Political Context
- English
- Malti
Mass meetings and party clubs as a political need
From the late 1970s, Nationalist Party mass meetings grew in size and frequency due to Eddie Fenech Adami’s popularity.
Labour controlled public broadcasting; if the Nationalist Party was mentioned at all, it was to twist its message. The Nationalist Leader was never mentioned by name. The political crisis had, thus, rendered Nationalist mass meetings a political communications need.
During the 1981-87 campaign for democracy, the Nationalist Party started organising mass meetings in large and iconic squares such as the Granaries and the Independence Arena in Floriana and Ta’ Qali.
Another new phenomenon was the organisation of mass meetings in Gozo, for youths and for women (see 12th March 1987). This was one of the Gozo mass meetings and it was held at almost the same time as one in Malta, next to the Auberge de Baviere in Valletta.
Another new development of those years was the Nationalist Party buying and opening clubs in almost all localities. This was in sharp contrast to Labour who forcibly requisitioned properties from their owners, abusing of a wartime law, and still uses these properties as Labour Party clubs under coercion of the owners.
At the end of this particular mass meeting, Eddie Fenech Adami officially opened a new Nationalist Club in Qala.
Il-mass meetings u l-każini politiċi bħala bżonn
Mill-aħħar tas-snin 70, il-mass meetings tal-Partit Nazzjonalista kibru ħafna minħabba l-popolarità ta’ Eddie Fenech Adami.
Dan kien żmien ta’ xandir pubbliku kkontrollat mill-Gvern meta, jekk jissemma l-Partit Nazzjonalista, kien biex jitgħawweġ il-messaġġ tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss kien jissemma b’ismu. Il-kriżi politika għamlet il-mass meetings tal-Partit Nazzjonalista bżonn ta’ komunikazzjoni politika.
Fil-kampanja għad-demokrazija sal-1987, il-Partit Nazzjonalista beda jagħmel ukoll mass meetings f’wesgħat kbar bħal Fuq il-Fosos u l-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana u f’Ta’ Qali.
Fenomenu ġdid kien ukoll il-mass meetings f’Għawdex, għaż-żgħażagħ u għan-nisa (ara mass meeting fit-12 ta’ Marzu 1987). Dan kien wieħed mill-mass meetings f’Għawdex u sar fl-istess ġurnata u kważi fl-istess ħin ma’ wieħed f’Malta, fil-Belt ħdejn il-Berġa tal-Baviera.
Fenomenu ieħor kien li l-Partit Nazzjonalista xtara każini kważi f’kull belt u raħal. Dan hu f’kuntrast mal-Partit Laburista li rrekwiżizzjona proprjetajiet mingħand is-sidien privati tagħhom b’abbuż tal-liġi ta’ żmien il-gwerra u għadu s’issa juża dawn il-proprjetajiet bħala każini tiegħu bla ma hu s-sid.
Fi tmiem dan il-mass meeting partikolari, Eddie Fenech Adami inawgura Każin Nazzjonalista ġdid fil-Qala.
Transcript
Ħuti Għawdxin.
Kif smajtu fl-aħbarijiet, ilbieraħ ġie xolt il-Parlament.
- Spiċċa l-Parlament u spiċċa preċiż fl-aħħar ġurnata li setgħu jtawlu l-aktar il-ħajja tiegħu.
- Għoġobom li jtawlu sal-aħħar għaliex ċert li qegħdin jifhmu, huma aktar minna, li l-Parlament li spiċċa, spiċċa għal dejjem u li l-Parlament il-ġdid ser ikun Parlament għalkollox differenti minn dak li spiċċa lbieraħ.
- Spiċċa l-Parlament ilbieraħ u nistgħu ngħidu li llum verament qed niftħu il-kampanja elettorali fil-ftit ġimgħat li jwassluna sad-data tal-elezzjoni.
Hu bi pjaċir kbir li l-ewwel diskors tiegħi f’din il-kampanja elettorali qed nagħmlu hawn f’Għawdex, nindirizza lilkom l-Għawdxin fil-Qala.
Dan l-ewwel meeting wara li xolja l-Parlament juri kemm, bħal dejjem, il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħsiebu lil Għawdex. U issa aktar minn qabel għax nafu li, fil-ħmistax-il sena li għaddew, Għawdex ma kompliex bil-progress li kien inbeda fi żmen il-Gvern tal-Partit Nazzjonalista fis-snin sittin.
Dalgħodu ġejna hawn wkoll biex ninawguraw uffiċċjalment każin ieħor f’Għawdex, il-każin tal-Qala.
Il-każin se nsemmuh “Dar ix-Xogħol”.
- Dan għaliex, kif kiteb tant tajjeb is-Surmast Anton Buttigieg fil-fuljett li tqassam għall-inawgurazzjoni, il-Qala marbut max-xogħol.
- Il-Qala hu wieħed mill-eqdem irħula tal-gżejjer tagħna u n-nies tal-Qala kienu minn ta’ quddiem fost dawk li bil-ħidma tagħhom ġabu l-gżejjer tagħna ’l quddiem.
Imma mhux in-nies tal-Qala biss huma magħrufa għax-xogħol.
Illum il-poplu Għawdxi hu magħruf ukoll għal xogħol ieħor – għas-sehem li l-Għawdxin diġà tajtu għar-rebħa li żgur sejjer ikollna minn hawn u ftit ġimgħat oħra.
Intom l-Għawdxin diġà tajtu sehem għar-rebħiet kbar tal-Partit Nazzjonalista fl-imgħoddi.
Intom l-Għawdxin diġà tajtu sehem kbir fir-rebħa tal-elezzjoni tal-1981.
