Political Context
- English
- Malti
An impressive crowd all along Msida Seafront
What made this mass meeting particularly remarkable was the impressive crowd all along Msida front from Msida church to Ta’ Xbiex hill where the speakers’ podium was set up.
On the morrow of this mass meeting, the Nationalist Party daily, In-Nazzjon, published a photograph of the crowd taken from the vantage point of the hill where St Luke’s hospital is situated. The photo showed the full extent of the venue and the crowd. The photo was so long it had to be divided up in several pages which the reader had to cut out and put together.
The big crowd gave a long and enthusiastic welcome to Eddie Fench Adami who was carried shoulder high from the back of the mass meeting to the podium. He spoke about one of the major issues of the 1987 election: corruption.
The way building permits were issued was utterly corrupt and Eddie Fenech Adami mentioned several large tracts of land in Selmun and Wardija which had been bought just before and for which building permits were going to be issued before the election.
Folla impressjonanti tul ix-Xatt kollu tal-Imsida
Is-sinjifikat prinċipali ta’ dan il-mass meeting kien fil-folla impressjonanti li mliet ix-Xatt kollu tal-Imsida, minn ħdejn il-knisja sal-bidu tat-telgħa ta’ Ta’ Xbiex, fejn kien it-trakk.
L-għada ta’ dan il-mass meeting, il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon, kien ġab ritratt meħud mill-għoli minn ħdejn l-Isptar San Luqa li kien juri b’mod grafiku ħafna t-tul kollu tax-Xatt tal-Imsida u l-folla li mlietu. Ir-ritratt tant kien twil li kien fuq diversi paġni li l-qarrej kellu jaqta’ u jgħaqqad flimkien.
Kien importanti li xahrejn qabel elezzjoni tant kruċjali, tkompli tinbena t-tama li l-bidla biex Malta terġa’ tgħix fin-normalità, fid-demokrazija u fil-libertà setgħet fil-fatt isseħħ.
Il-folla kbira tat merħba twila u entużjasta lil Eddie Fenech Adami li daħal minn ġo nofs il-folla minn wara nett. Hu tkellem l-aktar dwar kwistjoni ewlenija ta’ dik l-elezzjoni: il-korruzzjoni.
Kien hemm korruzzjoni kbira fil-permessi tal-bini u Eddie Fenech Adami semma biċċiet kbar ta’ art f’Selmun u fil-Wardija li nxtraw ftit qabel u kienu se joħorġu l-permessi fuqhom.
Transcript
Ħuti Maltin u Għawdxin.
Iż-żmien tal-kampanja elettorali huwa żmien li fih, aktar minn qabel, il-poplu hu mistenni li jeżamina sew x’inhuma l-proposti tal-partiti li se jikkontestaw l-elezzjoni.
Hu żmien li fih il-poplu Malti u Għawdxi jrid jaħseb aktar dwar id-deċiżjoni li se jieħu bil-vot tiegħu. Kif kien dejjem, l-appell tagħna hu li kull wieħed u waħda minna qabel ma mmorru nagħtu l-vot tagħna naħsbu u naħsbu sew x’inhu l-aħjar interess ta’ pajjiżna.
Jien dejjem għidt li l-vot li jingħata lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista rrid li jkun vot li taslu għalih wara li tiżnu sewwa x’jaqbel lilkom, x’jaqbel lil pajjiżna. Irridu li jkun vot li ma jingħatax biss għax hekk forsi għamiltu fl-imgħoddi.
Ċertament hawn eluf ta’ żgħażagħ li sejrin jivvutaw għall-ewwel darba. Minn dawn iż-żgħażagħ il-Partit Nazzjonalista jistenna, forsi aktar minn votanti oħrajn, li jaslu għall-ġudizzju tagħhom dwar x’inhu l-aħjar għall-pajjiż mingħajr ebda preġudizzju.
Biex taslu għal dan, żgur li l-ewwel nett, tridu taraw x’inhu dan il-Gvern li wasal biex jispiċċa.
Dan mhux Gvern min nies li telgħu hemm ftit tas-snin ilu. Dawn issa ilhom hemm ftit anqas minn sittax-il sena. Jien żgur li, ta’ poplu matur, il-poplu Malti u Għawdxi sejjer jiżen sew x’fissru dawn is-sittax-il sena għal pajjiżna u jara xi kwalità ta’ gvern għandna llum.
Min-naħa tagħhom, huma jridu jpinġu ruħhom bħala xi gvern kważi ġdid għax biddlu l-Prim Ministru li kellhom għal tant snin.
Veru li l-Prim Ministru nbidel. Veru li hemm differenza bejn Gvern immexxi mill-Prim Ministru tal-lum u l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru sal-1984.
Mintoff bħala Prim Ministru
Sa dakinhar fil-pajjiż kien hawn gvern immexxi minn bniedem li kien jimponi l-awtorità tiegħu u li, bil-personalità tiegħu, kien jiddomina lil dawk ta’ madwaru. Kien bniedem li jiddeċiedi tista’ tgħid kollox waħdu. Kien joħlom waħdu. Kien jordna waħdu. Kien ifattar waħdu. Kien jimpurtah biss li dak li jrid hu jitwettaq f’pajjiżna. U ta’ madwaru kienu kollha jbaxxu rashom. sakemm kien Prim Ministru hu tista’ tgħid ħadd minn ta’ madwaru ma kien jazzarda jgħid li l-politika ta’ dak il-Gvern kienet żbaljata. Ħadd ma kien ikollu l-kuraġġ jikkoreġi l-iżbalji.
Dik kienet l-isfortuna għall-pajjiżna. L-isfortuna li dawk li kienu fil-Gvern u dawk ta’ madwar il-Gvern qatt ma sabu kuraġġ biżżejjed biex it-tajjeb jgħidulu tajjeb u l-ħażin jikkundannawh u jgħidulu ħażin.
Imma issa għandna Gvern ieħor għax hemm Prim Ministru ieħor jippruvaw jgħidulna,.
KMB mhux kapaci jiddeċiedi
Kif għidt diġà, l-istil huwa xi ftit differenti, anzi mhux ftit. Dan għax filwaqt li l-ieħor kien jordna u kulħadd jobdi, l-karatteristika ewlenija tal-Prim Ministru l-ġdid tidher li hi li dan jgħid iva lil kull min ikellmu, jgħid iva lil kulħadd, mbagħad kulħadd jgħaffeġ għal rasu u jagħmel li jrid.
F’din is-sitwazzjoni jinsab pajjiżna illum!
Nies imorru jkellmu lill-Prim Ministru u dan, partikolarment issa lejliet l-elezzjoni, kull min imur bl-iċken proposta, arah jiġri jgħidlu iva u malli joħroġ mill-bieb naħseb jinsa li jkun qal iva.
Malli joħroġ mill-bieb jinsa li l-iva mhux biżżejjed imma li hemm bżonn li d-deċiżjonijiet jiġu mwettqa.
