Political Context
- English
- Malti
Labour government drowning in corruption
Corruption was a major issue under Labour. The Government had given itself so much power that Malta ended up with a hugely corrupt system in which:
- ordinary people had to pay backhanders to access simple services that had been – and were to be again – rightfully theirs, or
- there were Ministers and their cronies clearly asking for, and taking, bribes.
Some sectors had become notorious for huge corruption, among which
- building permits,
- government housing,
- public procurement, and
- import permits.
But corruption was the order of the day as well in levels lower down, even
- to buy a colour television (whose sale government controlled very strictly), and
- to apply for a telephone line (which were in very short supply due to scant investment in the telecommunications infrastructure).
This meeting was held for women on a weekday in Sannat, Gozo. It was a foretaste of the mass meeting held on the following Sunday in the same Gozo village. Eddie Fenech Adami spoke about the corruption Labour was drowning in, stating that people around the Labour Prime Minister had become millionaires.
Gvern Laburista mgħarraq fil-korruzzjoni
Il-korruzzjoni kienet kwistjoni kbira taħt Gvern Laburista li kien ta lilu nnnifsu tant poter li Malta spiċċat b’sistema għalkollox korrotta li fiha
- n-nies spiċċaw iridu ‘jħallsu’ biex jieħdu dak li qabel kien – u wara reġa’ sar – dritt tagħhom, inkella
- saħansitra kien hemm Ministri u nies madwar il-Ministri jitolbu l-flus u jixxaħħmu.
Ċerti oqsma kienu saru notorji bil-kbir għall-korruzzjoni, fosthom
- il-permessi tal-bini,
- l-għoti tad-djar tal-Gvern,
- kuntratti pubbliċi, u
- il-permessi tal-importazzjoni.
Imma l-korruzzjoni kienet tasal imqar f’livelli aktar baxxi, saħansitra
- biex wieħed jixtri television tal-kulur (li kien hemm kontrolli kbar fuqhom) jew
- biex japplika għal linja tat-telephone (li kienu skarsi ħafna minħabba nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet).
Dan il-meeting sar matul il-ġimgħa għan-nisa f’Ta’ Sannat, Għawdex – aperittiv għal mass meeting fl-istess lokalità l-Ħadd ta’ wara. Eddie Fenech Adami tkellem dwar il-korruzzjoni li l-Gvern Laburista kien qed jegħreq fiha fejn, qal Fenech Adami, nies madwar il-Prim Ministru Laburista saru miljunarji.
Transcript
Għeżież ħuti nisa Għawdxin,
Qed niltaqgħu f’Sannat għax nhar il-Ħadd għandna okkażjoni kbira meta ninawguraw uffiċċjalment dan il-każin verament sabiħ li għandu waħda mill-akbar swali. Il-ħsieb tagħna kien li bħala parti mill-progamm tal-ftuħ tal-każin ikollna din il-laqgħa magħkom nisa Għawdxin.
Ħsibna li is-sala tal- każin il-ġdid kienet kbira biżżejjed imma, qabel ma ġejt hawn, qaluli li l-preżenza tagħkom hi daqshekk numeruża li flok fis-sala tal-każin kellna noħorġu barra, quddiem il-każin.
Jiena nirringrazzjakom minn qalbi għal din il-laqgħa. Qed nara anke rġiel hawn ukoll. Bil-preżenza tagħkom dalgħodu f’Sannat, intom qed turu għal darb’oħra l-impenn, id-determinazzjoni u il-ħeġġa tagħkom, biex naħdmu lkoll flimkien sal-ġurnata tal-elezzjoni u biex wara l-elezzjoni nkomplu naħdmu flimkien biex, bil-mod il-mod, nsewwu l-ħsara li ġarrab pajjiżna tul dawn is-sittax-il sena.
Kampanja ta’ qerq
Illum nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici talli, wara li xolja l-Parlament, m’għamilx l-elezzjoni malajr kif kien dmir tiegħu imma qed ikompli jtawwal u ser ikompli jtawwal sal-aħħar ġurnata.
Qed ngħid nirringrazzjah bis-serjetà, għax dan id-dewmien qed jagħti lill-Partit tagħna opportunitajiet akbar biex il-poplu jkun jista’ jagħmel il-paraguni u jifhem aktar il- kampanja ta’ qerq tagħhom.
Il-kampanja elettorali tagħhom hi insult fil-konfront tal-elettorat Malti u f’din il-kampanja elettorali twila l-poplu jifhem aktar, il-bżonn u il-ħtieġa, li fil-pajjiż ikun hawn gvern ġdid. Gvern magħmul mill-Partit Nazzjonalista.
Jien m’għandix dubju li aktar ma jitkellmu, aktar ma l-Prim Ministru jiġi hawn ikellimkom, kif għamel il-ġimgħa li għaddiet, aktar tindunaw bil-qerq tagħhom. Dan għax ħadd daqskom l-Għawdxin mhu kapaċi jifhem u japprezza kif kellna Gvern li ttraskura lil Malta u Għawdex kollha imma, ttraskura bl-aktar mod assolut lil Għawdex.
Issa mingħalihom li għax jiġu fl-aħħar ġimgħat ta qabel l-elezzjoni jistgħu ibellawlkom li jridu. Jaħsbu li intom tfal żgħar.
Mingħalihom li issa, għax f’daqqa waħda jibdew xi xogħlijiet hawn f’Għawdex, ser jidħqu bikom.
