Political Context
- English
- Malti
New dignity to Parliament
The Nationalist Party started election year 1987 in earnest, with a mass meeting precisely on the first Sunday of the New Year. Marsaxlokk saw a large crowd fill the picteresque fishing village which, in normal circumstances, would never experience such a large political activity. But these wer not normal circumstances.
Eddie Fenech Adami laid particular emphasis on Parliament. In the previous years, the Maltese Parliament hadn’t just suffered a perverse representation with the Opposition having garnered 51% of the vote in the 1981 election, but also saw violent incidents which could never be tolerated in a democratic parliament.
Parliament was used for insults and physical violence against Opposition members.
Nationalist Party deputies were regularly attacked by henchmen of Labour ministers. Labour deputies themsleves used to cross the floor of the House to threaten and attack Opposition MPs on the Opposition benches.
The Strangers’ Gallery was regularly filled with a Labour mob insulting the Opposition. One of the worst incidents happened when the Commander of the Armed Forces, Colonel Cachia, entered the House insulting the Opposition.
In this mass meeting, Eddie Fenech Adami promised to give back to Parliament its dignity as actually happened in the following years.
Dinjità ġdida lill-Parlament
Dan kien l-ewwel mass meeting li sar fis-sena l-ġdida 1987, eżattament il-Ħadd ta’ wara l-Ewwel tas-Sena. Marsaxlokk imtela bin-nies f’Ħadd li f’ċirkostanzi normali lanqas timmaġina li seta’ jkollu attività politika bħal dik. Imma dawk ma kinux ċirkostanzi normali.
L-enfasi ta’ Eddie Fenech Adami kienet fuq il-Parlament. Fis-snin ta’ qabel l-1987, il-Parlament mhux biss kellu rappreżentanza perversa imma wkoll ra inċidenti li qatt ma jistgħu jkunu tollerati f’parlament demokratiku.
Il-Parlament kien jintuża għat-tagħjir u attakki anke fiżiċi fuq Deputati tal-Oppożizzjoni.
Deputati Nazzjonalisti kienu attakkati regolarment minn nies vjolenti li kienu jkunu mal-Ministri Laburisti. Deputati Laburisti stess kienu jaqsmu l-Kamra biex jheddu Deputati Nazzjonalisti li kienu jkunu bilqiegħda fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
L-iStrangers’ Gallery kienet użata ta’ spiss biex timtela b’partitarji Laburisti jgħajru lid-Deputati tal-Oppożizzjoni. Inċident ikrah kien seħħ meta l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Kurunell Cachia, kien daħal fil-Kamra jinsulta lill-Oppożizzjoni.
F’dan il-mass meeting, Eddie Fenech Adami wiegħed li jrodd lura d-dinjità lill-Parlament Malti li, tassew, sar ferm aktar dinjituż fis-snin ta’ wara.
Transcript
Ħuti Maltin u Għawdxin.
Għażilna li fil-bidu nett tas-sena elettorali niġu hawn f’Marsaxlokk.
Gejna Marsaxlokk għaliex il-Partit Nazzjonalista, sa fejn niftakar jien, qatt ma ġie f’mass meeting f’dan ir-raħal żgħir u ridna li din is-sena nibdewha billi nuru l-preżenza tagħna hawnhekk ukoll.
Ġejna drabi oħra u ltqajna wkoll b’eluf kbar f’dawk li aħna sejjaħnielhom il-Fiera tal-Ħut. Imma llum ġejna hawn f’Marsaxlokk, biex inkellmukom biss fuq is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna u ġejna wkoll għax f’Marsaxlokk ukoll, mil-lum ’l quddiem, ser ikollna każin ieħor tagħna uffiċċjalment miftuħ.
Qegħdin biss, l-aktar l-aktar , erba’ xhur u ħamest ijiem sa l-elezzjoni. Dan għaliex l-aħħar data li fiha tista’ ssir l-elezzjoni hija s-Sibt 9 ta’ Mejju.
1981 – Elezzjoni mbagħbsa
U illum ġejna hawn biex bil-preżenza tagħkom terġgħu tikkonfermaw għal darb’oħra mhux biss ir-rieda soda tagħkom, imma l-fiduċja li għandkom fil-Partit Nazzjonalista fiċ-ċirkostanzi preżenti.