U nistgħu ngħidu, bil-bidla tal-kap tal-gvern qed naraw li f’pajjiżna m’hawnx aktar koordinazzjoni. M’hawnx aktar dak li hu meħtieġ biex il-pajjiż jista’ jimxi kif suppost u kif tant għandu bżonn.
Sfortunatament għandna Prim Ministru li jgħid iva imma realment diffiċilment jiddeċiedi x’għandu jsir u dwar x’inhuma l-bżonnijiet vera.
L-istess qed jagħmel f’dan il-mument.
X’ġara?
Ġara li ħmistax-il ġurnata ilu li l-Parlament mhux ġie xolt, il-Parlament spiċċa.
Veru li ħarġet il-proklama tal-President li xxolji l-Parlament, imma dik il-proklama setgħet ma ħarġet xejn għax il-Parlament kien jispiċċa dakinhar. Spiċċa bħall-bieraħ ħmistax ilu, għax il-Prim Ministru ħalla l-Parlament sal-aħħar ġurnata.
Irridu nifhmu x’inhu s-sinjifikat ta’ dan.
Fis-sistema ta’ pajjiżna, l-Prim Ministru għandu dan il-privileġġ, dan id-dmir x’jaqdi lejn il-pajjiż. Skond il-Kostituzzjoni, hu l-Prim Ministru li jiddeċiedi dwar l-ħajja tal-Parlament, meta tispiċċa jew jekk ma jħallix sal-aħħar ġurnata.
Hi deċiżjoni tiegħu li jagħżel l-aħjar mument għall-pajjiż biex ikollu elezzjoni. L-aħjar mument biex ma jtellifx ir-ritmu tal-progress fil-pajjiż. Suppost jagħżel l-aħjar mument għall-pajjiż biex jekk il-pajjiż ma jkunx miexi tajjeb kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jaqbad ir-ritmu tal-progress.
Irrid ngħid wkoll li l-Prim Ministru, jekk irid, jista’ jagħżel l-aħjar mument li jidhirlu li jkun l-aħjar għall-partit li jkun qed imexxi hu.
Imma diġà rajna li dan il-Prim Ministru ma ddeċidiex meta jispiċċa l-Parlament. Ħalla l-Parlament jispiċċa waħdu.
L-istess dwar id-data tal-elezzjoni. Il-Prim Ministru għandu d-dritt, hu waħdu, li jiddeċiedi d-data tal-elezzjoni. S’issa diġà għaddew ħmistax-il ġurnata minn meta l-Parlament spiċċa u l-Prim Ministru għadu ma ħabbarx id-data tal-elezzjoni.
Jekk beħsiebu jagħmilha fid-9 ta’ Mejju m’hemm xejn xi jżommu li jgħid: “Jien iddeċidejt ser nagħmilha l-elezzjoni fid-9 ta’ Mejju.”
Imma nassigurakom li lanqas din id-deċiżjoni mhu kapaċi jieħu!
Ser iwassal lill-pajjiż biex bilfors l-elezzjoni tinżamm fl-aħħar ġurnata li tista’ ssir, jew forsi xi ġimgħa jew ħmistax qabel. Dan ma jimpurtahx x’inhu l-ġid tal-pajjiż.
Kulħadd jaf li bħalissa d-deċiżjonijiet il-kbar ta’ kull wieħed u waħda minna, ta’ kull min għandu interess f’pajjiżna, huma miżmumin. Kulħadd jistenna li ssir l-elezzjoni u jara r-riżultat tagħha.
Dan ifisser li l-inkapaċità tal-Prim Ministru li jiddeċiedi u jiddikjara ruħu, din l-indeċiżjoni tiegħu, qed tagħmel ħsara lil pajjiżna.
Mill-informazzjoni li tasal għandna nissuspetta li lanqas għadu ddeċieda fejn se jkun kandidat. Staqsu lil-Laburisti. Staqsuhom. Kultant jgħidulek hemm ċans li joħroġ għal Għawdex. Iżda meta tistaqsi lill-Għawdxin, partikolarment lill-kandidati Għawdxin, dawn jgħidulek: “u le x’joħroġ għal Għawdex. Għawdex ma jġibx voti.”
Mbagħad tistaqsi lil xi ħadd mill-Ħamrun u jgħidulek: “Aktarx ser joħroġ fuq il-Ħamrun.” Mbagħad tistaqsi lil xi ħadd mill-Belt u jgħidulek: “Dażgur ser joħroġ fuq il-Belt.”
Issa dan l-aħħar bdew jghidu: “U le ser joħroġ fuq Bormla.” Imma jgħidilna almenu. Mhux għax jinteressana ħafna, imma jien naħseb li lanqas din għadu ma ddeċieda.
Mhumiex lesti għall-elezzjoni
Min jaf verament iddeċidiex hu , jew il-Partit tiegħu, jekk l-eks-Kap tagħhom, l-eks Prim Ministru tagħhom, il-Perit Mintoff hux ser ikun kandidat?
Ma nafx jien jekk verament iridux ikun kandidat. Forsi xtaq li dak jaċċetta xi kariga oħra. Lanqas l-affarijiet li huma ta’ importanza għall-partit tagħhom mhu kapaċi jiddeċiedi u jiddikjara x’ser isir.
Dan hu t-tip ta’ gvern li għandna llum.
Gvern li mhu kapaċi jiddeċiedi fuq xejn, naturalment, ħlief li jiddeċiedi minn ġurnata għal oħra li jagħmlu l-pjaċiri lill-kemm jista’ jkun nies fl-aħħar ġranet u jisparpaljaw flus. Fl-aħħar ġranet qed jippruvaw jaqdu kemm jista’ jkun nies. Mingħalihom li b’daqshekk se jirbħu mill-eluf kbar ta’ voti li tilfu.
Hemm bżonn li l-Maltin kollha jifhmu li aktar ma ddum ma titħabbar id-data tal-elezzjoni s-sinjifikat veru jkun li min-naħa tal-partit l-ieħor, il-Prim Ministru għadu mhux deċiż, għadu mhux lest, biex jagħmel l-elezzjoni.
Tiftakru meta kienu għamluh kap suċċessur tal-partit tagħhom. Il-kap ta’ qablu kien jgħid: “Meta jrid hu. Meta jkun lest jista’ jieħu over il-partit.”
Donnu issa wkoll mhux lest għall-elezzjoni!
Donnu issa jistenna minn ġurnata għal oħra, minn ġimgħa għal oħra, donnu jgħidlek: “Min jaf x’jista’ jiġri” forsi ma jafx kif jirkupra xi ftit il-partit tagħhom.
Nerġa’ ngħid, il-verità hi li aktar ma jtawlu d-data tal-elezzjoni iktar ifisser li mhumiex lesti għall-elezzjoni.
Aħna lesti għall-elezzjoni, ilna x-xhur, ilna s-snin lesti għall-elezzjoni!