Imma intom żgur li d-deċiżjonijiet kapaċi tagħmluhom skond il-mument. Jien ċert li intom l-Għawdxin tafu x’ser tkun l-għażla fl-elezzjoni li ġejja.
Għalhekk m’intomx se titqarrqu għax issa, lejliet elezzoni, f’daqqa waħda stenbħu u qalu l-pajjiż ma jiflaħx għaxart elef ruħ jirreġistraw għax-xogħol.
Ilna b’għaxart elef ruħ jirreġistraw mill-1982 u għal sena wara l-oħra dawn m’għamlu xejn. Aħna nafu li mhux biss l-għaxart eleft hemm jirreġistraw imma magħhom hemm almenu għaxart elef oħra li jixtiequ jaħdmu f’pajjiżna u mhux qed isibu x-xogħol hawn.
Dawn mingħalihom li għax fl-aħħar ftit xhur qabel l-elezzjoni qed iqassmu l-favuri u l-pjaċiri, għax qed jagħtu x-xogħol fl-aħħar mument, mingħalihom li bix-xogħol u l-pjaċiri jirnexxilhom jixtru l-vot ta’ ħutna Maltin u Għawdxin.
Jien ċert li r-risposta se nagħtuhielhom fil-ġurnata tal-elezzjoni.
Forsi aktar mill-kumplament ta’ Malta, l-Għawdxin jagħtu il-vot tagħhom bis-sens u bir-raġuni.
Jien ma niddejjaq xejn ngħid li, għalkemm li fiż-żmien li l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern għamel bosta ġid f’Malta u f’Għawdex,kien hemm min ħaseb li wara iż-żewġ rebħiet elettorali tal-1962 u tal-1966 bħal ma spiss jiġri f’pajjiż verament demokratiku, kien tajjeb li wieħed jipprova lill-partit l-ieħor.
Fil-fatt hekk ġara fl-1971 meta f’Għawdex kien hemm żieda sostanzjali fil-voti lill-partit l-ieħor.
Qed ngħid ‘il-partit l-ieħor’ għax tikkonfondi x’tgħidlu.
Issa reġgħu saru tal-Labour sa ftit xhur ilu kienu jissejħu Soċjalisti, ftit qabel kienu jsejħu lilhom infushom il-Moviment tal-Ħaddiema. Imma issa, fill-karti kollha, fid-diskorsi kollha reġgħu saru l-partit tal-Labour.
Jien żgur li intom l-Għawdxin tirriflettu fuq l-esperjenza ta’ dawn is-sittax-il sena u tagħmlu kif diġà għamiltu fl-1976 u fl-1981.
- Fl-1971, il-voti għall-Partit Nazzjonalista f’Għawdex kienu 7,400.
- Fl-1976 telgħu għal 9,000.
- Fl-1981 qabżu l-10,000
Jiena ċert li fl-elezzjoni li ġejja sejrin naqbżu sew l-10,000 li ġibna fl-1981.
Pjan ta’ żvilupp għal Għawdex
Jien ma niddubitax mis-sehem tagħkom. Jien ċert li meta tmorru tivvutaw, tagħtu l-vot lill-Partit Nazzjonalista mhux biss għax ħafna minnkom hekk għamiltu fl-imgħoddi iżda wara ħsieb. Tivvutaw wara li intom tifhmu, tarblu u taraw b’serjeta’ x’jeħtieġ il-pajjiż, partikolarment f’Għawdex.
Għalhekk kif jista’ jkun li xi ħadd f’Għawdex meta jħares lura ma jifhimx il-bżonn
- li jkun hawn gvern li verament ifassal pjan ta’ żvilupp għal Għawdex.
- li jkun hawn gvern li tassew jara li Għawdex jerġa’ jieħu sehem mill-iżvilupp fil-pajjiż kollu.
- li jkun hawn gvern li verament jagħmel programm speċjali biex f’Għawdex jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol.
Tassew tidħaq meta tara lill-Prim Ministru jiġi hawn Għawdex u jitkellem dwar il-ġid kbir li għamlu għax l-emigrazzjoni m’għadhiex kif kienet u jgħid li Għawdex għadhom jitilqu nies, jemigraw, ħafna aktar bħala proporzjon, id-doppju tista’ tgħid, ta’ dawk li emigraw minn Malta f’dawn l-aħħar snin.
Imma l-poplu Għawdxi mhux fuq l-emigrazzjoni jrid jisma’.
Il-poplu Għawdxi jrid jisma’ għaliex fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija qabel kien hemm mal-1,800 ruħ jaħdmu waqt li issa, in-numru ta’ nies jaħdmu hemm hu ta’ madwar 600.
Il-poplu Għawdxi jrid jaf il-Gvern, li f’sittax-il sena irvina tista’ tgħid għalkollox il-Qasam Industrijali t’Għawdex, x’jista’ u x’qiegħed jipproponi għal Għawdex biex f’Għawdex jerġa’ jkun hawn ix-xogħol?
Nafu li dan il-Gvern ma ppjana u ma ħaseb għal xejn fl-imgħoddi. Anzi fl-imgħoddi fixkel dawk l-industriji li kienu jagħtu x-xogħol hawn u, fil-fatt, ħafna minnhom kellhom jagħlqu għalkollox jew inaqqsu sew n-numru ta’ nies li jħaddmu.