Qed insejħilha rebħa apposta għax dik kienet ir-rebħa tal-poplu Malti u Għawdxi li, bil-voti tiegħu, għażel lill-Partit Nazzjonalista. U, għal dawn il-ħames snin kellna gvern li kien miċħud minnkom. Kien miċħud mill-Maltin u mill-Għawdxin, imma kien miċħud b’mod partikolari minnkom l-Għawdxin li fl-aħħar elezzjoni wkoll tajtu maġġoranza kbira lill-Partit Nazzjonalista.
Intkom l-Għawdxin diġà tajtu s-sehem tagħkom għar-rebħa li ser ikollna. Iżda naħseb li ,dan is-sehem tagħkom għar-rebħa, qatt ma tajtuh b’mod daqshekk qawwi, b’mod daqshekk li jidher, b’mod daqshekk fil-beraħ bħal f’dawn l-aħħar ħames snin.
F’dawn l-aħħar ħames snin rajna lill-poplu Maltin u Għawdxi jiġri wara l-Partit Nazzjonalista.
- Rajna folol kbar li qatt qabel ma rajna bħalhom f’meetings poltiċi.
- U f’dawk il-folol kbar dejjem kien hemm folla kbira Għawdxija.
- Folla kbira minnkom li ħassejtu d-dmir li tipparteċipaw intkom ukoll.
- Tagħtu s-sehem tagħkom biex nipperswadu aktar minn fost ħutna Maltin u Għawdxin li f’dan il-pajjiż hemm bżonn li jkun hawn il-bidla.
- Intom tajtu dan is-sehem tagħkom u jiena ċert li se tkomplu tagħtuh sal-ġurnata tal-elezzjoni u fil-ġurnata tal-elezzjoni għax fhimtu x’inhi l-għażla li l-poplu tagħna għandu quddiemu.
Kultura tas-Sewwa
L-għażla li għandna quddiemna hi għażla fondamentali:
- jekk irridux li pajjiżna jibqa’ verament jissielet skond is-sewwa.
- jekk irridux li, fl-oqsma tal-ħajja tagħna kollha, pajiżna jimxi fuq il-prinċipju tas-sewwa.
Iżda, s-sewwa teħtieġ li jkun hawn kultura tas-sewwa.
Jiġifieri li kull wieħed u waħda minnha jgħozz is-sewwa mhux b’kumbinazzjoni, mhux għax fiċ-ċirkostanza jaqbillu, imma għaliex verament inħossu li fil-ħajja tagħna rridu ta’ kuljum nagħżlu bejn dak li hu sewwa u dak li mhuwiex.
Irriu li pajjiżna jkollna din il-kultura tas-sewwa. Dan ifisser li fid-deċiżjonijiet tagħna aħna nagħżlu u jkollna din l-għażla fondamentali.
Irridu li pajjiżna jimxi skond is-sewwa.
Aħna nafu li, meta ngħidu li rridu li fid-deċiżjonijiet tagħna nimxu skond is-sewwa, inkunu qegħdin ngħidu li rridu li dan il-pajjiż tagħna jkompli jispira ruħu, ikompli jibni l-futur tiegħu fuq il-prinċipji Nsara li aħna l-Maltin u l-Għawdxin kburin li ilna ngħożżu għal dawn l-aħħar elfejn sena.
U, rridu ngħożżuhom aktar fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu llum! Għaliex, meta tgħid li trid is-sewwa tifhem illi trid tipprova tapplika l-prinċipji nsara f’ħajtek u f’kollox, fl-oqsma kollha ta’ ħajtek, u b’hekk tkun qed tagħżel li lill-bniedem tagħtih id-dinjità tiegħu.
Dinjità lil kull bniedem, lil kull wieħed u waħda minnha! Trid tittrattahom skond id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin.
F’dan il-mument li qed ngħixu f’pajjiżna, jeħtieg nifhmu li f’dak kollu li nagħmlu qed nittrattaw ma’ bnedmin li għandhom id-dinjità u d-drittijiet tagħhom. Drittijiet li mhux ġejjin mingħand xi gvern imma mill-fatt li huma bnedmin.
Libertà mhedda
Bil-provi jkollna ngħidu li l-libertà li f’pajjiżna kienet u għadha mhedda.
Il-libertà f’pajjiżna għaddiet minn żminijiet ta’ diffikultajiet għax kellna Gvern, issa moribond li baqalu ftit ġimgħat, Gvern li suppost li nafu diġà, kieku kien Gvern serju, il-ġurnata ta’ meta sejjer jispiċċa.
Qed ngħid dan għaliex s’issa f’Malta kienet il-prattika li malli jxolji l-Parlament, malli toħroġ il-proklama li biha l-Parlament jiġi xolt, immedjatament ukoll kienet tiġi mħabbra d-data tal-elezzjoni.
Veru m’għaddiex żmien wisq, iżda mill-bieraħ sal-lum id-data tal-elezzjoni għadha ma tħabbritx.
Jista’ jkun li dan il-Gvern irresponsabbli li għandna jibqa’ jtawwal sal-aħħar ġurnata possibli. Jista’ jkun li l-elezzjoni ssir fl-aħħar ġurnata, jiġifieri fid-9 ta’ Mejju.
Kif għidt f’xi meeting ieħor ngħid hawn ukoll, illi jekk dan il-Gvern mhux ser iħabbar id-data tal-elezzjoni immedjatament, illum stess, jew għada l-iktar, ifisser li dan il-Gvern lanqas għandu l-kuraġġ li jiddeċiedi, li jgħid lill-poplu ‘jien spiċċajt’ u li issa d-dmir tiegħu huwa biss li jara li l-affarijiet ma jistaġnawx u li fl-iqsar żmien possibbli ssir l-elezzjoni.
Nistennew.
Forsi jmur illejla. Għandhom meeting li niggarantilkom ma jkollhomx nies aktar milli hawn hawn, għax dawk huma l-folol li qed ikollhom fil-mass meetings tagħhom.