Pjaċiri u sparpaljar ta’ miljuni
Għidt li l-uniku ħaġa li qed jagħmlu hija bħalissa li jqassmu l-pjaċiri. Jippruvaw jaqdu lin-nies.
Għal darb’oħra, lil dawk kollha li jistgħu issa jakkwistaw dak li bi dritt, ħafna minnhom, ilhom imċaħħdin minnu, perezempju, nies li ilhom is-snin li ħaqqhom il-promotions u ma tawhomlhomx u qed jagħtuhomlhom issa lejliet l-elezzjoni. jien ngħidulhom ħuduhom.
Dawk il-promotions dawk huma drittijiet tagħkom!
Aħna ċerti li ħadd minnkom mhu ser ibigħ il-libertà tiegħu, d-dritt tiegħu li jagħżel gvern ġdid, għax issa, fl-aħħar mument, jagħtukom dak li huwa dritt tagħkom.
Kif diġà għidt, dawn qed ikomplu jisparpaljaw il-miljuni tal-flus biex mingħalihom jakkwistaw il-voti.
Imma tajjeb li nerġa’ ngħid li jekk ikun hemm bżonn Gvern ġdid jirrevedi dawk il-kuntratti kollha, dak il-ftehim kollu, li qiegħed isir bħalissa li mhuwiex ġustifikat.
Min qiegħed japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni, min għax jaf li jekk jersaq lejn il-Gvern issa jieħu li jrid u jieħu drittijiet li mhumiex tiegħu, jieħu konċessjonijiet, jieħu permessi għal bini jew affarijiet oħra, jieħu kuntratti li m’għandhomx jingħataw, dawk kollha jridu jerġgħu jiġu riveduti minn gvern ġdid.
Insemmi, pereżempju, xniegħat li biċċiet ta’ art kbar f’Selmun u fil-Wardija nxtraw dan l-aħħar u ħarġu jew ser joħorgu l-permessi tal-bini fuqhom.
Gvern Nazzjonalista jkun irid jara kif ħarġu u kif ser joħorġu dawn il-permessi. Jkun irid jara li kollox sar sew. Jkun irid jara li dawn il-permessi u oħrajn bħalhom mhumiex ta’ dannu għal pajjiżna.
Nerġa’ ngħid, biex ikun jaf kulħadd, li dak kollu li qiegħed isir minn dan il-Gvern, gvern ġdid ma jħossux bilfors marbut bihom.
Drittjiet mkassbra
Qegħdin, kif għidt, fil-kampanja elettorali fejn aħna nersqu quddiemkom biex ngħidulkom tiżnu dak li jsarrfu ż-żewġ partiti.
Naturalment, dan nagħmluh b’diveri modi. Mhux biss b’laqgħat kbar bħal tal-lejla, imma wkoll b’diversi karti, letteratura li jippreparaw iż-żewġ partiti.
Tajjeb li tarawhom dawn l-affarijiet ukoll u tarawhom bis-sens. Tarawhom billi tinterpretaw. Tarawhom mhux billi tħarsu biss lejn l-istampi sbieħ bil-kulur imma taraw verament x’inhu l-messaġġ. X’hemm wara dawk il-fuljetti li bagħtulkom. Hekk nistedinkom li tagħmlu.
Hekk nistieden lill-poplu Mati u Għawdxi jagħmel anke fuq fuljett li ġie f’idejja l-ġimgħa li għaddiet. Fuljett maħruġ minnhom li fil-paġna ta’ quddiem fih id iżżom spanner u id oħra żżomm pinna. Jekk taraw dan il-fuljett sew tindunaw li dan jikxef li huma jafu fejn iddgħajfu u fejn tilfu l-appoġġ.
Għandek id iżżomm l-ispanner u l-id iżżomm il-pinna. Jiġifieri għandek il-ħaddiema. Għandek il-ħaddiema kollha tal-id u tal-moħħ f’pajjiżna.
Huma qed jindirizzaw dan il-fuljett lejn il-ħaddiema kollha għax jafu li verament hu fost il-ħaddiema Maltin u Għawdxin li tilfu l-eluf. Tilfu l-eluf mhux ta’ nagħaġ mitlufa imma ta’ nies f’sensihom li sabu t-triq, ħallewhom, abbandunawhom u ġew wara l-Partit Nazzjonalista.
- Mingħalihom li għax bagħtu dan il-fuljett il-ħaddiema sejrin jinsew dak kollu li għaddew minnu fis-sittax-il sena li għaddew.
- Mingħalihom li ser inessu lill-ħaddiem Malti li qatt id-drittjiet tiegħu ma kienu mkassbra daqskemm ġew imkassbra f’dawn l-aħħar sittax-il sena.
U hawn, għal darb’oħra, rridu nfakkru x’qal dak li għal bosta snin kien Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union u għal xi żmien ukoll Segretarju Ġenerali tal-istess Partit Laburista.
Nerġa’ naqraha għal darb’oħra parti mill-ittra tiegħu. Attard Kingswell kien qal:
“Fl-opinjoni meqjusa tiegħi hu biżżejjed magħruf li l-vera drittijiet tal-ħaddiema qatt ma kienu mkassbra daqskemm huma llum.”
Iridu mhux jibagħtu fuljett biex jipperswadu lill-ħaddiema li dak li kiteb Attard Kingswell mhux minnu!
Imma huma jafu li din ħaġa impossibbli, għax dak li kiteb Attard Kingswell huwa l-verità. Hi r-realtà.
Attard Kingswell kien kompla kiteb:
“Il-Gvern preżenti rnexxielu, b’diversi metodi abbużivi, jdgħajjef l-għaqdiet kollha tal-ħaddiema flimkien mal-makkinarju kostitwit fl-interess tagħom sabiex tellifhom mill-ġid u d-dinjità li kienu rebħu matul l-aħħar tletin sena.”
Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jafu xi jfisser dan il-kliem ta’ Attard Kingswell.
- Jafu kif huma ġew imċaħħda mid-drittijiet tagħhom.
- Jafu kif il-General Workers Union ittradiethom.
- Jafu kif dan il-Gvern għal sittax-il sena sħaħ ipprova joħnoq, ipprova jeqred, lill-unions l-oħra.
Il-ħaddiema dan mhux ser jinsewh għax jibagħtulhom stampa sabiħa bil-kulur!
Attard Kingswell jkompli:
“Bl-iskuża li hu jaf l-aktar u l-aħjar il-bżonnijiet tal-ħadddiema u mgħejjun minn uħud li misshom jafu aħjar dan il-Gvern taparsi tal-ħaddiema neżża’ lill-ħaddiema mill-mezzi u l-forza li kellhom biex jottjenu bi dritt dak li hu tagħhom u minflok ġabhom fl-umiljazzjoni li jkollhom jaċċettaw il-loqom li jnewlilhom meta jkun jaqbel lilu biss.”