Mhux hekk ħadem l-Partit Nazzjonalista fl-imgħoddi u nassigurakom li mhux hekk ser jagħmel il-gvern ġdid ta’ Malta u Għawdex li ser ikollna minn hawn u ftit ġimgħat oħra.
Tagħna jkun gvern li jara li jsir dak kollu li jista’ jsir biex f’Għawdex jitkattar ix-xogħol.
Meta ngħidu li l-gvern ġdid jara x’jagħmel biex jitkattar ix-xogħol f’Għawdex, ma nfissrux li jkun hawn xi deputat jew Ministru Nazzjonalista li joqgħod iqassam l-impjiegi mal-gvern f’Għawdex.
L-impjiegi mal-gvern bżonnjużi, imma l-gvern il-ġdid ikun aktar effiċjenti.
F’Għawdex għandu jkollkom amministrazzjoni għal Għawdex li tkun effiċjenti.
Il-mira tagħna tibqa’ li tant irridu li Għawdex jiġi trattat b’mod partikolari, u b’attenzjoni akbar mill-kumplament ta’ Malta, li se nżommu l-wegħda tagħna li jkun hemm Ministru b’responsabbiltà li jara li Għawdex jieħu dak kollu li ħaqqu u li f’Għawdex ikun hemm dak kollu li jkun hemm bżonn.
Kont qed ngħid li Gvern Nazzjonalista jkattar ix-xogħol imma mhux billi jkun hemm numru ta’ nies akbar impjegati mal-gvern kif qed jiġri issa għax wasalna lejliet l-elezzjoni.
Dawn lill-pajjiż ġabuh f’sitwazzjoni li ma teżisti mkien oħra bħala!
Meta telgħu fil-gvern fl-1971, dawn kienu qalu li hawn nies wisq impjegati mal-gvern.
- Dakinhar kien hawn 21,000 jaħdmu mal-gvern.
- Illum, lejliet l-elezzjoni, in-numru ta’ nies jaħdmu mal-gvern tellgħuh għal aktar minn 32,000 ruħ.
F’Malta u Għawdex wasalna biex għal kull 10 minn nies tal-popolazzjoni għandna wieħed jew waħda impjegati mal-gvern.
Tant il-Gvern irid jindaħal f’kollox li għandu bżonn ta’ wieħed impjegat miegħu għal kull għaxar minn nies. Din is-sitwazzjoni saret hekk għax tul sittax-il sena sħaħ dan il-Gvern ma kienx kapaċi joħloq ġid li jkattar ix-xogħol fil-pajjiż.
Għal darb’oħra, jien nerġa ngħid lil dawk kollha li llum ingħataw post mal-Gvern, li jekk tridu li l-post tax-xogħol tagħkom jibqa’ assigurat għalikom, għandkom tivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Dan għax il-Partit Nazzjonalista biss jista’ jagħti l-garanzija li qatt fil-futur ma jtellef il-post tax-xogħol lil xi ħadd. Mhux hekk għamlu fl-imgħoddi. Jien ċert li dak kollu li qed jagħmlu issa, lejliet l-elezzjoni, kieku kellhom jerġgħu ikunu fil-gvern, jerġgħu iżarmawh għal xi raġuni jew oħra.
Jien persważ li l-ħaddiema Maltin dan jifhmuh. Persważ li jifhmu li min ingħatalu post tax-xogħol, dak hu dritt tiegħu, għax għandu d-dritt li jkun hemm gvern li jkattar ix-xogħol fil-pajjiż.
U ħadd mhu se jħoss li għandu jagħti l-vot lil dan il-Gvern, lill-kandidati tal-partit fil-gvern għax tawh dak li huwa dritt tiegħu.
Drittijiet ugwali għan-Nisa
Illum minbarra li qegħdin hawn bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-każin, qegħdin hawn ukoll biex infakkru Jum il-Mara li jiġi ċċelebrat fit-8 ta’ Marzu tista’ tgħid fid-dinja kollha biex ifakkar fid-drittijiet tan-nisa f’kull pajjiż.
Dawn mhux drittijiet li jagħtihomlhom xi gvern tal-ġurnata imma drittijiet li ġejjin mill-fatt li l-mara hi bniedem.
Fl-imgħoddi, tista’ tgħid is-soċjetajiet kollha kienu mimlijin diskriminazzjoni kontra l-mara.
Jum il-Mara għandu jfakkarna li hu d-dmir tagħna li f’pajjiżna ma nħallux li tibqa’ teżisti xi forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa. Jiġifieri ma nħallux li mara tiġi trattata b’mod differenti sempliċiment għax hi mara.
Nerġa’ nfakkar hawn li tul dawn l-aħħar ħames snin l-Partit Nazzjonalista, fil-Parlament u barra l-Parlament, ippruvajna nipperswadu lill-partit l-ieħor li wasal iż-żmien biex f’Malta ikun dikjarat fil-Kostituzzjoni li f’pajjiżna ebda liġi ma tista’ tiddiskrimina kontra n-nisa. Iżda l-Gvern ma qabilx ma dan.
Meta għamilna proposti fil-Parlament biex niddiskutu dwar dan, il-Gvern ma aċċettax.
Illum jidher li l-għajta tagħhom lejliet l-elezzjoni lanqas ma hi li f’pajjiżna ikun hawn verament ugwaljanza sħiħa bejn in-nisa u l-irġiel għax it-tnejn huma ndaqs bħala bnedmin.