Fiduċja fil-Partit li l-poplu Malti diġà kellu okkażżjoni juriha ħames snin ilu fl-elezzjoni tal-1981. Dakinhar ħames snin ilu il-poplu Malti b’maġġoranza assoluta għażel lill-Partit Nazzjonalista u bil-vot tiegħu wera li kien jemmen u kellu l-fiduċja li l-Partit Nazzjonalista biss seta’ joħroġ lill-pajjiż mid-diffikultajiet li kien ġabu fihom Gvern Soċjalista.
Ħames snin ilu, l-poplu Malti kien diġà fehem li
- biex f’dan il-pajjiż ikun hawn ix-xogħol,
- biex f’dan il-pajjiż ikun hawn il-ġustizzja,
- biex f’dan il-pajjiż ikun hawn il-libertà sħiħa
- kien hemm bżonn li r-riedni tal-gvern jiġi fdat f’idejn il-Partit Nazzjonalista.
Il-partit l-ieħor m’aċċettax ir-riżultat tal-vot tal-poplu. Ngħid m’aċċettahx għax fil-fatt hekk għamel. M’aċċettax il-verdett tal-poplu minkejja li tlett ijiem qabel l-elezzjoni l-kap tagħhom kien stqarr li ma kienx lest li jmexxi l-pajjiż jekk ma jkollux il-maġġoranza tal-poplu warajh.
(…)
Skond is-sistema elettorali, huma setgħu jibqgħu hemmhekk. Imma nafu li fid-dinja fl-ebda pajjiż li jissejjaħ verament demokratiku qatt ma ġara dak li ġara f’pajjiżna tul dawn il-ħames snin sħaħ. Izda tisimgħuhom ikomplu jqarrqu: Jgħidulna x’jiġri fl-Ingiltera u x’ġara f’Malta fi snin oħra.
Il-verità hi waħda li ma jistgħux imeruha. Il-verità hi li f’Malta kien hawn partit li waħdu kellu aktar min-nofs il-voti tal-poplu warajh u baqa’ fl-oppożizzjoni.
Dan ma ġara mkien għax l-kelma stess demokrazija tfisser li l-pajjiż għandu jkun immexxi mir-rieda tal-poplu u, r-rieda tal-poplu timmanifesta ruħha bl-aħjar u bl-aqwa mod tagħha meta jkollha l-maġġoranza tal-poplu warajha.
Il-verità hi li mill-għada tal-elezzjoni, u mhux minn qabel, dawn bdew ifittxu l-iskuża u jispjegaw għaliex il-poplu Malti kien tilef il-fiduċja tiegħu fihom.
Tiftakru kif ftit ġimgħat wara r-riżulta tal-elezzjoni bdejna nisimgħu li l-poplu Malti kien għażel lill-Partit Nazzjonalista għax qabel l-elezzjoni aħna konna stedinna lil xi wħud minn partiti ħbieb tagħna biex jitkellmu fil-meetings tagħna.
Ħaġa li huma kien ilhom jagħmluha għal tletin sħaħ! Għal tletin sena sħaħ kienu huma li sservew bil-barranin. Aħna kull ma għamilna kien li ġew kelliema li taw messaġġi ta’ solidarjetà lill-partit tagħna.
Issa l-Perit Mintoff ġie bl-iskuża li din kienet ir-raġuni għat-telfa tiegħu.
Imma kulħadd jaf li r-raġuni għat-telfa tiegħu ma kienet din xejn!
Ir-raġuni kienet sempliċi ħafna. Il-poplu Malti kien iddeċieda li biex pajjiżna verament jieħu r-ruħ, biex f’pajjiżna jkun hawn ix-xogħol , biex f’pajjiżna jkun hawn il-ġustizzja, biex f’pajjiżna jkun hawn il-libertà sħiħa kien hemm u għad hawn bżonn li l-pajjiż jitmexxa mill-Partit Nazzjonalista.
Huma jippruvaw jgħidu, u għadhom jgħidu s’issa, li kellhom id-dritt li jiggvernaw għax jgħidu li dak li ġara kien b’kumbinazzjoni fis-sistema elettorali tagħna.
Imma, aħna għidnieh u nkomplu ngħiduh:
- Dak li ġara ma ġara b’kumbinazzjoni xejn.
- Dak li ġara ġara għaliex huma mbagħbsa d-distretti issa, u kif inhuma mbagħbsa.