Kif jista’ jkun li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, imżebilħa għal sittax-il sena sħaħ, issa għax jirċievu d-dar ftit stampi bil-kulur jinsew dawk l-affarijiet kollha li għaddew minnhom?
Nerġa’ ngħid, meta ħassew il-bżonn li jibagħtu leaflet bħal dan fil-fatt qegħdin jammettu dgħajfin. Fejn huma tilfu. Fejn il-poplu Malti telaqhom u għaliex.
Jien m’għandix dubju li l-ħaddiema Maltin jifhmu xi jfisser dan il-leaflet. Dan il-leaflet jekk tkompli taqrah issib, fil-paġna ta’ wara, il-konklużjoni suppost li għandu jasal għaliha min jirċevi dan il-fuljett. U dawn jgħidu hekk: “Issa lkoll magħquda wara Karmenu Mifsud Bonnici.”
L-ewwel nett jien nistaqsi: Għaliex issa? Għaliex issa? Għaliex issa?
Mbagħad: “Ilkoll magħquda wara Karmenu Mifsud Bonnici.”
U jien ngħidilhom: Mela qabel ma kontux magħquda? Qabel ma kontux magħquda wara l-Prim Ministru ta’ qabel? Issa nsejtuh? Issa din l-għaqda li għandkom?
“Aħna tal-Labour nixtiequ li nkomplu nibnu futur aħjar għall-ħaddiema kollha.”
“Aħna tal-Labour” reġgħu saru issa!
- Sa ftit żmien ilu kienu nsew isejħu lilhom infushom tal-Labour.
- Sa ftit żmien ilu kienu jghidu li huma magħqudin għax huma Soċjalisti.
- Sa ftit ilu kienu jgħidu: “Għaliex aħna s-Soċjaliżmu ħanin, is-Soċjaliżmu…” ma nafx x’inhu. Soċjaliżmu tiela’ u nieżel.
- Issa libsu l-libsa tal-ħaruf u reġgħu saru tal-Labour magħqudin wara Karmenu Mifsud Bonnici.
Il-messaġġ tagħhom mhux miktub hu li qed jippruvaw jgħidu nbidlu.
Qabel kellna lill-Perit Mintoff dak kien mexxej kbir, kienu jgħidulu minn kollox tas-Soċjaliżmu f’Malta. Issa dawn reġgħu magħqudin wara Karmenu Mifsud Bonnici għaliex huma tal-Labour.
Issa, min jiftakar is-snin ħamsin, jiftakar kemm kienu jagħmlu distinzjoni ċara bejn Partit Laburista u Partit Soċjalista dak iż-żmien. Kienu jieħdu għalihom jekk tgħidilhom Soċjalisti!
Mbagħad ġie żmien li nqaleb kollox u għamlu l-ġlidiet tas-Soċjaliżmu veru.
Dawk il-ġlidiet għamluhom u jien ċert li se jkompluhom wara l-elezzjoni dawk il-ġlidiet.
- Dawk il-ġlidiet li ġabu tant firda f’pajjiżna.
- Dawk il-ġlidiet kontra il-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
- Dawk il-ġlidiet kontra kull min ma jaqbilx magħhom f’pajjiżna.
- Dawk il-ġlidiet li bihom ippruvaw ixewxu parti tal-poplu kontra l-oħra kif jemmnu verament is-Soċjalisti.
Hekk huma u hekk jerġgħu jkunu wara l-elezzjoni!
Imma issa le. Issa jippreżentaw ruħhom ilkoll magħqudin, ilkoll fehma waħda, u lkoll isejħu lilhom infushom li huma tal-Labour.
Imma l-ħaddiem Maltin mhux ser jiġi mqarraq lanqas b’dan!
Il-ħaddiem Malti jagħraf ir-realtajiet!
Drittijiet tal-Pensjonanti
F’dan il-fuljett fin-nofs isemmu l-pensjonijiet u l-pensjoni taż-żewġ terzi.
Jien persważ li l-ħaddiema Maltin u l-poplu Malti jifhmu bl-ingann li sar meta qalu li għamlu l-pensjoni ta’ żewġ terzi għal kulħadd.
Irrid li tiftakru u tifhmu x’ġara meta fl-1978/79 daħlet iż-żewġ terzi tal-pensjoni għal kulħadd.
Dakinhar diġà kien hemm ħafna ħaddiema li diġa kellhom pensjoni ta’ żewġ terzi.
L-ewwel nett kien hemm il-ħaddiema kollha li jaħdmu mal-Gvern. Kien Gvern Nazzjonalista li, fis-snin sittin, ta l-pensjoni ta’ żewġ terzi lill-ħaddiema tal-Gvern.
Sa dak iż-żmien il-ħaddiema tal-Gvern kienu maqsumin f’żewġ kategoriji. Sas-snin sittin kien hemm dawk li jissejħu ħaddiema stabbiliti u dawk kellhom id-dritt tal-pensjoni ta’ żewġ terzi. Kien hemm wkoll ħaddiema oħra li mhux stabbiliti.
Kien il-Gvern Nazzjonalista li ta il-pensjoni ta’ żewġ terzi lil ħaddiema tal-Gvern kollha – mill-ikbar Kap ta’ dipartiment sa l-aktar ħaddiem umli.
Imma mhux biss.
Gvern Nazzjonalista tahom il-pensjoni ta’ żewġ terzi filwaqt li ħallielhom id-dritt li jieħdu wkoll il-pensjoni tal-bollaaħna mmorru!
Dawk li rtiraw mix-xogħol f’dawn l-aħħar snin jafu li s-sitwazzjoni issa nbidlet għalkollox.
Għall-ħaddiema tal-Gvern, bħall-ħaddiema l-oħrajn kollha, hemm pensjoni waħda biss.
- Dan il-Gvern ma qalx kulħadd ikollu d-dritt ta’ pensjoni ta’ żewġ terzi.
- Dan il-Gvern qal ħadd ma jkollu d-dritt għal aktar minn żewġ terzi.
Dan ifisser li jekk illum hemm tnejn u tletin elf jaħdmu mal-Gvern, dawn it-tnejn u tletin elf tilfu d-dritt tal-pensjoni li kellhom. Dawk li daħlu mal-Gvern mill- 1 ta’ Jannar tal-1977 ikollhom dritt biss għall-pensjoni tal-bolla u dawk li kienu mal-Gvern qabel jieħdu l-pensjoni ta’ żewġ terzi u jieħdu biss biċċa żgħira mill-pensjoni li kellhom dritt għaliha għax ħallsu l-bolla meta kienu jaħdmu.
Dan ma japplikax biss għall-ħaddiema tal-Gvern.
Il-ħaddiema tat-Tarzna kellhom id-dritt ta’ pensjoni ta’ nofs paga u kellhom ukoll id-dritt tal-pensjoni tal-bolla. Illum dawn għandhom dritt għall-pensjoni ta’ żewġ terzi biss li jieħdu mill-pensjoni tal-bolla.