Biex wieħed jara dawn x’għandhom f’rashom u kif mingħalihom li sejrin jieħdu l-vot tan-nisa wieħed dan jista’ jarah fil-fuljett li naħseb li rċevejtu lkoll hawn f’Għawdex kif irċevejtu jien ukoll f’Malta.
Hemm tara kif mhumiex kapaċi jaħsbu ’l quddiem. Kif inhuma nies mingħajr ideat u nixfu għalkollox mill-ideat. Mhumiex kapaċi jaħsbu aktar, b’mod realistiku, x’inhuma l-bżonnijiet tal-poplu tagħna.
Fl-ewwel faċċata tal- fuljett, minbarra ritratti ta’ erba’ nisa, hawn miktub li dawn, sa minn ħafna qabel l-1946, irsistew li n-nisa jingħatalhom il-vot.
U aħna ngħidulhom:
- Intom tridu n-nisa llum jivvutawlkom għax qed tgħidu li ridtu tagħtu d-dritt tal-vot lin-nisa ma nafx kemm-il sena ilu?
- Ma tafux li din hija ħaġa li hija aċċettata kullimkien kull fejn hemm demokrazija?
- Jekk mingħalikom li se takkwistaw il-vot mingħand in-nisa għax tajtulhom vot 40 sena ilu turu kemm veru m’għandkomx kuntatt mal-poplu.
Dawn verament m’għadhomx jifhmuh lill-poplu Malti u Għawdxi.
Pagi u għoli tal-ħajja
Ikomplu fil-paġna ta’ wara u jgħidu: “Meta għidna li hemm bżonn il-pagi ma jogħlewx għidna wkoll li m’aħniex ser inħallu l-ħajja togħla. Dik il-wegħda wkoll wettaqnieha.”
Li l-pagi ma ħallewhomx jogħlew kulħadd jaf għax mill-1982 ma ħallewx il-pagi jiżdiedu f’pajjiżna.
Imma, nistaqsi lin-nisa tad-dar: Dawn qed jgħidu li ma’ ħallewx il-ħajja togħla u qed jgħidu li dik il-wegħda wetquha. Hawn xi ħadd li jemmen li f’dawn l-erba’ snin il-ħajja m’għolietx f’pajjiżna?
Mhux biss. qalulna li qed jimpurtaw xi affarjiet minn barra u ħallewx il-prezzijiet tagħhom jogħlew. Kellna Ministu li xi ġimgħa ilu qal li: “In-Nazzjonalisti jridu jneħħu s-sistema tal-Bulk Buying,” jiġifieri dik is-sistema fejn il-gvern jorganizza x-xiri ta’ affarjiet, l-aktar l-affarijiet tal-ikel biex suppost il-ħajja ma togħliex.
Fl-istess diskors, dan il-Ministru qal li, mis-sistema tal-Bulk Buying, il-Gvern għamel qliegħ ta’ tlettax-il miljun lira. Qal li tmien miljuni diġà ħadhom il-Gvern u ħames miljuni ntefqu, jew ser jintefqu, biex il-prodotti ma jogħlewx.
Kif diġà għidt: Dawk it-tlettax-il miljun lira li qed jgħid li faddlu minn fejn ħarġu?
Daħlu idejhom fil-but il-Ministri u ħarġu miljun kull wieħed?
Hemm minnhom jifilħu joħorġu miljun lira tafux, imma ħadd minnhom m’għamel hekk.
Dawk it-tlettax-il miljun lira u aktar huma flus li l-poplu Malti kien imġiegħel iħallas aktar milli suppost fuq prodotti li jimporta l-Gvern għax flok ma biegħhom bl-irħis, il-Gvern għamel taxxa fuqhom, taxxa li tfisser aktar minn tlettax-il muljun lira.
Allura x’wiċċ għandhom jgħidu f’dan il-fuljett li żammew il-wegħda li l-ħajja ma għoliex.
U kif li l-ħajja għoliet! Qed jgħidu u jammettu huma stess, li fuq ċerti affarijiet tal-ikel għamlu qliegħ ta’ tlettax-il miljun lira u aktar!
Servizzi Socjali
Mbagħad f’dan il-fuljett jsemmulna l-allowances tat-tfal.
Dawn jippretendu li intom in-nisa tridu tibqgħu tgħidu grazzi għall-eternità għax daħħlu l-allowance tat-tfal f’pajjiżna.
Allaħres f’pajjiżna, f’dak li jirrigwarda s-servizzi soċjali, ma nibqgħux dejjem nimxu ’l quddiem.
Is-sistema tas-servizzi soċjali f’pajjiżna mhijiex xi ħaġa li għamel partit wieħed.
Huwa fatt li f’pajjiżna s-servizzi soċjali laħqu l-livell li hemm llum għax iż-żewġ partiti għamlu li setgħu, skond il-mezzi u skond iċ-ċirkostanzi ta’ meta kienu fil-gvern, biex is-servizzi soċjali f’pajjiżna jittejbu.
Hekk għamlu l-gvernijiet magħmula mill-Partit Nazzjonalista!
Id-differenza bejn iż-żewġ partiti mhijiex jekk iż-żewġ partiti jtejbux is-servizzi soċjali .
Id-differenza bejn iż-żewġ parti hi li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem tejjeb is-servizzi soċjali kien dan il-Gvern li f’dawn is-sittax-il sena li għaddew naqqas is-servizzi soċjali f’pajjiżna.