Forsi jħabbarha llejla. Jekk id-data tkun ‘l bogħod u ma tkunx l-aktar viċina possibbli dak ifisser li huma konvinti li l-elezzjoni li ġejja żgur se jitilfuha b’ħafna aktar milli tilfu fl-aħħar elezzjoni.
Għidt li rridu li f’pajjiżna niggarantixxu għal kull wieħed u waħda minnha d-drittijiet li ġejjin mill-fatt li aħna bnedmin, fosthom id-dritt tax-xogħol. Id-dinjità tax-xogħol.
F’pajjiżna għexna snin sħaħ fejn kien hawn l-isfruttament tal-ħaddiema.
- Fejn lill-ħaddiema għax sabuhom bla xogħol neħħewlhom id-drittijiet tagħhom.
- Fejn lill-ħaddiema għax sabuhom bla xogħol tawhom kondizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena.
Dan ifisser tisfrutta lil xi ħadd!
Ifisser li flok ma ttih dak li hu tiegħu, għax issibu f’pożizzjon dgħajfa, għax issibu ma jistax jieqaf għad-drittjiet tiegħu, tapprofitta ruħek mid-dgħufija tiegħu mid-dgħufija taċ-ċirkostanzi.
Hekk għamel dan il-Gvern meta snin sħaħ lil tant żgħażagħ, flok ma ppreparahom biex ikollhom xogħol li jagħtihom id-dinjità tagħhom bħala ħaddiema, ma tax kashom. U issa, lejliet l-elezzjoni, mingħalih li ser jisraq il-vot tagħhom billi jdaħħalhom fid-Dejma. Ser jisraq il-vot tagħhom lejliet l-elezzjoni billi jagħtihom il-post tax-xogħol li kien u għadu dritt tagħhom.
Jiena ċerti li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mhux ser jiġu mqarrqa mill-aġir ta’ dan il-Gvern!
Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin iduru fuq dan il-Gvern u jgħidulu li d-dritt tax-xogħol mhux xi pjaċir li jagħmel xi deputat. Id-dritt tax-xogħol mhux xi lotterija li jtella’ xi deputat. Id-dritt tax-xogħol huwa d-dritt ta’ kull wieħed u waħda minnha għax aħna bnedmin li għandna d-dritt li naħdmu.
Id-dritt tal-libertà jfisser ukoll li naraw li f’pajjiżna lill-familji tagħna jkomplu jissaħħu.
Sfortunatament, jekk inħarsu lejn is-sittax-il sena li għaddew insibu bosta u bosta affarijiet li għamel dan il-Gvern bil-ħsieb li jdgħajjef is-saħħa tal-familja f’pajjiżna.
- Aħna rridu li f’Malta u f’Għawdex l-familja tassew tibqa’ s-sisien tas-soċjetà tagħna.
- Aħna rridu li l-familji tagħna jkunu verament il-familji kif tradizzjonalment kienu.
- Familji li jiggarantixxu l-isbaħ futur għall-pajjiżna.
- Familji li jiggarntixxu għal pajjiżna l-għaqda u l-imħabba.
- Familji li jiggarntixxu li jkollna wlied li jibqgħu jistmaw il-valuri li aħna lkoll imdorrijien bihom.
Il-libertà tal-Knisja Kattolika
Meta nitkellmu fuq il-libertà f’pajjiżna qed ngħidu dwar affarijiet li jolqtuna lkoll fid-diversi aspetti tal-ħajja tagħna.
Jgħidu x’jgħidu u jikkritikawna kemm jikkritikawna, ma nistgħux, pereżempju, ma nsemmux li tul il-kważi sittax-il sena li għaddew, dawn mhux biss naqru l-libertajiet ta’ kull wieħed minna bħala individwi imma naqqru wkoll il-libertà tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
Dan infakkruh għax l-affarijiet li ġraw huma affarijiet li l-poplu Malti u Għawdxi mhux biss m’għandux jinsa imma għandu jiftakar kontinwament fihom meta jiġi biex jagħmel l-għażla bil-vot tiegħu.
Dawn nafuhom!
Lejliet l-elezzjoni jerġgħu jilbsu l-libsa tal-ħrief. Imma nafu li bil-poter f’idejhom jerġgħu jsiru lpup.
U nafu kif dawn imxew mal-Knisja Kattolika f’pajjiżna. Jekk taqraw il-ġurnali tal-lum stess issibu rapport mill-Qorti dwar il-kawża li l-Isqfijiet Maltin kellhom jagħmlu kontra l-Gvern għax il-Gvern għadda liġi fil-Parlament li biha ried jieħu tista’ tgħid il-proprjetà kollha tal-Knisja.
Liġi li għadha hemm! Liġi li l-Qorti Ċivili diġà ddikkjarat nulla u li tikser id-drittijiet tagħna l-Maltin, id-drittfondamentali tagħna bħala nsara li jkollna Knisja li taħdem f’libertà sħiħa. Iżda l-Gvern m’aċċettax li dik il-liġi jneħħiha. U proprju ftit tal-ġranet ilu kellha tkompli tinstema dik il-kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell.
Jekk hu veru li dan il-Gvern ma jridx ikompli bil-ġlied tiegħu mal-Knsija, il-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt u għandu d-dmir jistaqsi:
- Għaliex dik il-liġi għadha hemm?
- Għaliex dan il-Gvern baqa’ jgħid li dik il-liġi hi liġi tajba?
Kif tafu, dik il-liġi tgħid li l-propprjetà tal-Knisja tispiċċa kważi kollha.