- Għalhekk aħna, bir-raġun kollu, għidnielhom u nibqgħu ngħidulhom li huma gvern illeġittimu, gvern li l-poplu warrbu, gvern li kieku verament jemmnu fid-demokrazija imisshom li ilhom li warrbu ħames snin sħaħ.
Il-Maltin se jgeddu l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista
Illum, lejliet elezzjoni oħra, l-poplu Malti ser jiġi mitlub jesprimi l-fiduċja tiegħu f’wieħed miż-żewġ partiti. U aħna nistaqsu: X’hemm illum fil-pajjiż li jista’ jġiegħel lil xi ħadd ibiddel il-fehma li kellu ħames snin ilu?
Jekk inħarsu lejn il-Partit tagħna, dan il-Partit li kien jispira fiduċja ħames snin ilu, illum hu Partit li jispira fiduċja aktar milli kien jagħmel ħames snin ilu.
- Hu Partit determinat u organizzat.
- Hu Partit mibni fuq prinċipji magħrufa – il-prinċipji tad-Demokrazija Kristjana.
- Hu Partit li hu nadif u li dejjem kellu kapijiet nodfa.
- Hu Partit kull meta kien fil-gvern dejjem żamm l-indafa fil-pajjiż u qatt ma ttollera li nies imċappsin bil-korruzzjoni jkollhom is-setgħa f’idejhom, kif qiegħed jiġri llum f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista kiseb il-fiduċja tal-poplu ħames snin ilu u jerġa’ jiksibha fl-elezzjoni li ġejja għax
- Hu Partit li jirrispetta lil kulħadd.
- Hu Partit li fuq kollox u bil-fatti għandu qalbu mal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu tagħna għax hu Partit rispettat mhux biss f’pajjiżna imma anke barra minn pajjiżna. U forsi dan il-fatt illum iġibilhom l-għira.
Illum huma jafu li meta bħala partit jmorru jiltaqgħu ma sħabhom is-Soċjalisti dawn jgħidulhom: “Inthom ġibtu lil Malta fi stat li qed tħammrulna wiċċna, għax f’Malta m’hemmx demokrazija sħiħa.” Hekk jgħidulhom sħabhom meta jiltaqgħu magħhom.
Għall-kuntrarju, lilna l-partiti jistmawna, jafu min aħna, jafdawna, jafu li aħna Partit ta’ prinċipji, Partit serju!
Nerġa’ ngħid, Il-poplu Malti dalwaqt jerġa’ jikkonfermalna l-fiduċja għax jaf li:
- Il-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jġib l-istabbilità tant meħtieġa f’pajjiżna.
- Il-Partit Nazzjonalista ma jxellef qatt il-prinċipji tad-demokrazija sħiħa għal pajjiżna.
- Il-Partit Nazzjonalista jrid jgħożż fuq kollox il-prinċipji morali li huma s-sinsla tal-poplu Malti.
Il-poplu Malti jistmerr kull inġustizzja.
Illum, aktar minn ħames snin ilu, l-poplu Malti jħares lejn il-Partit Nazzjonalista u jixxennaq għal dik is-siegħa li jkun jista’ jara gvern li jelimina u jħassar l-inġustizzji li sofrejna tul dan il-ħames snin. Gvern li jkun verament it-tarka għall-ġustizzja ma kull wieħed u waħda minna mill-poplu Malti kollu.
Il-poplu Malti ser jerġa’ jħares lejn il-Partit Nazzjonalista u jerġa’ jagħtih il-fiduċj tiegħu għaliex jaf li l-Partit Nazzjonalista huwa l-garanzija għall-poplu Malti u Għawdxi ta’ xogħol, ġustizzja u libertà.
Dik kienet diġà s-sitwazzjoni ħames snin ilu u hija ferm aktar u ferm aktar illum!
Naraw x’inhuma jgħidu. Illum qed jgħidu li
- għandhom it-tama li jerġgħu jiksbu l-maġġoranza tal-voti f’Malta.
- jekk tilfu l-voti ħames snin ilu, t-tort kollu kien tal-mexxej tagħhom ta’ dak iż-żmien.
Illum jippruvaw jgħidu li issa għandhom lil Karmenu Mifsud Bonnici u li dan hu l-bniedem li ser iġib lura lejn il-partit tagħhom, dawk li hu stess il-bieraħt lura sejħilhom in-ngħaġ mitlufa.
U aħna ngħidulu: Intom mhux ngħaġ mitlufa għandkom. Hawn qed nagħmluha ma’ bnedmin.