Lil dawk li jaħdmu għal rashom nfakkarhom li kien Gvern Nazzjonalista li fl-1965 li tagħhom id-dritt li jħallsu l-bolla u jieħdu l-benefiċċji kollha bħall-ħaddiema l-oħra kollha.
Izda kien dan il-Gvern Socjalista li, ftit wara li tela’ fl-1971, qal li dawk kollha li jaħdmu għal rashom
- mhux ħaddiema bħall-oħrajn.
- jekk jimirdu m’għandhux ikollhom id-dritt tal-benefiċċju tal-mard.
- jekk ikorru m’għandhomx dritt għall-benefiċċju tal-korriment.
Hekk għamlu dawn ftit wara li telgħu fl-1971.
U, sena wara l-oħra, aħna kkritikajniehom u għidnielhom li din inġustizzja għax tal-Grocer u min jaħdem għal rasu, min għandu ħanut żgħir, dawk huma ħaddiema daqs ħaddiema oħra u dawn għandhu jkollhom id-dritt għas-servizzi soċjali bħall-ħaddiema l-oħra kollha.
Wara l-kritika tagħna li damet u għadha sejra f’dawn l-aħħar sittax-il sena irranġaw xi affarijiet, imma għadu mhux biżżejjed.
Il-wegħda tagħna hi li l-ħaddiema kollha, anke dawk li jaħdmu għal rashom, aħna nqisuhom bħala ħaddiema u allura għandhom ikollhom l-istess drittijiet bħall-ħaddiema l-oħra.
Il-Gvern Socjalista mhux biss naqqas is-servizzi soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom imma naqqas wkoll il-pensjonijiet fil-pajjiż.
Naqqas id-drittijiet tal-pensjoni għal eluf kbar ta’ ħaddiema Maltin.
L-ewwel nett tafu li dan il-Gvern għamel li l-anzjani kollha, ix-xjuħ li jsibu ruħhom f’xi sptar tal-gvern, titnaqqsilhom sittin fil-mija tal-pensjoni li jkunu qed jirċievi. Sittin fil-mija jżommha l-Gvern suppost biex jirranġalhom l-affarijiet biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar. Imma, il-verità hi li dan il-Gvern naqqar b’sittin fil-mija l-pensjoni ta’ dawk kollha li jkollhom bżonn imorru f’xi sptar jew f’xi dar tax-xjuħ.
Imma mhux biss lil dawk.
- Naqqas il-pensjonijiet tal-pulizija.
- Naqqas il-pensjonijiet tas-suldati tal-Armata.
Kull gvern serju kullimkien fid-dinja jirrikonoxxi li l-pulizija u s-suldati għandu jkollhom id-dritt jirtiraw bil-pensjoni f’età iżgħar minn ħaddiema oħra għax ħafna drabi ix-xogħol tagħhom hu skabruż ta’ strapazz u ta’ tbatija.
Ix-xogħol tagħhom jirrikjedi nies ta’ eta’ zgħira għax li ma jistax ikollok Armata, jew Korp tal-Pulizija, b’ħafna minnhom ta’ sittin sena jew kważi. Għalhekk il-liġijiet tagħna jipprevedu li n-nies fil-pulizija u fl-Armata jieħdu l-pensjoni f’età iżgħar.
Imma x’għamel dan il-Gvern?
Il-Gvern Socjalista qal li jekk dawn jieħdu l-pensjoni ma jistgħux imorru jaħdmu,u jekk imorru jaħdmu jitilfu d-dritt tal-pensjoni tagħhom. Dan għax skond hu mhux sewwa li xi ħadd ikollu pensjoni mbagħad, bejn il-pensjoni u x-xogħol li jagħmel, jaqla’ b’kollox iktar mis-salarju li kellu meta rtira.
Il-prinċipju li daħħal dan il-Gvern hu li bħala pensjoni ħadd f’pajjiżna m’għandu jkollu d-dritt għal aktar minn żewġ terzi tal-paga li kellu meta kien jaħdem. B’din ir-regola tellef lil eluf kbar ta’ ħaddiema Maltin ħafna mid-drittijiet tal-pensjoni li kellhom.
Allura meta jibagħtulkom il-leaflet id-dar u jsemmulkom l-allowances li tieħdu għat-tfal, għidulhom li fuq l-allowances u fuq dak kollu li hawn tajjeb dak jaqbel miegħu kulħadd. M’hawnx differenza bejn iż-żewġ partiti.
Id-differenza bejn ż-żewġ partiti hi li huma ingannaw bil-poplu, għax waqt li jiftaħru bis-servizzi soċjali kienu huma li neħħew servizzi soċjali li kien igawdi l-poplu Malti u Għawdxi.
Ladarba semmew l-allowances, tajjeb tiftakru li sa mil-bidu nett aħna konna għidna li mhux sew li l-Gvern jagħti għajnuna lill-familji sa tlett itfal biss. Meta għidna dan fil-Parlament, ir-risposta tagħhom kienet li hekk hemm bżonn għax il-pajiż ma jiflaħx familji b’aktar minn tlett itfal. Hekk iddeċidew.
Iddeċidew huma li l-familji Maltin u Għawdxin mhux sew li jkollhom aktar minn tlett itfal għax dak piż li l-pajjiż ma jiflaħx.