F’dik il-liġi dawn għamlu limiti ghall-flus li ħallew missirijietna biex bihom isir il-quddies għall-mejtin. Għamlu ma nafx kemm, ma niftakarx, għaxar snin jew għoxrin sena. Qalu, jew titla’ l-ġenna sa għaxar snin inkella għalfejn tħallas! Dawn għamlu linja u qalu ħamsa u għoxrin sena quddies biżżejjed. Sa ħamsa għoxrin jew titla’ l-ġenna jew inkella…
Qed ngħid dawn l-affarijiet, l-ewwel nett għax dawn ma jsemmuhomx. Dawn mingħalihom li ser jgħidu lill-poplu Malti u Għawdxi, u iva dik għaddiet, dik spiċċat.
Mhu veru xejn. Nerġa’ ngħid. Il-Gvern għadu jinsisti li dik hi liġi tajba, li dik hi liġi li ma tmurx kontra l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Dik hi liġi li l-Gvern irid japplikaha.
U tant affarijiet oħra li għamlu. Semmejt f’xi meeting dan l-aħħar u qed infakkar issa wkoll, fuq il-ġbir li jsir, pereżempju, għall-missjonijiet.
Ma nafx kemm minnkom jiftakru li l-Gvern mhux qed iħalli li l-flus li aħna, l-poplu Malti u Għawdxi, nagħtu biex ngħinu missjonijiet barra, joħorġu minn pajjiżna. Il-Gvern mhux qed jagħti l-permess. Illum hemm madwar żewġ miljun lira, miġbura ghall-missjonijiet. Iżda l-Gvern jibqa jirrifjuta li jħalli lill-Knsija tibgħat barra dawk il-flus li l-poplu Malti u Għawdxi, ta minn jeddu biex jintużaw għalhekk.
Għalhekk irridu nifhmu li meta ngħidu li rridu l-kultura tas-sewwa fid-deċiżjonijiet tagħna dejjem nagħżlu dak li nħossu u nifhmu li hu sewwa.
Nkunu qed ngħidu li s-sewwa tfisser li kontinwament tagħti l-istima lil kull wieħed u waħda minna.
Għax aħna bnedmin u allura aħna nies ħielsa u liberi irridu kontinwament niftakru li din l-għażla qiegħda f’idejna u bil-vot tagħna rridu nissiġillawha meta, minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra, tasal l-elezzjoni.
Nerġa’ ngħid, huma jafu li l-poplu Malti u Għawdxi abbandunahom, li l-poplu Malti u Għawdxi diġà sfiduċjahom u hekk se jerġa’ jagħmel fl-elezzjoni li ġejja.
Għawdex abbandunat
Dawn mingħalihom li biżżejjed jippubblikaw fuljett u jsejħulu Fatti u Figuri fuq Għawdex u b’daqshekk se jirbħu xi voti mingħandkom l-Għawdxin.
Infakkar li fl-24 u l-25 ta’ Mejju li għadda dawn ġew Għawdex iltaqgħu f’lukanda u għamlu dak li jissejjaħ seminar. Iltaqgħu bejniethom u studjaw il-qagħda tal-Partit tagħhom f’Għawdex u fost l-oħrajn għamlu questionaire, b’numru ta’ mistoqsijiet li dawk li kienu preżenti, li ma kienux ħafna kienu xi għoxrin, ġew mitluba li iwiegbuhom.
Waħda mid-domandi kienet jekk fil-fehma ta’ dawn ir-rappreżentati tal-Malta Labour Party f’Għawdex, fl-aħħar ħames snin, bejn it-‘82 u s-’86, Għawdex kienx mar ’l quddiem.
U tafu r-risposta tagħhom x’kienet?
Minn 18 li irrispondew, 17 qalu li ma marx ’l quddiem, anzi kien mar lura. Kien hemm wieħed biss li qal li f’dal-5 snin ta’ amministrazzjoni tagħhom Għawdex mar ’l quddiem.
Naturalment, dawn ir-risposti ma ppubblikawhomx għax dawn kienu qed jiltaqgħu hemm bejniethom. Però rrid infakkar li dan ir-riżultat aħna ppubblikajnieh. Kien hemm artiklu f’Il-Mument ta’ ta’ żmien ilu li fih għidna li aħna kellna l-informazzjoni li l-kapurjuni tagħhom hawn stess, il-mexxejja tagħhom f’Għawdex jaqblu li, f’dawn l-aħħar ħames snin, Għawdex ma mar xejn ’l quddiem.
Naturalment, dan tafuh intom daqskemm kienu jafuh dawk it-tmintax li talbuhom jirrispondu.
Imma issa ħarġu dan il-fuljett u mingħalihom li bih ser iqarqu b’xi ħadd.
Fl-ewwel paġna qalulna: “Għawdex huwa l-isbaħ parti tal-gżejjer Maltin” u taħt il-Prim Ministru. Ara kemm jistmakom il-Prim Ministru li b’ritratt taċ-Ċittadella qed jgħid: “Għawdex huwa l-isbaħ parti mill-gżejjer Maltin.”
Aħna ngħidulu, x’għandek x’taqsam int?
X’għandu x’jaqsam il-Prim Ministru jekk Għawdex hux tassew l-isbaħ parti tal-gżejjer Maltin?
Hekk hu, imma b’daqshekk ser ittuh il-vot għaliex Għawdex huwa xi ħaġa isbaħ minn ħafna partijiet oħra tal-gżejjer tagħna?
Anzi jien ċerti li intom l-Għawdxin tgħidulu: Veru li Għawdex hu sabiħ, però veru wkoll li Għawdex għamiltuh anqas sabiħ tul is-snin li għaddew, għax f’Għawdex ukoll għarraqtu l-ambjent. F’Għawdex ħallejtu jsir bini li qatt ma kellu jsir. Biżżejjed tmur Ta’ Pinu u tara hemmhekk. U mhux biss f’Ta’ Għammar, imma ddur dawra ma’ Għawdex u tara l-frott tal-korruzzjoni. Tara l-bini li sar f’postijiet li qatt ma kellu jsir. Jekk il-Prim Ministru u min ippubblika dan il-fuljett qed jgħidilina li Għawdex hu sabiħ, ngħidulu: Għawdex veru sabiħ imma lil Għawdex intkom mhux komplejtu ssebbħuħ imma għamiltu li stajtu biex tgħarrquh.