(..)
Hawn mhux qed nagħmluha man-ngħaġ li jitlfu t-triq għax m’għandhomx moħħ. Hawn qed nagħmluha ma’ Maltin u Għawdxin.
It-talba tagħna dejjem kienet: Użaw moħħkom. Intom bnedmin li għandkom id-dritt u d-dmir li tiġġudikaw. Tiġġudikaw lili. Tiġġudikaw lill-partit tiegħi u tiġġudikaw lill-partit l-ieħor. Tiġġudikaw lill-mexxejja tiegħu. Tiġġudikaw lill-gvern tagħhom.
U l-poplu Malti ħames snin ilu ġġudikahom.
Meta ġie biex jagħti l-ġudizzju tiegħu sab lill-Partit Nazzjonalista u tah l-maġġoranza tal-voti. U hekk ser jerġa’ jiġri, għax dawk li sejħilhom ngħaġ mitlufa kienu bnedmin li ndunaw bil-qerq tal-Partit Soċjalista.
Kif jistgħu dawk li telqu lil dak il-partit imorru lura meta jaraw li l-ħsara li saret f’dawn il-ħames snin, mhux ċkienet, mhux ġiet irranġata imma l-ħsara baqgħet u f’ħafna każi kompliet tikber?
M’għandix dubju li ħames snin ilu rbħana l-maġġoranza tal-poplu Malti għax tajnieh it-tama, tajnieh il-fiduċja li l-programm Nazzjonalista kien iġib ix-xogħol fil-pajjiż.
Gvern li żeblaħ id-drittijiet tal-ħaddiema
Illum għaddew ħames snin oħra. Il-ħaddiem Malti jħares lejn dak li għamel dan il-Gvern f’dawn il-ħames snin u jara li qatt ma kien hawn qagħad fil-pajjiż daqskemm kien hawn wara l-elezzjoni tal-1981.
Għal erba’ snin u nofs sħaħ in-numru ta’ nies jirreġistraw tista’ tgħid ma ċċaqlaqx, minn għaxart elef. In-numru ta’ nies ifittxu x-xogol dejjem baqa’, tista’ tgħid, fuq l-għoxrin elf ruħ u issa fl-aħħar sena ta’ qabel l-elezzjoni qed jgħidulna: “Araw kemm aħna kapaċi noħolqu x-xogħol.”
Il-poplu Malti mhux iblah. Il-poplu Malti mhux baħnan, kif jaħsbuh huma.
Il-ħaddiema li qed jimpjegaw issa mal-Gvern u mal-korpi parastatali huma l-ħaddiema li ġew traduti minnhom. Traduti għax ma ħolqulhomx ix-xogħol. Jekk issa qed jimpjegaw in-nies mal-Gvern dawn il-ħaddiema għandhom jistaqsu għaliex m’għamluhx qabel.
Lil dawn il-ħaddiema li qed jimpjegawhom illum, jagħtuhom ix-xogħol ’l hawn u ’l hemm ngħidulhom: Ftakru li dan mhux Gvern li tela’ lbieraħ. Dawn ilhom sittax-il sena hemm.
Intom ż-żgħażagħ Maltin, iż-żgħażagħ li qed tfittxu x-xogħol, iż-żgħażagħ li tridu taħdmu għall-ewwel darba, illum qegħdin taħsdu l-frott, il-frott qares, il-frott ħażin tas-siġar ta’ dik iż-żerriegħa li żera’ dan il-Gvern tul is-sittax-il sena li għaddew. Dan mhux xi gvern li ilu hemm xi sena u tgħid: Paċenzja ma jistax ikun li dan jibda jagħti l-frott tal-ħidma tiegħu f’l-ewwel sena.
Jekk fil-ħames snin li għaddew kellna l-akbar numru ta’ qagħad f’pajjiżna, dan kollu t-tort tal-politika ta’ dan il-Gvern. Jien ċert li llum ebda ħaddiema mhu se jiġi mqarraq għax joffrulu xi daqsxejn loqma, loqma lejliet l-elezzjoni.
U verament loqom ħafna drabi qegħdin joffru!
- Staqsu liż-żgħażagħ li jdaħħluhom jaħdmu u jgħidulhom li, għax qed jitgħallmu, jħallsuhom bil-ħmistax-il lira fil-ġimgħa.