Ir-risposta tagħna hi li f’dawn l-affarijiet ma jindaħalx il-gvern. F’dawn l-affarijiet ma rridux li jkun hawn gvern li jiddettalna x’inhu tajjeb għall-familja tagħna.
Aħna nemmnu li jridu jkunu il-ġenituri li jiddeċiedu x’inhu tajjeb għall-familja tagħhom.
Aħna dejjem għidna w insistejna li lit-tfal inħobbuhom kollha indaqs.
Bil-prinċipju ta’ għajnuna sa tlieta u mhux aktar fir-realta’ tkun qed tiddiskrimina kontra dawk it-tfal li ġejjin minn familji ta’aktar minn tlett itfal.
Aħna ilna nikkritikaw din il-miżura minn mindu saret. U fl-aħħar, issa qabel l-elezzjoni, fil-budget qalu li ser jagħtu għajnuna aktar minn tlett itfal.
Imma oqogħdu attenti għall-ingann.
Dawn mhux qed jgħidu li se jagħtu għajnuna għat-tfal kollha, imma li se jkomplu jagħtu għajnuna għal tlieta biss bid-differenza li issa, jekk ikollok aktar minn tlieta. meta joħroġ l-ewwel wieħed, jidħol ir-raba’ wieħed floku.
Aħna diġà kellna ħamest itfal meta dahlet c-Children’s Allowance. allura kellna l-ewwel l-allowance ghal tlieta u meta l-kbir laħaq sittax-il sena daħal ir-raba’ wieħed floku.
Tafu għaliex? Għax kienu twieldu kollha qabel m’għaddiet il-liġi.
Huma kienu qalu: Issa il-poplu Malti avżat! Tlieta! Min jieħu żball, jew ma nafx, dik affari tiegħu!
Dan qaluh fil-Parlament mhux qed niċċajta.
Min qabel kellu aktar minn tlett itfal qalu all right meta jispiċċa l-ewwel wieħed jidħol l-ieħor ta’ warajh. Qalu imma issa, minn hawn ’il quddiem kulħadd, avżat.
Nerġa’ ngħid, dan id-diskors sar bis-serjetà fil-Parlament. Qalu minn issa ’l quddiem min ikollu aktar minn tlieta affari tiegħu.
Issa, lejliet l-elezzjoni fil-budget ta’ din is-sena, fl-aħħar qed jgħidu li anke t-tfal iktar minn tlieta li twieldu wara li għaddiet din il-liġi tlieta jieħdu dejjem. Mbagħad hekk kif wieħed jagħlaq is-sittax jidħol ir-raba’ wieħed floku.
Il-punt li qed nagħmel huwa dan. Dawn mingħalihom li għax jibagħtu leaflet bħal dan u joqogħdu jsemmu li qed jagħmlu l-allowances għat-tfal intom in-nisa se tgħidulhom grazzi u se tibqgħu tgħidulhom grazzi għall-eternità u tgħidulhom li huma biss jixraq li jmexxu lil pajjiżna.
Korruzzjoni kullimkien
Irridu nifhmu, għax din veru l-isfortuna li ġrat f’pajjiżna: Li ftit li xejn qed iħallu lin-nies jirraġunaw.
Meta tara pajjiżi oħra kif isiru l-elezzjonijiet tinduna li n-nies tassew kapaċi jiddeċiedu, skond iċ-ċirkostanzi, liema hu l-aħjar partit li l-pajjiż ikollu bżonn f’dak il-mument. Għalhekk li f’pajjiż fejn hemm id-demokrazija hi ħaġa naturali li jkun hemm bidla kultant żmien u li l-poplu waqt li llum jivvota lil partit għada jgħid, dak il-partit nixef mill-ideat, dak il-partit mhux kapaċi jmexxi dan il-pajjiż, u jibdel il-gvern tal-ġurnata.
Sfortunatament f’pajjiżna hawn polarizzazzjoni kbira. Għad hawn nies li mhumiex kapaċi jaslu għall-ġudizzju tagħhom ta’ bnedmin bir-raġuni.
Din ħaga li jien dejjem nagħmel enfażi fuqha. Dejjem nisħaq li min irrid jivvota lili, min irid jivvota lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista irid jifhem li qed jivvotalu mhux biss għax hekk għamel ħames snin ilu imma ser jivvotalna għax jemmen wara li qagħad jaħseb, jifhem wara li qagħad jixtarr, li hekk għandu bżonn il-pajjiż illum.
U, jekk tieqaf taħseb ftit, kif jista’ jkun ma tifhmix li jekk irid jerġa’ jqum fuq saqajh dan il-pajjiż bilfors għandu bżonn gvern ġdid?
Illum , il-korruzzjoni li hawn f’dan il-pajjiż hi xi ħaġa li twerwrek. Titwerreċ u tittarax tisma’ kuljum kif dan il-pajjiż huwa mgħarraq fil-korruzzjoni.
Il-ġimgħa l-oħra, Karmenu Mifsud Bonnici, kellu l-wiċċ jitkellem mingħajr ma jsemmi kelma waħda dwar il-korruzzjoni.
Aħna ngħidulu li hu mdawwar b’nies korrotti. Hu ħoloq sistema ta’ korruzzjoni kullimkien, anke issa lejliet l-elezzjoni.
Għalina li tagħti x-xogħol lil xi ħadd għax taħseb li ser jivvotalek, li tqassam il-promotions lejliet l-elezzjoni għax taħseb li b’hekk ser tisraq il-vot ta’ xi ħadd, dawk ukoll huma korruzzjoni.