Hemm ħafna ħaddiema oħra li kellhom drittijiet ta’ pensjoni u bil-miżura li ħa l-Gvern tneħħewlhom dawn id-drittiijiet.
Staqsu kemm ħaddiema f’fabbriki kellhom dritt għal xi gratuity. Jiġifieri dawn kellhom dritt li meta jirtiraw mix-xogħol jieħdu somma ta’ flus.
Dan il-Gvern bl-iskuża tal-pensjoni ta’ żewġ terzi qal mhux sewwa li inti tkun taħdem f’xi fabbrika li tiflaħ u meta tispiċċa dik il-fabbrika ttik tlett elef, ħamest elef lira, talli tkun ħdimt ħafna snin magħha.
“Mhux sewwa” qal. U jekk int tispiċċa minn dik il-fabbrika u, ngħidu aħna, tieħu somma ta’ ħamest elef, l-Gvern iqis din is-somma b’imgħax ta’ ħamsa fil-mija u jgħidlek li ħadt ħames t elef lira qisu għandek renta ta’ mitejn u ħamsin lira u jaqtagħlek mitejn u ħamsin lira mill-pensjoni.
Dawn l-affarijiet jippruvaw inessuhom lill-ħaddiema.
Imma aktar ma toqrob l-elezzjoni l-ħaddiema aktar jirrealizzaw kemm il-Gvern tratthom ħażin u kemm daħqet bihom il-General Workers Union meta, fl-1978/79, tat parir lill-ħaddiema li dawn il-forom ta’ gratuity, ta’ insurances, li kien hemm jitneħħew. Il-ħaddiema ħadu somma ta’ flus dakinhar izda issa tilfu d-dritt li jieħdu s-somma li kienet garantita lilhom bil-ftehim li kellhom fil-post tax-xogħol tagħhom.
Qed ngħid li il-ħaddiema qed jindunaw għax kelli aktar minn każ wieħed ta’ gruppi ta’ ħaddiema li ġew ikellmuni u jistaqsuni jekk hux veru li l-Gvern Nazzjonalista se jibdel il-liġi u jgħid li kulħadd ikollu d-dritt ta’ pensjoni ta’ żewġ terzi imma jista’ jkollu wkoll aktar minn hekk.
Jekk min iħaddem jiflaħ jagħti somma ta’ flus, jekk union jirnexxielha li jintlaħaq ftehim ma min iħaddem dwar xi gratuity, il-Gvern Nazzjonalista dak id-dritt jerġa’ jagħtih lill-ħaddiema mingħajr ma jitnaqqas xejn mill-pensjoni ta’ żewġ terzi.
M’għandix dubju li eluf kbar ta’ ħaddiema ndunaw bit-tradiment li sar meta daħlet il-pensjoni ta’ żewġ terzi. Mhux għax li tagħmel il-pensjoni ta’ żewġ terzi ħażin. Dażgur li tajjeb. Dażgur li kulħadd jaqbel.
Li ma naqblux hu li tgħid żewġ terzi u xejn aktar, għax b’hekk eluf kbar ta’ ħaddiema, fosthom tnejn u tletin elf mal-Gvern u eluf oħra li huma jew kienu impiegati fit-Tarzna, mal-banek u fl-industrija privata li kellhom dawn id-drittijiet u issa tilfuhom.
Il-parir tagħna dakinhar kien biex il-ħaddiema ma jaċċettawx il-parir tal-General Workers Union biex jxolju l-iskemi ta’ benefiċċji li kien hemm.
U Gvern Nazzjonalista jżomm kellmtu u jgħid li f’Malta kulħadd ikollu bi dritt il-pensjoni ta’ żewġ terzi għax ikun ħallas il-bolla tul ħajtu kollha.
U l-bolla tal-lum mhux ċajta. Il-bolla tal-lum tassew saret parti mis-sistema ta’ taxxi li hawn fil-pajjiż.
Illum wieħed mill-akbar items ta’ revenue, ta’ dħul għall-Gvern hu mill-bolla. Kull ma hemm bżonn hu li l-ħaddiema jiftakru kemm kienet il-bolla sittax-il sena ilu u jiftakru li llum kull min jaħdem bil-paga qiegħed iħallas xahar paga fil-bolla.
U, meta jgħidulna li l-pensjonijiet żdiedu, ngħidulhom dażgur li żdiedu. Allaħares ma żdiedux. Anzi, hemm bżonn li jerġgħu jiżdiedu għax issa l-pensjonijiet ilhom iffriżati, ilhom weqfien. Dażgur li żdiedu, imma rridu niftakru wkoll il-prezz li ħallas il-ħaddiem għal dawk iż-żidiet.
Jien ċert li mhux biss min tilef id-drittjiet tiegħu tal-pensjoni mhux se jiġi mqarraq b’fuljett bħal dan għax hemm kategoriji oħra ta’ ħaddiema Maltin li d-drittjiet tal-pensjoni tagħhom naqsu u naqsu sew.
Il-pulizija, pereżempju.
Aħna nirrikonoxxu li, f’pajjiż ċivili, f’pajjiż demokratiku, f’pajjiż fejn hemm il-libertà, fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata hemm nies li jistħoqilhom ir-rispett u r-rikonoxxenza tal-poplu kollu.
Dan għax jagħmlu xogħol differenti ħafna mix-xogħol ordinarju tagħna lkoll. Jagħmlu xogħol ta’ periklu aktar minn ħaddieħor. Jagħmlu xogħol ħafna drabi aktar iebes minn ta’ ħaddiema oħra. Jagħmlu xogħol li jirrikjedi li dawn jirtiraw qabel l-età tal-pensjoni qabel l-età normali tal-pensjoni li dan il-Gvern għamilha wieħed u sittin sena.
Dan il-Gvern lill-pulizija ħallielhom id-dritt li jirtiraw. Imma, qalilhom li jekk jirtiraw u jieħdu l-pensjoni u jmorru jaħdmu x’imkien ieħor, jitilfu l-pensjoni jekk minn dan il-post tax-xogħol jaqilgħu daqskemm kienu jaqilgħu kieku baqgħu fil-Korp tal-Pulizija.
Dan mhux sewwa.
Aħna jidhrilna li min għandu dritt ta’ pensjoni f’ċerta età dik il-pensjoni tkun tiegħu sħiħa anke jekk ikun għadu kapaċi jaħdem u fil-fatt imur jaħdem.
Lin-nies fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata ngħidulhom li d-drittijiet li ġew miċħuda lilkom minn dan il-Gvern se jkun gvern ġdid, Gvern Nazzjonalista, li ser jerġa’ jagħtihomkom sħaħ kif kienu.
Hemm kategorija oħra ta’ pensjonanti li dan il-Gvern ma ħamilx li jħallihom ikomplu jgawdu l-pensjoni sħiħa tagħhom.
Tafu li anzjani li jkollu jmur fi sptar u jkollu pensjoni, l-Gvern qed iżommlu 60% minn dik il-pensjoni?