- Staqsu lil tant żgħażagħ li sa din il-ġimgħa kienu jaħdmu ma’ waħda mill-kumpaniji tal-Gvern, mal-Kalaxlokk u kellhom kuntratt tax-xogħol minn xahar għal xahar u minn ġimgħa għal ġimgħa.
Ilna s-snin ngħidulhom, imisskom tistħu, intom Gvern li tiftaħru u ssejħu lilkom infuskom Gvern tal-Ħaddiema izda tajtu l-agħar eżempju f’pajjiżna ta’ kondizzjonijiet ta’ xogħol.
Imma issa, f’daqqa waħda xi ġranet ilu, smajna lill-Ministru Sant bil-ħniena kbira tiegħu jħabbar lill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija tal-Kalaxlokk li issa għandhom kuntratt ta’ xogħol indefinit. Mhux iktar minn ġimgħa għal oħra, mhux aktar minn xahar għal ieħor imma indefinit.
Malli semgħu din l-aħbar wieħed mill-ħaddiema ġie jgħidli: “Aħna lilkom irridu fil-Gvern għax nafu li dawn jidħqu bina jerġgħu. Dawn jidħqu bina kif daħqu bina dejjem. Il-Partit Nazzjonalista biss jista’ jassiguralna x-xogħol li għandna bżonn f’pajjiżna.”
Kif jistgħu, kont qed ngħid, dawk li sejħilhom in-ngħaġ mitlufa jmorru lura lejn il-partit l-ieħor?
- Il-ħaddiema Maltin Jafu bil-ħsara kbira li saritilhom meta l-General Workers Union ingħaqdet mal-Partit Laburista.
- Il-ħaddiema jafu, partikolarment il-ħaddiema tal-Gvern, kemm ġew imkasbra d-drittjiet tagħhom.
Dawn sa waslu biex għaxar snin ilu, fl-1976, għamlu l-liġi industrijali fejn qalu li jekk il-ħaddiema tal-Gvern ikollhom tilwima mal-Gvern tawhom id-dritt li l-ewwel imorru quddiem il-Kunsill tan-Negozjati, in-Negotiating Council, mbagħad jekk ma jintlaħaqx ftehim, kellhom d-dritt jieħdu lill-Gvern quddiem it-Tribunal Industrijali.
U llum, għaxar snin wara, mhux biss dan id-dritt li suppost għandhom il-ħaddiema tal-Gvern b’liġi ma twettaqx, imma fil-ħames snin il-Gvern kompla jeħodha kontra dawk il-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tiegħu u li kien għalih qeridhom.
- Nafu bl-istrike tat-teachers fl-1984 u x’għamel il-Gvern bil-lock out. Kif ittrattahom.
- Nafu kif dan il-Gvern ittratta lill-ħaddiema tiegħu anke f’dawn l-aħħar ħames snin.
- Nafu kemm inġustizzji ġew imwettqa mal-ħaddiema. Bi promotions li ma jingħatawx. Bi promotions li jingħataw b’inġustizzji.
- Nafu kif il-ħaddiema kellhom, f’dawn il-ħames, jissaportu mingħajr żidiet fil-pagi tagħhom.
Għal darb’oħra, dan il-Gvern kellu l-wiċċ li għas-sena li ġejja jgħid li żidiet ma jieħu ħadd, bil-wage freeze tkompli għal sena oħra.
Nerġa’ ngħid, kif jistgħu l-ħaddiema Maltin jafdaw lil dan il-Gvern?
Illum lejliet l-elezzjoni, għal taparsi qiegħed iqassam xi ftit loqom. Imma l-ħaddiema jafu li dak li ġara fis-sittax-il sena li għaddew qatt ma kien ġara qabel f’pajjiżna. F’pajjiżna qatt ma kien hawn gvern li żeblaħ id-drittijiet tal-ħaddiema daqskemm żeblaħhom dan il-Gvern.
Storja ta’ vjolenza
Dawn qed jaħsbu, jippretendu jew mingħalihom li xi wħud min-nies li ma vvutawlhomx ħames snin ilu ser jivvutawlhom. U aħna nerġgħu ngħidu: Ħames snin ilu rbaħna l-elezzjoni għaliex il-poplu stenna li l-Partit Nazzjonalista jġib ix-xogħol, il-poplu stenna li l-Partit Nazzjonalista jġib il-ġustizzja.
Jekk inħarsu lejn dak li ġara tul is-sittax-il sena li għaddew speċjalment tul l-aħħar ħames snin, x’insibu?
