Political Context
- English
- Malti
Truth prevails over the biggest lie in Maltese political history
On the 16th January 1987, an independent Court freed Pietru Pawl Busuttil at the earliest possible stage in the proceedings of the trumped-up charges against him. In a process lasting just five weeks, the evidence produced in Court showed that the killer gun used to murder Raymond Caruana had been placed in the farmhouse owned by Pietru Pawl Busuttil who had nothing to do with the case.
In this mass meeting two days later, Eddie Fenech Adami said that his motto ‘truth certainly prevails’ was already being achieved: truth had prevailed over the biggest lie in Maltese political history.
But this didn’t hapen of its own accord; it happened because the Nationalist Party mounted a huge campaign to convince people of the innocence of Pietru Pawl Busuttil and to defeat the continuous lies about him in the Labour-controlled media.
This campaign prevailed over the most wicked injustice possible: when the State frames up one of its own innocent citizens.
Is-sewwa jirbaħ fuq l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija
Fis-16 ta’ Jannar 1987, il-Qorti indipendenti ħelset lil Pietru Pawl Busuttil mill-akkuża falza kontrih fl-aktar stadju bikri possibbli li setgħet teħilsu. Fi proċess li dam biss ħames ġimgħat, fil-Qorti ħarġu provi li juru li l-arma tal-qtil ta’ Raymond Caruana kienet tpoġġiet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil li ma kellu x’jaqsam xejn mad-delitt.
F’dan il-mass meeting jumejn biss wara, Eddie Fenech Adami wera li l-motto tiegħu ‘is-sewwa jirbaħ żgur’ diġà kien qed iseħħ: is-sewwa rebaħ fuq l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija, qal Fenech Adami.
Imma dan ma ġarax waħdu; seħħ għax il-Partit Nazzjonalista għamel sforz kbir ħafna b’kampanja qawwija biex jikkonvinċi dwar l-innoċenza ta’ Pietru Pawl Busuttil u jirbaħ lill-gideb kontinwu fil-midja kkontrollati mill-Gvern Laburista.
Din il-kampanja rebħet fuq l-akbar inġustizzja li tista’ ssir: meta l-istat innifsu jagħmel frame-up fuq ċittadin tiegħu innoċenti.
Transcript
Ħuti Maltin u Għawdxin
Imma illejla, għaliex ġejtu f’daqshekk eluf u b’daqshekk entużjażmu fuqkom?
Imma għaliex, minkejja d‑diffikultajiet kbar riċenti u aktar ’l bogħod li għaddejna minnhom, il‑poplu Malti qed jirrispondi b’din il‑ħerqa kollha?
IS‑SENA TAL‑PAĊI BIDLUHA FIS‑SENA TAD‑DEMM
Ir‑risposta tagħkom żgur hi li, intom tridu tagħtu s‑sehem tagħkom għall‑ġlieda li għaddej minnha pajjiżna.
Mhijiex ġlieda ta’ kuljum!
- Is‑sena li għadha kif spiċċat, kellha tkun is‑sena tal‑paċi. Bdejnieha bil‑ħsieb li tkun verament is‑sena tal‑paċi. Iżda, kien hawn min is‑sena tal‑paċi għoġbu jibdilha fis‑sena tad‑demm.
- Għall‑poplu Malti fl‑1986 ser tibqa’ tiġi mfakkra bħala s‑sena tad‑demm.
- Is‑sena li fiha inxtered demm Malti minn ħutna stess Maltin.
- Is‑sena sitta u tmenin tibqa’ titfakkar għaliex, fit‑30 ta’ Novembru, diversi Maltin xerrdu demmhom f’Tal‑Barrani.
- Is‑sena sitta u tmenin tibqa’ mfakkra bħala s‑sena tad‑demm għaliex fil‑5 ta’ Diċembru ż‑żagħżugħ Raymond Caruana xerred sal‑aħħar qatra ta’ demmu fil‑każin tagħna tal‑Gudja.