Meta ġabu l-liġi fil-Parlament, u aħna naturlament ma qbilniex magħha, r-risposta tal-Gvern kienet: “X’jambuhom il-flus? X’jambuhom l-anzjani l-flus tal-pensjoni jekk ikunu qegħdin l-isptar? X’jambuhom?” Dawk iservu biex jagħtuhom lill-familja tagħhom u qalu: “Il-familja tagħhom illum m’għandhiex bżonn l-għajnuna tal-anzjani.”
Kif wegħedna fil-programm elettorali tal-aħħar elezzjoni, aħna nerġgħu nwiegħdu li d-dritt għall-pensjoni huwa dritt li l-gvern ma jistax jeħodhulek u ma jistax inaqqashulek. Allura, meta int ikollok id-dritt għall-pensjoni għax ħallast u ħdimt għaliha, dik il-pensjoni teħodha sħiħa f’kull ċirkostanza.
Irrid infakkar ukoll li kien il-Gvern Nazzjonalista li, fis-snin sittin, estenda l-liġi tal-assigurazzjoni socjali, għal kulħadd, anke għal dawk li jaħdmu għal rashom.
F’Malta għad hawn numru ta’ nies li jaħdmu għal rashom. Skond l-aħħar iċ-ċensiment f’Malta hawn bejn tnax u tlettax-il elf li jaħdmu għal rashom. Dan il-Gvern ma jistmahomx lil dawk li jaħdmu għal rashom bħala ħaddiema. Dan il-Gvern tafu li neħħielhom ħafna mill-benefiċċji tal-liġi tal-bolla.
Lil dawk kollha li jaħdmu għal rashom ngħidulhom li gvern ġdid, Gvern Nazzjonalista, lilkom iqiskom, kif intom fil-fatt, verament ħaddiema. Anzi, intom fost dawk li l-aktar li taħdmu u tikkontribwixxu. Likkom ukoll nagħtukom id-drittijiet sħaħ bħall-ħaddiema l-oħra kollha, b’mod partikolari għar-rigward tal-benefiċċji tal-bolla.
Hemm ukoll numru ieħor ta’ pensjonanti li jistħoqqilhom trattament aħjar, dawk li kienu jaħdmu mas-servizzi Ingliżi u hemm numru minnhom li jirċievu pensjoni fi flus Ingliżi, f’sterlina. Minħabba l-valur tal-isterlina f’pajjiżna, hemm numru minnhom li l-pensjoni tagħhom naqset b’ammont kbir, bin-nofs tista’ tgħid. Lil dawn ukoll aħna nwegħduhom li naraw x’jista’ jsir għalihom biex huma wkoll ikunu jistgħu igawdu d-dritt sħiħ tal-pensjoni tagħhom.
Fil-qasam tat-turiżmu, kif il-Gvern induna bil-bżonn li jagħmel xi ħaġa, mis-sena l-oħra ta rata speċjali ta’ kambju lill-operaturi turistiċi Ingliżi. Fil-fatt żvaluta l-lira Maltija b’aktar minn għoxrin fil-mija għar-rigward ta’ tour operators Inglizi. Dan ifisser sussidju kbir ta’ miljuni biex ikunu jistgħu jiġu turisti Ingliżi f’Malta.
Aħna jidhrilna li l-Gvern għandu jikkunsidra bis-serjetà anke rata speċjali ta’ kambju għal dawn in-nies li għandhom pensjoni li fi żmien kienet tajba u li llum minħabba r-rata tal-kambju tal-lira sterlina tilfu, nerġa’ ngħid, ħafna mill-benefiċċju li kellhom.
Jien ċert li din tal-pensjonjiet il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jippruvaw jifhmuha sew u jaraw verament x’għamel il-Gvern.
Irrid ngħid li suppost kien għamel xi ħaġa tajba oħra meta daħħal il-pensjoni taż-żewġ terzi. Kien qal li l-pensjoni ta’ żewġ terzi tiġi riveduta kultant żmien u togħla biex dik il-pensjoni tkun dejjem żewġ terzi tal-post li wieħed ikun irtira minnu.
L-ewwel nett ngħidu li dan fil-prattika kważi ma jfisser xejn għax dan il-pajjiż issa ilu erba’ snin bil-wage freeze mingħajr ebda żidiet għall-ħaddiema.
Imma, rrid ngħid ukoll li, għad hemm numru ta’ ħaddiema, numru ta’ nies, li llum għandhom età pjuttost kbira li ħadmu għal snin twal mal-Gvern u rtiraw meta l-pagi tagħhom kienu ħafna aktar baxxi milli huma llum. Uħud minnhom kellhom pożizzjoni għolja mal-Gvern u llum l-pensjoni tagħhom hi biss ta’ żewġ terzi tal-paga li kellhom meta rtiraw u llum m’għandhomx biex jgħixu. Suppost li dan il-Gvern, bil-mod il-mod, tellgħalhom il-pensjoni għar-rati tal-lum,imma dan għadu m’għamlux. Lil din il-kategorija ta’ pensjonanti ukoll ngħid li jrid ikun gvern ġdid, Gvern Nazzjonalista, li jwettaq dik il-wegħda li dan il-Gvern għamel u ma żammhiex. B’hekk dawn in-nies verament jingħatalhom id-dritt li jkollhom pensjoni diċenti għaż-żminijiet tal-lum.
L-Ingann ta’ dehra ġdida
Ħbieb tiegħi, kif għidt, dawn mingħalihom li għaliex ser jibagħtu fuljett ser joħolqu dehra ġdida tal-partit tagħhom. Ġdida jiġifieri differenti minn dik li kellu l-partit meta kien imexxih il-Perit Mintoff.
Izda fis-sustanza nafu li m’hu hekk xejn.
Dawn għadhom l-istess nies mexjin fuq il-prinċipji li jemmnu fihom. Qed jagħmlu dan biss biex mingħalihom jidħqu bil-poplu Malti.
Il-Partit Nazzjonalista m’għandux bżonn jagħmel bħalhom. M’għandniex bżonn aħna nbiddlu isimna.
- Aħna minn dejjem konna u għadna l-Partit Nazzjonalista.
- Aħna l-Partit Nazzjonalista għaliex twelidna, għixna, kbirna, dejjem bi skop wieħed li naħdmu għal dan il-polu tagħna bħala nazzjon wieħed.
- Dejjem għamilna ħilitna kollha biex dan il-poplu tagħna naqduh.
- Dejjem għamilna ħilitna kollha biex jekk ikun hemm il-firda din il-firda nippruvaw ineħħuha għaliex aħna ma naqsmux il-poplu f’żewġ partijiet.
- Aħna jidhrilna li dan hu poplu wieħed. Irriduh ikun poplu wieħed.
- Irridu li lkoll aħna nqisu lilna nfusna bħala aħwa Maltin.
Għalhekk aħna dejjem sejjaħna lilna nfusna Nazzjonalisti.
