, (sa hawn naf jien) jirriflettu din il-kwalità ta’ tmexxija.