- Is‑sena sitta u tmenin kienet is‑sena tad‑demm għaliex fiha fil‑pajjiż, minn dik is‑sena, għandna martri ta’ żmienna: Raymond Caruana, l‑martri ta’ żmienna għal‑libertà.
- Is‑sena li għadha kif spiċċat kienet sena li wriet li, f’dan il‑poplu tagħna, m’aħniex qegħdin ngħixu kif suppost bħala aħwa Maltin.
Iżda ma kienx biżżejjed li xxerred id‑demm ta’ ħutna Maltin f’Novembru u Diċembru li għaddew.
Novembru u Diċembru li għaddew kienu l‑bidu ta’ crescendo sħiħ, ta’ żieda sħiħa, fl‑inġustizzji f’pajjiżna. Inġustizzji li l‑poplu Malti fehemhom aktar wara dawk l‑inċidenti tad‑demm.
Il‑poplu Malti jaf li min xerred id‑demm f’Tal‑Barrani kien mgħejjun minn uħud fil‑Korp tal‑Pulizija. L‑inġustizzja kompliet tiżdied għax nafu li min xerred id‑demm tal‑Maltin f’Tal‑Barrani ġie mogħti għajnuna. Aġir li, tista’ tgħid, ġie skużat mill‑Gvern, għaliex qalu li kien provokat!
Dawk li xerrdu d‑demm ta’ ħutna Maltin kienu provokati għax kien hemm eluf kbar, bhal kif hawn illejla wkoll, li wrew li lesti jissieltu biex iżommu l‑ħelsien tagħhom?
F’Tal‑Barrani eluf ta’ Maltin wrew d‑determinazzjoni li lesti li jagħmlu kull sagrifiċċju li hemm bżonn biex jiddefendu l‑ħelsien tagħhom.
L‑inġustizzja kompliet tikber meta dawk li xerrdu demm il‑Maltin f’Tal‑Barrani ma ttiħdux passi kontra tagħhom.
- Għalihom mhux kulħadd l‑istess taħt il‑liġi.
- Hemm ritratti ppubblikati li juru biċ‑ċar min huma wħud fost dawk id‑delinkwenti li sawtu lil ħutna Maltin.
- Izda, sal‑lum ma ttieħed l‑ebda pass kontra ħadd.
IL‑VERITÀ TITLA’ F’WIĊĊ L‑ILMA.
L‑inġustizzja kompliet tikber meta min xerred demm Raymond Caruana baqa’ jiġri barra u għadu jiġri barra!
Anzi, forsi għandu wkoll il‑protezzjoni u forsi jaħseb li l‑ġustizzja ma tista’ qatt tilħaq miegħu.
Il‑vjolenza li biha spiċċat is‑sena li għaddiet urietna għal darb’oħra li l‑vjolenza għandha bżonn il‑gideb.
Il‑vjolenza tgħix fuq il‑gideb.
Rajna l‑inġustizzja tkompli tikber.
- Qed ikun hemm crescendo.
- Iktar telgħin ‘l fuq fil‑grad tal‑inġustizzja li qed titwettaq f’pajjiżna.
- Rajna dan il‑crescendo jilħaq il‑forte tiegħu, jilħaq l‑aqwa tiegħu, fil‑lejl tat‑13 ta’ Diċembru.
Fil‑lejl tat‑13 ta’ Diċembru lestew il‑cameras tat‑television.
- Infurmaw lir‑reporters.
- Marru l‑fotografi, qalulna, biex juruna lill‑persuna.
- Biex jurunaritratt kbir ta’ Pietru Busuttil li qalu li, qaltilna l‑għada t‑Torċa, kellu jiġi mixli bil‑qtil ta’ Raymond Caruana.
Lestew ruħhom! Għamlu l‑preparattivi kollha biex jgħidulna min hu Pietru Busuttil.
Għamlu l‑preparattivi kollha biex lill‑poplu Malti jgħidulu: “Araw min qatel lil Raymond Caruana.”
Imma aħna konna nafu mill‑ewwel li din kienet l‑ikbar gidba li qatt intqalet f’pajjiżna!