Imma nafu li hawn dik il-korruzzjoni li kulħadd jifhem x’inhi meta ssemmi l-kelma korruzzjoni.
Il-korruzzjoni tal-flus, il-korruzzjoni ta’ nies li saru mhux biss sinjuri, saru miljunarji.
Saru miljunarji bis-sistemi korrotti li ħalaq dan il-Gvern.
Kif jista’ jkun li f’Malta u Għawdex min jaħseb bis-serjetà, jaħseb bis-sinċerità u jara x’inhu jiġri madwaru ma jasalx għall-konklużjoni li dan il-Gvern irid jitwarrab?
Dan il-Gvern ġab il-korruzzjoni f’pajjiżna kullimkien.
L-ewwel ħaġa li għandu bżonn pajjiżna hi li jkun hawn gvern nadif,u din hi l-wegħda li jagħmlilkom il-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista jwegħedkom gvern nadif.
Gvern nadif mhux biss mill-korruzzjoni tal-flus imma gvern nadif li jistmana lkoll bħala aħwa Maltin. Gvern nadif li verament jagħti każ ta’ x’għandha tfisser il-ġustizzja.
Għalhekk, għall-kampanja elettorali li ilha x-xhur u s-snin għaddejja, għażilna bħala slogan l-kliem: XOGĦOL, ĠUSTZZIJA, u LIBERTÀ.
Bil-korruzzjoni ma jistax ikun hawn ix-xogħol f’pajjiżna.
Titkellem ma industrijalisti barranin u jgħidulek li f’Malta taħt dan il-Gvern m’hemmx post għalihom. Jgħidulek: Dan il-Gvern ma tistax tafdah; Dan il-Gvern jbiddel il-liġijiet mil-lum għal għada. Dan il-Gvern jindaħallek f’kollox.
Meta ngħidu li jrid ikun Gvern Nazzjonalista li bil-politika tiegħu jnaddaf il-pajjiż biex jattira x-xogħol lejn pajjiżna, nafu x’qed nagħmlu.
Għalhekk l-ewwel għajta tagħna hija x-xogħol.
F’pajjiżna, ix-xogħol jista’ jġibu biss gvern ġdid għax il-gvern preżenti sfiduċjat. Dan gvern li ħoloq il-korruzzjoni u la kien u lanqas qatt ma jista’ jkun kapaċi li jġib ix-xogħol f’pajjiżna.
Meta ngħid ‘dan qatt ma jkun kapaċi’ nfisser qabel ma jitnaddaf.
U bżonn ieħor għall-pajjiż u bżonn għad-demokrazija f’pajjiżna hu li l-Partit Laburista jitnaddaf mill-ħmieġ li għandu. Ħmieġ tal-korruzzjoni. Ħmieġ li qatt forsi ma rajna bħalu.
Hi verament ħaġa tal-mistħija li jkollok żewġ deputati li l-Qorti f’sentenza tiddikjara li għamlu rapport falz. Tiddikjara li ż-żewġ deputati ħadu sehem meta ħaddiem ġie msawwat. Iżda, Alla jbierek, dawn iż-żewġ deputati jibqgħu hemm u ma jittieħdux passi kriminali kontra tagħhom. Anzi dawn għandhom l-ardir li jerġgħu jippreżentaw ruħhom hawn ukoll biex intom l-Għawdxin ittuhom il-vot tagħkom.
Nerġa’ ngħid, hemm bżonnli dan il-pajjiż jitnaddaf.
Bħalissa hawn ħafna xniegħat dwar min ser ikunu l-kandiati t’Għawdex. Min jaf jekk f’Għawdex hux ser ikollkom kandidat lil Karmenu Mifsud Bonnici?
Jien ma nistax niddeċiedi għalih, imma forsi tkun ħaġa tajba li lilkom l-Għawdxin jagħtikom l-opportunità li minflok ċertu kandidati, li ma jixirqilhomx jirrappreżentawkom, tagħżlu kandidati oħra.
Irridu nifhmu li t-tindif li rridu nagħmlu hu bżonnjuż ukoll biex noħolqu x-xogħol f’pajjiżna.
Imma hemm l-għajta l-oħra, dik tal-ġustizzja.
F’pajjiżna ġralna gwaj kbir meta dan il-Gvern ipprova jnessina x’inhu s-sewwa.
F’pajjiżna dan il-Gvern mhux qed jgħid lill-poplu Malti, ifhem x’inhu s-sewwa, ifhem x’inhu dritt tiegħek u x’mhuwiex.
B’esperjenza ta’ sittax-il sena, dan il-Gvern għamel b’mod li ħafna nies m’għadhomx jifhmu xi tfisser il-kelma sewwa.
Dan il-Gvern Socjalista ħoloq sistema fejn inti mhux aktar tippretendi dak li hu tiegħek bi dritt għax hekk hu sewwa u li dak li hu tiegħek ma ċċedihx għax hu tiegħek bis-sewwa għax ħolqu sistema fejn mingħalhom ġabu lil kulħadd għarkupptejh. Kulħadd jittallab.
Mhux tittallab biex tiehu dak li hu s-sewwa, imma ħafna drabi wkoll tittallab biex tieħu dak li mhux sewwa. Sfortunatament, tittallab ukoll biex tieħu dak li hu sewwa, dak li hu tiegħek.
