L-elezzjoni tal-1987 kienet, tista’ tgħid, l-aktar elezzjoni kruċjali għal pajjiżna f’dawn l-aħħar 52 sena ta’ sovranità. Elezzjonijiet importanti kien hemm, imma din l-elezzjoni fissret l-għażla kruċjali bejn, fuq naħa waħda, id-demokrazija, il-libertà u l-valuri Ewropej u, min-naħa l-oħra, stil ta’ Gvern awtokratiku dipendenti u mudellat fuq pajjiżi tat-Tielet Dinja.
Il-programm ta’ Eddie Fenech Adami għall-Gvern li mexxa mid-9 ta’ Mejju 1987 f’kuntrast mal-kwistjonijiet ewlenin ta’ qabel dik l-elezzjoni kienu, fil-qosor, dawn li ġejjin li jduru mas-slogan ta’ dik l-elezzjoni: Xogħol Ġustizzja Libertà.
- Sħubija fl-Unjoni Ewropea flok dipendenza fuq dittatorjati u pajjiżi Komunisti,
- Investiment ġdid fl-infrastruttura tal-enerġija, ilma u telekomunikazzjonijiet flok ix-xiri ta’ apparat second-hand li kien wassal biex Malta la kellha elettriku biżżejjed u lanqas ilma jew linji tat-telephone,
- Tneħħija tal-kontrolli kbar li l-Labour kien għamel fuq l-ekonomija fejn, pereżempju, ma stajt timporta xejn ħlief bil-permess tal-Gvern u lanqas stajt tieħu aktar minn Lm200 meta ssiefer għal vaganza,
- Ħajja ġdida lill-privat u lill-volontarjat flok ‘il-Gvern kollox’ kif kien sar fis-snin ta’ qabel l-1987 hekk li l-Gvern Laburista kien anke jimporta hu stess il-prodotti essenzjali bil-bulk buying b’sistema ta’ kwalità mill-agħar u skarsezzi kbar,
- Ġlieda kontra l-korruzzjoni li kienet mill-ogħla livelli (pe. biex tieħu permess tal-bini, dar tal-Gvern jew permess tal-importazzjoni) sal-anqas livelli (pe. biex tixtri television tal-kulur jew tieħu linja tat-telephone),
- Ħajja ġdida lill-ekonomija li kienet fi stat ta’ kollass nieqsa mill-investiment f’fabbriki ġodda u kienet qed issofri wkoll tnaqqis kbir fit-turiżmu,
- Ruħ ġdida lill-ekonomija biex toħloq ix-xogħol flok il-qgħad kbir għal ħafna snin qabel l-1987 tant li fl-aħħar ftit ġimgħat qabel din l-elezzjoni l-Gvern Laburista daħħal aktar minn 9,000 ruħ mal-gvern,
- Tneħħija tal-friża fil-pagi u fil-pensjonijiet li kienu ġew iffriżati mill-Gvern Laburista għal ħames snin sħaħ,
- Ġustizzja u solidarjetà ma’ kulħadd flok id-diskriminazzjoni kontinwa kontra kull min ma jaqbilx mal-Gvern Laburista li kien naqqas id-drittijiet tal-ħaddiema u tefa’ ħafna ħaddiema taħt dixxiplina militari,
- It-tmiem tal-vjolenza politika kontinwa mill-partitarji Laburisti magħqudin mal-Pulizija u mal-Armata li kienu jattakkaw lil min ma jaqbilx mal-Gvern Laburista,
- Ftehim bi dritt mal-Knisja kif jixraq lil kull assoċjazzjoni ta’ bnedmin flok il-ksur tad-drittijiet tagħha mill-Gvern Laburista li kien ipprova joħdilha l-propjetà u l-iskejjel tagħha,
- Ir-restawr tad-drittijiet tal-bniedem u tal-bażiku demokratiku, jiġifieri t-tmexxija tal-maġġoranza, żewġ elementi bażiċi li nkisru bil-kbir fis-snin ta’ qabel l-1987.
Is-snin ta’ wara raw it-twettiq veru tas-slogan ta’ din l-elezzjoni: Xogħol Ġustizzja Libertà.