L‑ikbar viltà!
L‑ikbar tradiment tal‑prinċipji l‑aktar għeżież għal kull min jemmen fil‑libertà!
U aħna mill‑ewwel, kif kien dmirna, għażilna ma’ liema naħa aħna għandna nkunu.
- Dak il‑lejl stess aħna għidna: Postna hu ma’ Pietru Busuttil, għax Pietru hu innoċenti.
- Għidnieha dakinhar stess qabel ma t‑Torċa xandret ir‑ritratt ta’ Pietru.
- Qabel ma rajna wiċċu fuq it‑Television.
- Mill‑ewwel aħna għidna Pietru hu innoċenti.
Id‑dmir tagħna f’pajjiż ħieles, f’pajjiż demokratiku, kien li ngħajtu ma’ kull rokna ta’ Malta: Pietru innoċenti! Pietru innoċenti!
U qdejna dmirna mill‑ewwel!
Mhux biss għidna li Pietru innoċenti, għidna wkoll li lil Pietru riedu jagħmluh vittma ta’ frame-up li riedu jagħmlu kontra tiegħu.
U l‑għada ġejtu intom wkoll!
Jien ċert li intom, intom li qegħdin hawn, fl‑14 ta’ Diċembru ġejtu fuq il‑Fosos tal‑Floriana biex intom ukoll tgħidu: Pietru Busuttil innoċenti. Il‑qattiel huwa ħaddieħor.
Għaddew il‑ġranet u aħna bqajna fil‑konvinzjoni tagħna. Konna nafu li l‑konvinzjoni tagħna dwar l‑innoċenza ta’ Pietru, kienet ibbażata fuq il‑verità.
U l‑verità telgħet f’wiċċ l‑ilma.
Kellna l‑konferma meta, jumejn ilu, il‑Ġimgħa, fil‑Parlament, il‑Prim Ministru wriena u ppubblika l‑kopja ta’ dak li jissejjaħ proċess verbal li jagħmlu l‑maġistrati:
- Maġistrati li d‑dmir tagħhom kien li jftitxu min kien verament il‑qattiel ta’ Raymond Caruana.
- Maġistrati li qdew dmirhom, mhux biss skondil‑kuxjenza tagħhom, imma skondil‑liġijiet ta’ pajjiżna.
Il‑maġistrati għamlu r‑rapport tagħhom u fih qalu li ma tirriżulta ebda waħda mill‑akkużi li riedu jagħmlu kontra Pietru Busuttil.
Qalu mhux veru li l‑Pulizija kellhom il‑provi li Pietru Busuttil għandu b’xi mod x’jaqsam mal‑mewt ta’ Raymond Caruana.
U l‑Prim Ministru, nhar il‑Ġimgħa, ma kienx jaf x’jaqbad jgħid!
Ir‑rapport tal‑maġistrati kien ilu li ngħata lill‑Avukat Ġenerali tar‑Repubblika minn ġimgħa qabel.
Guido Demarco bħala l‑Avukat ta’ Pietru kien ilu ġimgħa jitlob li jkollu kopja ta’ dak ir‑rapport.
U l‑Prim Ministru ġie bir‑rapport f’idejh fil‑Parlament u qalilna ma jafx dak ir‑rapport hux skondil‑liġi.
- Qalilna ma jafx jekk dak huwiex proċess verbal kif trid il‑liġi jew rapport.
- Qal li ma jafx kellux jiġi ffirmat miż‑żewġ maġistrati jew minn maġistrat wieħed.
- Anzi, qal li qatt ma ġrat li żewġ maġistrati jiffirmaw flimkien rapport, proċess verbal, bħal dak.
U aħna ngħidulu: Il‑poplu Malti jaf x’inhu dak li qalu l‑maġistrati:
- Huma għamlu dikjarazzjoni tal‑verità li Pietru Busuttil hu innoċenti u li l‑qattiel ta’ Raymond Caruana għadu jiġri mas‑saqajn.