Mbagħad, fit-tieni faċċata, jgħidu kemm għamlu affarijiet tajbin.
Hawn l-istess, x’qalilkom il-Prim Ministru? Qal “Għawdex mhux Ministru għandu responsabbli għalih, imma Prim Ministru.”
Fit-tieni paġna jitkellmu wkoll dwar il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex biss.
Intom tafuha din l-istorja tal-kumitat għal Għawdex.
Qabel l-aħħar elezzjoni, l-Partit Nazzjonalista kien iddeċieda li biex Għawdex jieħu dak kollu li ħaqqu w ikollu tassew l-vuċi li tistħoqqlu, hemm bżonn li jkun hemm persuna fil-Kabinett, Ministru, li jkollu din ir-responsabbiltà partikolari. Jigifieri Ministru li jara li d-deċiżjonijet kollha dwar Għawdex jitwettqu. Li hu jieħu l-inizjattivi kollha li hemm bżonn biex Għawdex jiġi ’l quddiem.
Għidna mhux ikun hemm il-Prim Ministru li hu responsabbli għall-pajjiż kollu. Mhux il-Prim Ministru li għandu tant u tant responsabbiltajiet oħra, fosthom Għawdex, imma għidna li rridu li jkun hemm gvern li lil Għawdex jagħtih din l-importanza u jgħid Għawdex hemm bżonn li jkollu persuna b’responsabbiltà partikolari għall-ġid tiegħu.
Din l-idea m’għoġbithomx. Kien ħareġ Mintoff, jekk mhux sejjer żball, kien semmiegħ l-ewwel darba f’meeting li kien għamel it-Tokk u qal ser ikun hemm Kumitat Parlamentari għal Għawdex.
U llum, wara li għaddew ħames snin, wara li rajna dan il-Kumitat fuq it-television, wara li smajna kemm-il darba jiltaqgħu bejniethom: farsa, jagħmlu d-domandi u jkunu jafu r-risposti.
Veru kultant iż-żewġ deputati jagħmlu xi żewġ domandi imbarazzanti. Imma naturalment dawk jagħmluhom biex fuq it-television jgħidu, ‘Qed tara d-deputati Għawdxin, Alla jbierek, x’kuraġġ għandhom?’
Veru kultant jagħmlu xi domanda favur Għawdex, imma l-poplu Għawdxi żgur li jaf li din tal-Kumitat għal Għawdex ma kienet xejn ħlief farsa – farsa sħiħa li lil Għawdex m’għamlitlu ebda ġid li tista’ tarah b’għajnejk u tmissu b’idejk.
U jkomplu.
Fil-paġna tlieta jgħidu kemm għamlulkom affarijiet lill-Għawdxin. Imisskom tinżlu għarkupptejkom quddiemhom għaliex għall-kumdità tal-Għawdxin għamlu bosta affarijiet.
U jagħmlu lista hawn. Lista ta’ kemm għandkom kumdità intom l-Għawdxin. Qalu: “Infetaħ uffiċċju tad-Dipartiment tal-Kummerċ biex jilqa’ applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni.”
Min jaf intom hawn kemm timpurtaw affarijiet kull wieħed? Liċenzji t’ affarijiet ġejjin minn barra!
Jien ma nafx, imma kultant ngħid tilfu rashom dawn! Għax li tagħmel fuljett dwar Għawdex u tiftaħar kemm l-Għawdxin għandhom kumdità issa għandkom uffiċċju tad-Dipartiment tal-Kummerċ għal-liċenzji tal-importazzjoni ma joqogħdux imorru Malta.
Jien ngħid ħaġa tajba din. Mhux se nikkritikaha li hi ħaġa ħażina. Mela le. Għandu jkun hawn.
Imma din toqgħod tgħid li hi kumdità għall-Għawdxin għax hawn numru, kif għandhom dritt ikunu, ta’ nies li wkoll jimpurtaw affarijiet Malta? Għax ftaħtu, qed tgħidu, uffiċċju biex iġġib il-liċenzji taħsbu li l-poplu Għawdxi ser itikom il-vot għax ħloqtu din il-kumdità kbira? Qed jgħidulna.
Mbagħad oħra: “Il-pazjenti Għawdxin li jattendu l-outpatients fl-Isptar San Luqa bdew jingħataw prijorità fuq pazjenti Maltin.”
Għax ma jgħidux li hu fl-Isptar t’Għawdex fejn l-outpatients suppost imorru f’Għawdex?
Għalhekk inbena l-isptar! Suppost li tmorru hawn. U issa qed jgħidulkom, dan huma kitbuh, mhux jien,. li għandkom tkunu grati għax issa, meta tmorru bħala outpatients fl-isptar San Luqa, taqbżu l-kju u tidħlu qabel il-Maltin.
Jridu jnessukom kif abbandunaw l-Isptar t’Għawdex – sptar li kellu verament ikun sptar, sptar li kien diġà sar sptar, sptar li kien attrezzat bl-affarijiet meħtieġa biex ikun sptar Kien sptar li kien attrezzat mhux biss bl-apparat imma wkoll bil-professuri, bl-ispeċjalisti, li wħud minnhom kellhom jitilqu barra minn Malta u Għawdex u għadhom ma’ ġewx lura.
Qalulna wkoll, jew qalulkom għax dan għall-Għawdxin miktub: “Tnaqqis tal-fares tal-vapur permezz ta’ ħruġ ta’ passes lill-familji Għawdxin.”