Għax aħna verament nemmnu f’dan in-nazzjon tagħna, aħna dejjem ridna li dan il-poplu tagħna jkun identifikat bħala nazzjon għalih innifsu.
Aħna qatt m’għamilna bħalhom.
- Fl-1955 dawn qalu li Malta żgħira wisq biex ekonomikament tgħix tajjeb u riedu jintegrawna, jagħmluna ħaġa waħda, mal-Ingilterra.
- Fl-1964 meta konna wasalna biex nakwistaw l-Indipendenza kienu bagħtu memorandum lill-Foreign Office Taljan u kienu ssuġġerrew li l-aħjar ħaġa għal Malta kienet li ssir reġjun awtonomu mill-Italja. Fi kliem ieħor, fl-1964 riedu jaqduna mal-Italja. Integration mal-Italja.
Forsi hawn min minnkom, partikolarment fost iż-żgħażagħ, li dawn l-affarijiet qatt ma semagħhom.
Meta titkellem ma xi ħadd u tgħidlu l-integration jgħidlek: “X’inhi?”
Tajjeb li nfakkru li filwaqt li aħna, il-Partit Nazzjonalista, qatt ma qtajna qalbna, dejjem kellna fiduċja fil-poplu tagħna, dawn għal darba darbtejn tlieta fittxew li jaqduna ma’ xi pajjiż ieħor.
Għaliex anke fl-1972, skond ktieb pubblikat barra minn Malta, jintqal li skond il-President tal-Libja l-Perit Mintoff kien ippropona li jkun hemm għaqda bejn Malta u l-Libja.
Aħna la rridu għaqda mal-Libja, la għaqda mal-Italja u la għaqda mal-Ingilterra.
- Aħna kburin li aħna Maltin.
- Aħna kburin li kapaċi immexxu lilna nfusna.
Pajjiżna jista’ jqum fuq saqajh
Veru li s-sitwazzjoni hija waħda fejn hawn ħafna taqtigħ ta’ qalb. Imma dan ma jfissirx li m’għandniex nibqgħu nemmnu fil-prinċipju fundamentali li twieled u għex għalih il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li dan il-pajjiż tagħna kapaċi jieqaf fuq saqajh waħdu.
Dan il-pajjiż tagħna jinsab f’dak li jinsab fih illum għax kellna Gvern li farrak lil pajjiżna tul is-sittax-il sena li għaddew.
- Aħna nemmnu f’pajjiżna.
- Aħna nemmnu fil-poplu tagħna.
- Aħna nafu li pajjiżna jista’ jqum fuq saqajh.
Imma biex pajjiżna jqum fuq saqajh hemm bżonn bosta affarijiet.
Biex pajjiżna jqum fuq saqajh irid jerġa’ jkollna l-ewwel nett gvern nadif u mhux aktar gvern li miksi kullimkien bil-korruzzjoni. Aħna nemmnu li pajjiżna jista’ jieħu r-ruħ u jerġa’ jqum fuq saqajh imma hemm bżonn li jkun hemm gvern li jaf jaħseb fil-bogħod. Hemm bżonn li jkun hemm gvern serju li jagħmel l-affarijiet bis-serjetà mhux joħlomhom billejl u jipprova jwettaqhom filgħodu u jkissirhom il-ġurnata ta’ wara. Hemm bżonn li f’pajjiżna jkun hawn gvern serju li jaf jaħseb fil-bogħod għax dak biss huwa garanzija ta’ xogħol għal kulħadd f’pajjiżna.
Aħna nemmnu f’pajjiżna. Imma biex pajiżna jqum fuq saqajh irid ikun hawn gvern li jemmen f’dik li bl-ingliż tissejjaħ ir-rule of law. Dan jfisser li kulħadd huwa ugwali u suġġett għal-liġi tal-pajjiż. Jfisser li l-liġi tgħodd għal kulħadd u f’pajjiżna ħadd, mill-Prim Ministru ’l isfel, mhu ‘l fuq mil-liġi ta’ pajjiżna.
Biex pajjiżna jerġa’ jieħu r-ruħ hemm bżonn li nerġgħu nsiru lkoll indaqs, u għal darb’oħra ngħidu li f’pajjiżna mhux veru li kulħadd xorta quddiem il-liġi.
Il-ħsara lil pajjiżi
Meta ġejt minn barra il-bieraht lura qrajt fil-gurnal l-orizzont artiklu li qal li jien kont Londra u erġajt mort tkellimt biex nagħmel ħsara lil pajjiżi.
Jien mort il-Ġermanja u mort Londra u tkellimt fuq Malta għax hu dmir tiegħi li nitkellem fuq Malta u ngħid il-verità. Jekk meta tingħad il-verità issir ħsara mhux tort ta’ min jgħid il-verità imma tort ta’ min għamel ħwejjeġ li veru għamlu u qed jkomplu jagħmlu ħsara lil pajjiżna.
Dażgur li saret ħsara lil pajjiżna.
- Meta nħarsu lura u niftakru f’dak li ġara fiż-Żejtun, meta nħarsu lura u naraw ir-ritratti ta’ dak li ġara fiż-Żejtun, meta nħarsu lura u naraw li fiż-Żejtun inkissru l-liġijiet tal-pajjiż.
- Meta nħarsu lura u niftakru li kien hemm min sawwat lin-nies, kien hemm min spara fuq in-nies,kien hemm min kien imlibbes b’wiċċu mgħotti flimkien mal-pulizija.
- Meta nħarsu lura u niftakru li kien hemm numru ta’ pulizija li flok qdew dmirhom skond il-ġurament ta’ lealtà lejn il-poplu tagħna tħalltu man-nies kriminali.
- Meta nħarsu lura u naraw li minkejja li ġew pubblikati ritratti ta’ nies magħrufa li kissru l-liġi dakinhar u sal-lum ma ttieħdu l-ebda passi kontra tagħhom.
Dażgur li meta titkellem fuq dawn l-affarijiet ikun hemm min jistaqsi, kif staqsewni ġurnalisti f’Londra:
“Allura kif jista’ jkun veru dan li qed tgħid?
“Kif jista’ jkun?
“Mela m’għandkomx liġijiet f’Malta?
“Mela l-liġijiet mhux għal kulħadd japplikaw?
“Mela xi ħadd Malta jista’ jikser il-liġi u ma jiġrilu xejn?”
U r-risposta trid tkun li Malta għandna liġijiet. Malta għanda liġijiet tajbin. Imma Malta għandna Gvern ħazin. Malta għandna Gvern li jmur kontra l-liġi.
Kif tista’ tispjega lil min jemmen fid-demokrazija, lil min jemmen fid-demokrazija parlamentari, li tkun fil-Parlament titkellem u jaqsmu l-Ministri biex jippruvaw isawtuk?
Kif tista’ tispjegalhom li fil-Parlament Malti, suppost demokratiku, jaqsam Ministru jeħodlok il-karti minn idejk, iqattagħhom, kif rajtuhom jagħmluhom fuq it-television?