Jgħidlu rapport, jgħidlu proċess verbal, jgħidlu li jrid, għandna l‑konferma minn min qeda dmiru, skondil‑liġijiet tal‑pajjiż, u wasal għall‑konklużjoni kif wasalna aħna mill‑bidu nett.
- Meta ngħid aħna, m’iniex qed ngħid jien biss.
- Mhux qed ngħid sħabi.
- Mhux qed ngħid dawk li għamlu d‑dikjarazzjonijiet fil‑gazzetti li bihom qalu li huma konvinti li Pietru huwa innoċenti.
Intom ukoll dan ħassejtuh. Intom ukoll dan fhimtuh. Intom ukoll fhimtu x’riedu jagħmlu.
- X’riedu jagħmlu f’pajjiżna.
- X’riedu jagħmlu biex mingħalihom ħadd minnhom ma jerfa’ l‑piż tal‑qtil ta’ Raymond Caruana.
Nerġa’ ngħid, il‑verità illum hija magħrufa. Il‑verità dwar Pietru Pawl Busuttil hija magħrufa. Iżda Pietru għadda ħames ġimgħat kalvarju hu u l‑famija tiegħu kollha.
Jien nirringrazzja lilkom ilkoll f’ismu, talli illum ġejtu hawn u tgħidulu lil Pietru:
- Grazzi tat‑tbatija li inti batejt.
- Grazzi tat‑tbatija li int batejt għalina lkoll.
Lil Pietru aħna nsellmulu.
- Insellmulu minn qalbna bħala vitma oħra fil‑ġlieda għas‑sewwa.
- Vitma oħra.
- Vitma fost dawk li l‑aktar batew f’din il‑ġlieda li ilna issa nitkellmu fuqha:
- Il‑ġlieda għas‑sewwa f’pajjiżna.
Iżda r‑rapport tal‑maġistrati mhux biss kixef il‑verità li Pietru m’għandux x’jaqsam mal‑każ ta’ Raymond Caruana. Dak ir‑rapport fih affarijiet oħra wkoll.
Affarijiet li l‑Prim Ministru qal jitfgħu dell ikrah fuq l‑aġir ta’ wħud mill‑membri tal‑Korp tal‑Pulizija.
Il‑Prim Ministru fehem, kif jifhem kull min jaqra dak ir‑rapport tal‑maġistrati, li wħud mill‑membri tal‑Korp tal‑Pulizija għandhom xi risposti, risposti kbar, risposti serji ħafna, x’jagħmlu għad‑domandi gravi li għamel il‑poplu Malti fuq l‑aġir ta’ wħud minn dawn il‑membri tal‑Korp tal‑Pulizija.
Il‑Prim Ministru rrikonoxxa li hemm dell ikrah. Iżda, qal li hu u l‑Gvern tiegħu ddeċidew li għalissa ma jagħmlu ebda inkjesta, ma jagħmlu ebda indaġini, ħa jaraw jekk hux minnu dan id‑dell ikrah,jekk hux iġġustifikat li jkun hemm dan id‑dell ikrah fuq uħud mill‑membri tal‑Korp tal‑Pulizija.
Aħna ngħidu li dan huwa żball!
Huwa ħażin li l‑Prim Ministru ħaġa gravi bħal din – suspett jekk il‑Pulizija għamlitx id‑dover tagħha ħażin, anzi jekk il‑Puliizja għamlitx l‑affarijiet biex tqarraq;,jekk il‑Pulizija stess hix imdaħħla jiġifieri biex ikun hemm dan il‑frame-up – nerġa ngħid, huwa ħażin li l‑Gvern ta’ pajjiżna, suppost gvern demokratiku, joqgħod jistenna.
Kieku dan kien Gvern li verament jimxi bil‑prinċipji tad‑demokrazija, imissu hu stess ħa diġà l‑passi meħtieġa biex dawk li huma onesti jiġu meħlusa minn kull dell u minn kull ħtija u dawk li mhumiex onesti fil‑Korp tal‑Pulizja jitwarrbu u jieħdu dak li ħaqqhom.