Għandkom tkunulhom grati lil dawn in-nies. Qed jgħidulkom li għandkom tivvutawlhom għax issa tawkom il-pass u ma tħallasx nofs lira tħallas inqas.
Dawn insew li meta telgħu l-fare din mhux nofs lira kienet iżda kienet xelin u nofs biss dak iż-żmien biex tmur u tiġi. Hekk kienet u issa saret nofs lira biex tmur biss. Iżda dawn, fil-ħniena kbira tagħhom, lilkom tawkom il-pass biex tħallsu anqas.
Mbagħad taqra l-accounts tal-Gozo Channel u ssib li kemm ilha teżisti mill-1979 din għamlet ftit anqas minn żewġ miljun lira profitti. Żewġ miljuni. U issa dawn jippretendu li ttuwhom il-vot tagħkom għax tawkom il-pass għal Għawdex.
Ikomplu dawn.
Waħda mill-affarijiet, il-kumdità kbira li għandkom intom l-Għawdxin. Isimgħuha: “Ir-reġistrazzjoni għax-xogħol qed issir mhx biss fl-uffiċċju ċentrali fir-Rabat imma tferrxet fl-irħula wkoll.”
Dawn għandkom tivvutawlhom għax tawkom il-kumdità li tkunu bla xogħol u meta tkunu bla xogħol ma tmorrux ir-Rabat tmorru fir-raħal tirreġistraw. Flok ma jgħidu li t-traġedja li m’hawnx xogħol hi aktar t’Għawdex minn f’Malta jew li n-nies li jirreġistraw Għawdex b’mod relattiv dejjem kienu aktar mill-kumplament ta’ Malta,dawn għandhom il-wiċċ għidulkom: Ħloqnielkom il-kumdità.
Bilkemm ma jgħidulkomx: Għax tgorru għax m’għandkomx xogħol?
M’hemmx bżonn tmorru r-Rabat qed jgħidu! Naħseb li San Franġisk kellhom jiftħu uffiċċji oħra għax tant kien qed ikun twil il-kju ta’ dawk jirreġistraw li naħseb bilkemm kienu jlaħħqu fil-ġurnata tar-reġistrazzjoni.
Mbagħad fl-istess paġna hawn ritratt tal-port tal-Imġarr. Dawn jgħidu li f’dan il-port: “dan l-aħħar beda x-xogħol ta’ bini ta’ yacht marina.”
Imma possibbli? Imma veru tilfu rashom dawn!
Possibbli li jippretendu li tivvutawlhom għax dan l-aħħar beda x-xogħol għall-bini ta’ yacht marina.
Il-yacht marina kellha tinbeda u titlesta mhux issa, sittax-il sena ilu u dawn waqfuh.
Mhux biss. Dawn jgħidu li dan l-aħħar inbeda x-xogħol. Proprjament imisshom jgħidu dan l-aħħar inbeda, u wara ftit ġranet waqaf, ix-xogħol tal-bini tal-yacht marina. U waqaf għaliex bdew jaħdmu bil-kuntrattur u lill-kuntrattur anqas biss ħallsuh tax-xogħol li għamel.
Araw daqsxejn f’liema stat jinsabu dawn in-nies. Mingħalihom li b’fuljett bħal dan intom l-Għawdxin ser tinsew kollox, ser tibilgħu kollox u ser tgħidu “kemm hi kbira l-ħniena t’Alla li kellna gvern li għamlilna l-ħajja komda f’Għawdex”.
Mbagħad paġna erbgħa: “Oqsma tad-djar u plots tal-home ownership,” u bir-ritratt Taċ-Ċawla.
Taċ-Ċawla min bdih? Min għamel l-ewwel flats fiċ-Ċawla? Kien il-Gvern Nazzjonlista tas-snin sittin li beda dak il-proġett.u huma komplew. Għamlu sew li komplew, dażgur li għamlu sew. Hekk imisshom ma komplewx fuq dak li beda l-Gvern Nazzjonalista hemmhekk ukoll.
Mbagħad inkomplu paġna ħamsa. L-iskola tal-biedja. U isimgħuha, oħra: “Prodotti agrikoli maħuda Malta bla ħlas.”
…..
Żewġ miljuni profitti għamlu minn meta għollew it-tariffi biex taqsam minn Malta għal Għawdex.
Mhux biss. Irridu niftakru li dawn suppost irranġaw is-servizz, iżda is-servizz bejn Malta u Għawdex mhux veru tranġa. Għadna fis-sitwazzjoni li jekk ma jaħdimx il-Melitaland, kif ġara ftit tal-ġimgħat ilu, ma jkunux jistgħu jġibu containers minn Malta għal Għawdex jew minn Għawdex għal Malta. Din sitwazzjoni li żgur affettwat ħażin diġà lil numru ta’ industriji li kien hemm, iktar milli hemm, ix-Xewkija. Għax nafu t-traġedja tal-fabbriki fix-Xewkija.
Mbagħad ikomplu f’paġna sitta: Il-provista tal-elettriku tissaħħaħ.
Imma dawn veru tilfu rashom. Dawn kif jistgħu jiftaħru li l-provista tal-elettriku tissaħħaħ?
L-istess. Kien il-Gvern Nazzjonalista li ordna s-submarine cable fl-1969 jew fl-1970. Qabel l-aħħar elezzjoni, jekk tiftakru, kien ġie Wistin Abelau kixef irħama waħħlu hemm.
U issa, jridukom tivvutawlhom għax qed jgħidu hawn b’ittri kbar: “il-provista tal-elettriku tissaħħaħ.”
Mhux issaħħet tafux? Qed jgħidulkom li fil-ħames snin li ġejjin ser issaħħuha. U intom l-Għawdxin tgħidulhom, ‘Issa ilna ħmistax-il sena bid-dawl jinqata’, ilna sittax-il sena li m’għamiltu xejn. Issa se twegħduna x’se tagħmlu fis-snin li ġejjin? Dik il-wegħda żommuha għalikom.”