L-għajta l-oħra tagħna hi l-għajta għal-libertà.
Mingħajr il-libertà ma nistgħux ngħixu bħala bnedmin, l-ewwel nett il-libertà li nagħżlu min jigverna, min imexxina.
Tafu bir-rebħa kbira li għamilna fl-aħħar ġranet tal-Parlament.
Konna ilna ħames snin ngħidulhom li l-poplu Malti ma jistax jaċċetta r-riżultat tal-elezzjoni tal-1981. Konna ilna ngħidu li hemm bżonn li min ikollu l-maġġoranza tal-voti jkun żgur li jigverna lill-pajjiż.
Minkeja li għal ħames snin sħaħ baqgħu jgħidulna le, fl-aħħar ġimgħat tal-Parlament kellhom jgħidu iva u kellhom jivvutaw huma wkoll biex fl-elezzjoni li ġejja min ikollu l-poplu warajh, minkejja tbagħbis fid-distretti elettorali, xorta jkun żgur li jifforma gvern.
Bħali u aktar minni, intom tafu li dawk il-51% li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista ħames snin ilu kottru u kottru bil-kbir. Kottru ħafna u kottru kullimkien fid-distretti ta’ Malta u Għawdex.
Illum meta nisma’ l-aħbarijiet, mhux tat-television, imma mingħand sħabi l-kandidati, ħaġa waħda hi ċerta: kullimkien f’Malta u Għawdex, jekk tmur Bormla, il-Birgu, iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u f’kull post f’Malta u Għawdex, il-kandidati tagħna jmorru fid-djar tan-nies u jsibu familji sħaħ li jgħidulhom: Aħna konna Laburisti, aħna vvutajna ‘l-Labour, imma issa nafu li hemm bżonn li din id-darba żgur jigverna l-Partit Nazzjonlista.
Dan mhux kliem vojt li qed ngħid. Nassigurakom li din hi r-realtà.
Ir-realtà hi li anke li dawk li forsi f’qalbhom għadhom jgħidu li jixtiequ li jibqgħu Laburisti llum qed jgħidu li l-pajjiż għandu bżonn li l-partit tagħhom ma jibqax fil-gvern.
Nerġa’ ngħid, dan jinħass kullimkien u forsi l-iktar li jinħass huwa fost iż-żgħażagħ.
M’hemmx dubju li ż-żgħażagħ fil-kotra kbira tagħhom jistennew li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jagħtihom fiduċja fihom infushom, fiduċja fil-pajjiż, fiduċja fil-ġejjieni għal pajjiżna.
Ħbieb tiegħi,
Jien bdejt biex għidt li nirringrazzja lill-Gvern li tawwal din il-kampanja elettorali.
Għall-Partit Nazzjonalista dan hu ta’ ġid għax sejrin inkomplu nkabbru s-support tal-poplu lejna. Imma rrid ngħid ukoll li b’din id-deċiżjoni tiegħu il-Gvern qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż.
Li għal tliet xhur sħaħ iżżomm il-pajjiż wieqaf u f’pożizzjoni li ma jisgħux jittieħdu ċertu deċiżjonijiet hu delitt kontra l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Pirm Ministru jaf li f’dawn iż-żminijiet bilfors li tieqaf l-attività. Ħafna li jridu jinvestu, ħafna li jridu jieħdu deċiżjonijiet importanti qed jgħidu stenna, ħalli naraw x’ser jiġri fil-pajjiż. Stenna ħalli naraw l-ewwel nett jekk hux kollox imur b’wiċċ il-ġid. Stenna ħalli naraw min ser ikun fil-gvern. Stenna.
Lill-pajjiż dawn waqfuh għal tliet xhur sħaħ.
Nerġa’ ngħid, dan delitt kontra l-poplu Malti u Għawdxi u ħadd aktar mill-Prim Ministru ma jaf dan għax, l-istess nies li jiġu jkellmu lili, ħafna drabi jkunu diġà kellmu lilu jew wara li jkellmu lili jkellmu lilu wkoll.
Hu jaf li bħalissa kollox wieqaf fil-pajjiż.
Naturalment, kollox wieqaf ħlief il-pjaċiri, kollox wieqaf ħlief it-tberbiq tal-flus.
Naturalment, kollox wieqaf ħlief li l-Ministri jibqgħu hemm, mkaħħlin mal-pultruna biex ikomplu, f’dawn l-aħħar ġimgħat, jagħmlu dak, mhux li jaqbel lill-pajjiż, imma li mingħalihom jaqbel lilhom.
Mingħalihom jaqbel lilhom għax jaħsbu li ser jisirqu l-voti.
F’xi każi wkoll mingħalihom li jaqbel lilhom għax hemm minn ta’ madwarhom li għadhom ikomplu jħaxxnu bwiethom f’dawn l-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni.
Għalhekk, anke minn dan il-lat, għalkemm qed jagħmel ħsara lill-pajjiż, dan id-dewmien qed ikompli jsaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista.
Ħbieb tiegħi, nirringrazzjakom ta’ din il-laqgħa ta’ dalgħodu.
Nerġgħu niltaqgħu hawn, fl-istess post, nhar il-Ħadd meta jiena żgur li jkollna wieħed mill-akbar meetings, u forsi l-akbar meeting li qatt kien hawn f’Għawdex.
Grazzi, grazzi minn qalbi.
Nirringrazzjakom ilkoll u niltaqgħu dalwaqt.