Ħbieb tiegħi,
Aktar ma wieħed jaħseb fuq il‑ġrajja ta’ Pietru, aktar jifhem kemm din hija ġrajja ta’ serjetà kbira.
Nistqarr li għalija, l‑ġrajja ta’ Pietru hi l‑agħar ġrajja ta’ pajjiżna bħala pajjiż demokratiku.
F’pajjiżna, suppost li għanda l‑forzi tal‑ordni biex jipproteġuna lkoll.
F’pajjiżna, suppost li kulħadd għandu rasu mistriħa li miegħu issir ġustizzja u ġustizzja biss.
Il‑każ ta’ Pietru jurina biċ‑ċar li f’pajjiżna hawn min hu lest u li jista’, biex mingħalih forsi ikun jista’ jkompli jżomm is‑seta’ f’idejh, jakkuża nies innoċenti bi qtil, b’delitt l‑aktar infami.
Dawn l‑affarijiet jiġru biss mhux biss fejn m’hemmx demokrazija, imma
- fejn hemm l‑agħar forma ta’ gvern,
- fejn min ikun qed jigverna ikun tilef kull prinċipju, mhux biss ta’ demokrazija, imma kull prinċipju ta’ umanità, ta’ rispett lejn ħutu l‑bnedmin.
Għalhekk li nqis li l‑ġrajja ta’ Pietru hi l‑agħar ġrajja ta’ pajjiżna bħala pajjiż demokratiku.
Forsi wieħed jgħid li din l‑inġustizzja kollha issa waqfet għax nhar il‑Ġimgħa Pietru reġa’ ngħaqad mal‑familja tiegħu. Nifirħu li llum qiegħed hawn bil‑familja tiegħu. Nifirħu li qegħdin magħna illum.
Imma rridu niftakru li dan għadu mhux biżżejjed.
Il‑poplu Malti jistenna l‑aqwa ħaġa; Il‑poplu Malti jesiġi li ssir ġustizzja.
- Ġustizzja mhux biss ma min mexa ħazin ma Pietru, imma wkoll u aktar, ġustizzja biex jingħaraf min hu verament l‑qattiel veru ta’ Raymond Caruana.
- Il‑poplu Malti jibqa’ jinsisiti li ssir ġustizzja wkoll ma dawk li fit‑30 ta’ Novembru sawtu u ħarġu d‑demm minn ħuthom Maltin.
- Il‑poplu Malti jibqa’ jinsisti li irridu li f’pajjiżna jkun hawn il‑ġustizzja.
U ġustizzja jista’ jkun hawn biss jekk kull min hu ħati ta’ delitti, partikolarment delitti nfami bħal dawk tat‑30 ta’ Novembru u tal‑5 ta’ Diċembru, jiġi magħruf u jieħu dak li ħaqqu.
Irridu wkoll nirriflettu dwar x’infissru meta ngħidu, kif issa ilna s‑snin ngħidu, li qegħdin nagħmlu l‑ġlieda għas‑sewwa.
Ħafna drabi, meta ltqajna, għidna li s‑sewwa jirbaħ żgur.
Irridu ngħidu wkoll li s‑sewwa qiegħed ikompli jirbaħ u ser ikompli jirbaħ.
SENA TAL-FIDWA
Is‑sewwa ser ikompli jirbaħ billi s‑sena li għadna kif bdejna, is‑sena 1987, sejra tkun għall‑poplu Malti s‑sena tal‑fidwa.
- Sena tal‑fidwa li dan il‑poplu tagħna tant għandu bżonn.
- Sena tal‑fidwa li tant dan il‑poplu tagħna tħabat għaliha.
- Sena tal‑fidwa li fiha sejjer ikun hemm gvern ġdid.
- Gvern ġdid li jkun gvern li verament jwettaq ir‑rieda tal‑poplu Malti.
Gvern ġdid li jassigura, lil kull wieħed u waħda minna, post fejn naħdmu fis‑sod għaliex ikun gvern li veramanet jaħseb u jippjana fil‑bogħod.