Jien ċert li l-Għawdxin se jirrispondu hekk ghax jafu li fil-Gvern ser ikun hemm il-Partit Nazzjonlista.
Inkompli malajr fuq fuq. F’paġna sebgħa: “Għas-saħħa tal-Għawdxin. Dan l-Isptar hu mgħammar b’apparat modern għal, tista’ tgħid, kull ħtieġa u emerġenza.”
U aħna ngħidulhom giddibien! Dak l-Isptar kien mgħammar b’apparat modern. Iżda dak l-apparat modern neħħejtuh u bgħattuh Malta u l-Isptar t’Għawdex ma ħallejtuhx aktar sptar.
Dan jafuh huma stess. Jafu wkoll kull min kellu l-isfortunau l-bżonn ta’ xi ħaġa mhix żgħira bħal xi intervent jew operazzjoni ta’ malajr, u kellu jaqsam għal Malta wħud anke b’urġenza bil-helikopter.
U jiftħaru nerġa ngħid. U jridukom tivvutawlhom għax dawn għas-saħħa tal-Għawdxin, qed jgħidu, għamlu sptar attrezzat bl-aktar apparat modern.
Jkomplu fil-paġana ta’ wara, f’aġna tmienja: “Xogħlijiet tal-iżvilupp bla waqfien.”
Fittxuhom! Fejn huma dawn ix-xogħlijiet ta’ żvilupp bla waqfien?
Kienu għamlu xi ħaġa. Din dejjem insemmiha għax dejjem timpressjonani. It-telgħa tax-Xagħra għamluha bit-tarmak – għamlu nofsha u n-nofs l-ieħor baqgħu m’għamluhx. Għandu jkun għadha hekk s’issa. Imma forsi dalwaqt issir.
Fejn hu dan ix-xogħlijiet ta’ żvilupp bla waqfien? Fir-ritratti li hawn hawn? Anqas ir-ritratti m’huma minnhom għax juru ħafna affarijiet li saru mhux minnhom imma saru fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Il-Ministru Sant kien ħa għalih metadarba għidt li toroq f’Għawdex ma saru xejn. Kien għamel lista sħiħa ta’ toroq li suppost saru. U hawn reġgħu ġiebu ma nafx kemm-il triq. Xi ħadd qalli li wħud minn dawn l-ismijiet anqas jeżistu. Ma nafx jien. Imma anke jekk għamlu dawn it-toroq li jgħidu hawn hi verament daħqa li tgħid dan.
Nkomplu f’paġna oħra meta jgħidu dwar il-libreriji.
Dawn jgħidu li fetħu l-libreriji. X’libreriji fetħu?
Kien hemm il-librerija li kienet il-Biblijoteka fi Triq Vajrinġa. Kienet hemm, kienet tiftaħ kuljum, mhux veru kif qed jgħidu huma. Kienet tiftaħ nhar t’Erbgħa waranofsinhar u l-bqija tal-ġranet filgħodu. Anke hemm, l-informazzjoni li għandi jien hi li, flok l-affarijiet marru għall-aħjar, fil-fatt l-affarijiet marru għall-agħar.
Nistgħu nkomplu paġna paġna.
Il-paġna ta’ wara jitkellmu dwar il-fosos u l-intejjen. Qiskom Għawdex intkom kullimkien fosos u ntejjen. Dawn jgħidu li għamlu d-drenaġġ fil-Victoria, fir-Rabat mentri, sa fejn naf jien, fir-Rabat kien hemm drenaġġ qabel l-1971.
Araw daqsxejn, nerġa’ ngħid, dawn f’liema stat jinsabu u kif iridu mingħalihom jieħdu l-vot tagħkom.
Il-paġna ta’ wara: “Il-ħażna tal-ilma.”
Diġà xi ħadd qabli llum qal li llum ninsabu viċin Ħondoq ir-Rummien, viċin id-distillatur li għamel il-Gvern Nazzjonlista. Bħall-kumplament ta’ Malta, intom tafu minn xiex għaddejtu għar-rigward tal-ilma f’Għawdex. Dawn issa jridu l-vot tagħkom għax qed jgħidu li għandkom ħażna tal-ilma. Ħażna tal-ilma li jibagħtuha Malta. Ħażna ta’ ilma li ma tiġix fil-viti tagħkom. Għax din hi r-realtà. Din hi l-verità. U ta’ dan jippretendu li intom tagħtuhom il-vot tagħkom.
Fil-paġna ta’ wara jitkellmu fuq iċ-Ċentru tat-Telekomunikazzjonijiet. Kelma li ma tispiċċa qatt.
Jiġifieri t-telephones. Ma jgħidux li, hawn ukoll f’Għawdex, qed jagħmlulkom apparat li mkien fid-dinja ma jriduh. Dawn qegħdin jespandu s-sistema tat-telephone f’pajjiżna billi jużaw makkinarju antik fuq sistema antika li tissejjaħ Strowger.
Iġibu dan l-apparat li qed jaqilgħuh mill-Ingilterra. Jirranġawh hawnhekk u jkomplu jestendu s-sistema tat-telephone bih. Proprju dan l-aħħar, meta kont imsiefer f’wieħed mill-airports fejn kont b’kumbinazzjoni iltqajt ma’ Malti li jaħdem ma’ kumpanija kbira tal-kompjuters. Dan qalli bil-problema li se jkollna f’Malta u f’Għawdex minħabba s-sistema tat-telephone li dawn qegħdin jużaw. Sistema ta’ telephone antikwata. Sistema ta’ telephone li se tkun problema kbira għall-gvern li se jitla’ dalwaqt biex ikollna sistema ta’ telekomunikazzjoni tajba.