Kif tista’ tispjega lil min jemmen fid-demokrazija kif, fil-Parlament tagħna, jidħol il-Kamandant tat-Task Force, jinsolentak, u għal ġimgħat sħaħ ma jittieħdu l-ebda passi, jibqa’ f’postu bħala Kmandant u meta titressaq mozzjoni ta’ ksur ta’ privileġġ fl-aħħar ġurnata dakinhar sfortunatament jinzerta marid?
Kif tispjegahom dawn l-affarijiet?
Dawn huma fost l-affarijiet li għamlu tant ħsara lil pajjiżna. Dawn huma affarijiet li ilhom isiru sittax-il sena f’pajjiżna. U għadhom sejrin.
Meta ħmistax ilu kellna mass meeting u huma kellhom mass meeting, quddiem il-każin tagħna ta’ Ħal Tarxien, reġgħu marru numru żgħir minn tagħhom waqfu u kissru.
Wieħed minnhom, li qed issemuh, magħruf bħala t-Totò niżel u kien fost dawk li kissru l-karozza li kien hemm fiha d-Deputat tagħna Joe Cassar. Il-pulizija jafu li t-Totò kien hemm ikisser il-karozza bħal-lum ħmistax. Dan hu l-istess bniedem li fl-1976, fil-Kalkara, saq karozza fuq in-nies.
Dawn huma n-nies.
Dawn jagħmlulna l-ħsara lil pajjiżna.
U jekk dan il-Gvern ma jridx jew mhux kapaċi jikkontrolla lil numru żgħir ta’ nies li kissru l-liġi fl-imgħoddi, li kissru l-liġi anke f’dawn l-aħħar ġranet, mingħajr ma ttieħdu passi kontra tagħhom, allura bilfors aħna nkomplu ngħidu li din l-elezzjoni ser niġġilduha fuq dan l-aqwa prinċipju.
Il-prinċipju li verament f’Malta li jkollna gvern li jirrispetta l-libertà.
Gvern li jassigura li l-liġi hi ugwali għal kulħadd u li kulħadd jieħu li ħaqqu jekk jikser il-liġijiet tal-pajjiż.
It-twemmin tal-Partit Nazzjonalista
Għidtilkom li huma, skond iż-żminijiet, jissejħu b’ismijiet differenti.
Daqqa l-Moviment tal-Ħaddiema, daqqa l-Moviment Soċjalista issa fil-karti kollha tagħhom qed isejħu lilhom infushom tal-Labour.
Mal-ħitan kull riklam li jagħmlu issa qed isejħu lilhom infushom tal-Labour.
Il-Partit Nazzjonalista mhux biss żamm ismu imma l-Partit Nazzjonalista żamm ukoll it-twemmin tiegħu. Għal aktar minn mitt sena l-Partit Nazzjonalista kellu l-motto tiegħu Reliġjon u Patria.
Meta ngħidu reliġjon ma jfissirx li rridu niddettaw lil xi ħadd mill-poplu Malti x’reliġjon għandu jkollu. Kull wieħed għandu d-dritt li jkollu t-twemmin tiegħu.
Imma rridu ngħidu li Partit Nazzjonalista jemmen li huwa ta’ ġid għall-poplu tagħna, li huwa ta’ ġid għas-soċjetà tagħna, li fil-politika tagħna aħna nkomplu nispiraw ruħna mit-twemmin nisrani.
U dan mhux b’kapriċċ. Aħna jidhrilna li hemm rabta sħiħa bejn il-libertajiet fondamentali tal-bniedem u t-twemmin nisrani.
Dan mhux qed ngħidu jien biss. Dan huwa t-twemmin li jirrispekkja verament ir-realtà storika. Naqralkom x’kiteb bniedem famuż, Robert Schuman, wieħed li ta s-sehem tiegħu biex titwaqqaf il-Komunità Ewropea, biex issir l-għaqda tal-Ewropa. Dan kiteb hekk:
“Id-Demokrazija taf l-eżistenza proprja tagħha għall-Kristjaneżimu. Hija twieldet dakinhar li fiha l-bniedem ġie msejjaħ biex jirrealizza fil-ħajja temporali tiegħu d-dinjità tal-persuna umana fil-libertà ta’ kull wieħed minnha, fir-rispett tad-drittijiet ta’ kull wieħed permezz tal-prattika tal-imħabba bejn l-aħwa fil-konfront ta’ kulħadd. Ideat bħal dawn qatt ma ġew formulati qabel il-miġġja ta’ Kristu fostna. Id-demokrazija hija infatti marbuta mal-Kristjaneżimu kemm bħala dutrina kif ukoll kronoloġikament fiż-żmien.”
Dan huwa t-twemmin tagħna.
- Aħna rridu nirrispettaw il-libertà u d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna għaliex kull wieħed u waħda minna għandna din id-dinjità kbira li hi tal-
- Aħna rridu nirrispettaw din id-dinjità tagħna l-bnedmin fil-politika u f’dak kollu jipprova jwettaq il-gvern.
- Irridu nirrispettaw din id-dinjità f’dak kollu li jirrigwarda d-drittijiet tal-ħaddiema.
- Irridu nirrispettaw din id-dinjità f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-qasam tax-xogħol.
- Irridu nirrispettaw din id-dinjità f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-famija.
- Irridu nirrispettaw din id-dinjità li hi tagħna bħala bnedmin u li tant nistgħu nifhmuha għaliex inħaddnu l-prinċipji Nsara.
- Irridu nirrispettaw din id-dinjità fl-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija.
Aħna sejrin għal din l-elezzjoni bil-konvinzjoni li l-poplu Malti fehem x’inhi s-sitwazzjoni f’pajjiżna.
Sejrin għal din l-elezzjoni bil-konvinzjoni li ebda pjaċiri, ebda favuri, mhu ser jisirqu l-vot ta’ dawk li qabel ma jmorru jivvutaw jaħsbu b’rashom.
Għax min jaħseb b’rasu jifhem li dan pajjiżna huwa mhedded.
- Dan pajjiżna huwa mhedded mhux biex biss bin-nuqqas ta’ xogħol għal min irid jaħdem f’pajjiżna imma dan pajjiżna huwa mhedded min xi ħaġa aktar gravi.
- Dan pajjiżna huwa mhedded fir-ruħ tiegħu.
- Dan pajjiżna huwa mhedded fil-libertajiet ta’ kull wieħed u waħda minna.
- Dan pajjiżna huwa mhedded fid-demokrazija stess.
Għalhekk, fil-ftit ġimgħat li baqa’, se nkomplu niltaqgħu magħkom u ngħidulkom biex tgħidu lil kulħadd li l-ġlieda f’pajjiżna hi waħda:
Hi ġlieda għax-xogħol, hi ġlieda għall-ġustizzja, hi ġlieda għal-libertà tagħna llkoll.
Grazzi ħafna.