Sejra tkun is‑sena tal‑fidwa bi gvern ġdid li jiġġieled kontra l‑korruzzjoni għaliex jemmen li min ma jiġġilidx kontra l‑korruzzjoni huwa korrott hu wkoll u jkun qed jisraq lilek u lil pajjiżek.
Gvern ġdid li jirrikonoxxi bil‑fatti li għandek dritt għal fehmtek hi x’inhi bla ma tkun tista’ tinħaqar minħabba l‑fehmiet tiegħek.
Is‑sena tal‑fidwa se ġġibilna gvern ġdid li jassigurak li l‑aktar affarijiet meħtieġa tfittxhom u ssibhom.
- Tfittex l‑ilma fil‑vit u ssibu.
- Tfittex id‑dawl u jkollok verament id‑dawl.
Is‑sena tal‑fidwa se ġġib lill‑poplu Malti gvern ġdid li jferrex s‑setgħa u jagħti lill‑poplu tagħna sehem aktar fit‑tmexxija ta’ pajjiżna.
- Gven ġdid li juri l‑istess imħabba lit‑tfal kollha tagħna.
- Gvern ġdid li jagħti post rikonoxxut liż‑żgħażagħ tagħna.
- Gvern ġdid li jagħtik id‑dritt li, jekk hemm bżonn, tagħmel kawżi kontra l‑gvern tiegħek stess kemm f’pajjiżna kif ukoll fi qrati internazzjonali.
- Gvern ġdid li joffri lill‑Knisja Kattolika mhux il-persekuzzjoni iżdal l‑akbar koperazzjoni.
Din hija s‑sena li aħna nawguraw, li aħna ċerti, li ser ikollu l‑poplu Malti.
- Sena li sejra tkun il‑fidwa tal‑poplu Malti kollu.
- Sena li fiha l‑poplu Malti jkun jista’ jserraħ rasu li pajjiżna ma jkollux aktar għalfejn jibqa’ jiġġieled għad‑demokrazija għax id‑demokrazija jibda jgħixha kuljum f’kull ġurnata tas‑sena.
- Sena ġdida, nerġa’ ngħid, li fiha jkun hawn gvern li jifdi lil dan il‑poplu tagħna u jkun jista’ jwarrab darba għal dejjem il‑korruzzjoni li ħakkmet lil dan il‑pajjiż.
Gvern ġdid f’din is‑sena li se jserraħ moħħ il‑poplu Malti li l‑ġlieda għad‑demokrazija nkunu għamilnieha, inkunu irabaħnieha u nkunu nistgħu nħarsu ‘l quddiem b’fiduċja u b’ċertezza li għas‑snin li ġejjin pajjiżna jerġa’ jgawdi għax ikollu x‑xogħol, ikollu l‑libertà, ikollu d‑demokrazija.
Hekk hemm bżonn!
Hemm bżonn mill‑aktar fis li dan ir‑rigal nagħtuh lill‑poplu tagħna!
Is‑sinjali kollha juru li r‑rebħa sejra tkun kbira.
Ir‑rebħa sejra tkun waħda li qatt ma kien hawn bħalha.
Ma kull ġurnata li tgħaddi sal‑elezzjoni l‑kunsens għall‑Partit Nazzjonalista ser ikompli jiżdied.
Sa ftit ilu, ħafna kienu jaħsbu li dan il‑Gvern ser ikompli sal‑aħħar ġurnata biex mingħalihom jirkupraw il‑voti. Jien m’għandix dubju li issa wkoll huma rrealizzaw li aktar ma’ jdumu hemm, aktar il‑poplu Malti ser ikompli jdur kontra tagħhom. Aktar fost il‑poplu Malti se jitilquhom.
Għalhekk, għal darb’oħra, nħeġġiġkom biex fil‑ftit ġimgħat li baqalna nibqgħu naħdmu lkoll flimkien biex din is‑sena tal‑fidwa tkun is‑sena wkoll tax‑xogħol, tal‑ġustizzja u tal‑libertà għal pajjiżna.
Grazzi ħafna.