Il-paġna ta’ wara jitkellmu dwar Għawdex bħala gżira turistika. U aħna ngħidulhom, x’għamiltu għal Għawdex biex iġġibu aktar turisti f’Għawdex?
Il-lukandi li hawn f’Għawdex mhux minnhom inbnew. Inbnew fi żmien Gvern Nazzjonlista. Qed isemmu issa lil Chambray. Chambray ukoll kien il-ħsieb tal-Gvern Nazzjonalista li jużah għal skopijiet ta’ turiżmu. Imma nafu li sal-lum dan ma twettaqx u Chambray kulma hemm hi suppost skola tal-agrikoltura u xi sala li fiha jmorru jagħmlu r-riċevimenti u xejn aktar.
Ħbieb tiegħi, verament meta bagħtulkom dan il-fuljett għamlu servizz lilkom. Għax bil-mikub tawkom ir-raġunijiet kollha għaliex għandkom ma tivvutawx lilhom.
- Meta taqra paġna wara oħra tgħidilhom bilfors l-affarijiet li qed issemmu huma l-konferma tal-fjask, tat-tradiment ta’ dan il-Gvern lejn il-poplu Għawdxi.
- Meta taqra dak il-fuljett tgħid verament dawn tilfu rashom. Verament ma hemm xejn għaliex dan il-poplu Għawdxi jagħżel il-kandidati tagħhom.
Issa fost il-kandidati tagħhom se jkun hemm wħud li jdurukom u forsi xi ħadd jgħidilkom, “Ma ġara xejn, tuni l-ewwel preferenza uwara komplu fuq il-Partit Nazzjonlista.”
Tiġux imqarrqa. Il-voti kollha jiswew. Il-preferenzi kollha jiswew u tiswa l-aktar l-ewwel preferenza minħabba l-emenda li saret fil-Kostituzzjoni dan l-aħħar.
Din id-darba tafu li dak il-partit, li żgur sejjer ikun il-Partit Nazzjonlista, li jkollu l-maġġoranza tal-unijiet bilfors ser ikollu l-maġġoranza ta’ deputati fil-Parlament. Mela l-unijiet tagħkom, l-ewwel preferenzi tagħkom, aktar minn qatt qabel tridu ttuhom lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Għandkom kandidati tal-Partit li aħna kburin bihom. Għandkom kandidati mnejn tagħżlu, nerġa’ ngħid, li l-Partit hu kburi bihom. U jiena naf li lkoll kemm huma qed jagħtu l-aħjar sevizz li jistgħu lill-Partit.
Kurunat Attard
Hawn rrid ngħid kelma ta’ ringrazzjament lil Kurunat Attard li issa ilu ħamsa u għoxrin sena deputat. Ilu ħamsa u għoxrin sena jirrappreżenta lilkom l-Għawdxin fil-Parlament. Deputat eżemplari dejjem. Deputat li żgur m’hemmx ieħor li kull kap tal-Partit seta’ jorbot aktar fuqu. Ġentlom mill-ikbar li ta kulma kien jaf, kulma seta’, kulma kien kapaċi jagħmel, għall-ġid tal-gżira tiegħu, għall-ġid ta’ Għawdex. U jien f’isimkom ilkoll nirringrazzjah tas-servizz li ta lil pajjiżna tul dawn is-snin kollha.
Kazin Gdid
Ħbieb tiegħi. Irrid nieqaf biex issa ninawguraw uffiċjalment dan il-każin tagħna.
Dar ix-Xogħol.
Irridu verament li dan il-każin tagħna jkun il-post fejn il-ħaddiema kollha jiltaqgħu bejniethom.
Irridu li dan il-post ikun il-post fejn il-ħaddiema jifhmu kemm hemm bżonn l-għaqda bejniethom. Kemm hemm bżonn li huma jaħdmu għall-ġid tagħhom personali. Għall-ġid tal-familji tagħhom. Għall-ġid ta’ pajjiżna.
Imma huwa “Dar ix-Xogħol” ukoll għax minn hemm ser joħroġ ħafna xogħol fl-interess tal-Partit Nazzjonalista.
Il-każini tagħna, id-djar tagħna, aħna rriduhom postijiet ta’ formazzjoni. Postijiet fejn wieħed verament jitgħallem għalxiex aħna qegħdin fil-politika. X’irridu naraw f’pajjiżna. Kif nixtiequ naraw lill-pajjiżna jitmexxa.
“Dar ix-Xogħol” għax minn dak il-post, bħal minn tant każini oħra f’Malta u f’Għawdex, ser joħroġ ħafna xogħol fi ftit ġranet li baqa’ sa l-elezzjoni.
Qabel nispiċċa, ma rridx ninsa ngħid li dalgħodu miegħi ċ-Ċirkewwa kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Guido de Marco. Għamilna xi tliet kwarti nistennew il-vapur jasal. Il-baħar kien jidher imċaqlaq aktar milli fil-fatt kien u peress li kemm jien u hu irridu nerġaw nitkellmu illejla l-Belt ġejna f’ħaltejn jekk għandniex niġu hawnhekk it-tnejn. Kont jiena stess li ssuġġerejt lil Guido li jaqbel li hu jibqa’ Malta biex jekk jien ninqabad Għawdex biex almenu hu jkun Malta. Din hi r-raġuni għaliex hu mhux qiegħed hawn biex ikellimkom.
Grazzi minn qalbi. Grazzi talli ġejtu daqshekk numerużi. Grazzi ta’ dan il-meeting sabiħ. Grazzi tax-xogħol tagħkom. Naħdmu lkoll flimkien biex f’Malta jkollna x-xogħol, f’Malta jkollna l-gustizzja u f’Malta jkollna l-libertà.
Grazzi ħafna.