Insibu storja ta’ vjolenza.
- L-ewwel għaxar snin ta’ dan il-Gvern għaddejniehom fi storja ta’ vjolenza meta l-każini tagħna sfaw attakkati għal aktar minn mitt darba.
- Għaddejna minn żmienijiet ta’ vjolenza meta fil-Parlament anke xi wħud minna d-deputati ġew imsawta.
- Għaddejna dawk l-għaxar snin ta’ vjolenza meta fost l-oħrajn kissru d-dar tiegħu ukoll.
- Għaddejna dawk l-għaxar snin ta’ vjolenza meta ma kinux iħalluna nagħmlu dimostrazzjonijiet ġewwa l-Belt.
Dawk kollha baqa’ jiftkarhom il-poplu Malti. U, llum, jżid magħhom il-ħames snin ta’ dan il-Gvern.
Ħames snin li wrew li ma nbidel xejn, li wrew li dawn għadhom l-istess nies.
U aħna, il-poplu Malti u Għawdxi, ma nistgħux ninsew kif kien Karmenu Mifsud Bonnici, illum il-kap tagħhom, li mexxa – mhux xi folla bħal din tal-lejla – imma ta ftit għexieren ta’ nies li sejħilhom l-aristokrazija tal-ħaddiema. Mexxiehom sal-Belt , biex dawn mbagħad attakaw il-Qorti u kissru l-Kurja tal-Arċisqof.
Karmenu Mifsud Bonnici dakinhar qalilna: “X’għaġeb qed jagħmel il-poplu tagħna! Dawn statwi tal-kartapesta! Dawk inkwatri tat-tila!”
U l-poplu Malti dakinhar ħass, għax dak li kissru ma kenux biss oġġetti tal-kartapesta u tat-tila imma kienu jirrappreżentaw l-aktar affarijet għeżież għall-poplu Malti.
Imma issa mhux biss rajna l-vjolenza kontra l-istatwi li sejħilhom tal-kartapesta.
- Fit-30 ta’ Novembru rajna l-ħruxija ta’ nies li ħadu gost isawtu lil ħuthom Maltin.
- Fit-30 ta’ Novembru fiż-Żejtun rajna numru żgħir ta’ nies li ħadu f’idejhom dik il-parti tal-pajjiż għal dik il-ġurnata.
- Rajna lil Karmenu Mifsud Bonnici jitlaq għalkollox minn idejh id-dover tiegħu li jżomm l-ordni fil-pajjiż.
- Rajna lill-pulizija ma jaqdux dmirhom u jingħaqdu ma’ ftit delinkwenti biex jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna.
- Rajna għal darba oħra li l-partit l-ieħor juża għall-vjolenza meta jkun minn taħt.
Il-partit l-ieħor ma jirrinunzjax għall-vjolenza kif għamilna u kif nagħmlu dejjem aħna.
Fuq kollox wara t-30 ta’ Novembru rajna li għal darb’oħra ma saritx ġustizzja.
Rajna li għalkemm in-nies li kissru l-ordni pubbliku u għalqu ż-Żejtun huma magħrufa, għalkemm hemm ritratti ta’ nies jitfgħu l-affarijiet u jsawtu lin-nies tagħna, għalkemm hemm pulizija li kienu preżenti u spalla ma’ spalla ma’ dawn in-nies, sal-lum ma ttieħdu passi kontra ħadd.
Il-poplu Malti jgħajjat biex issir ġustizzja biex f’pajjiżna kulħadd jkun jista’ jserraħ rasu mill-forzi tal-ordni, mill-Kummissarju tal-Pulizija, mill-ogħla bniedem sal-iżgħar wieħed fil-Korp.
Il-poplu Malti jgħajjat biex dawk li huma fl-Armata, mill-ogħla sal-iżgħar, ikunu verament denji tal-isem Malti u ma jkunux huma li jkassbru lil pajjiżna. Id-dmir tagħhom hu li f’dan il-pajjiż huma jżommu l-ordni. Huma jkunu wkoll it-tarka tal-libertà għal kull wieħed u waħda minnha.
Iżda, flok tarka għall-libertà, rajniehom tarka għad-delinkwenti, rajna lilhom stess isawtu lil uħud minna, rajniehom ma jħalluniex neżerċitaw id-dritt li nkellmukom kif qegħdin nagħmlu llejla hawnhekk.
Allura ngħid lill-partit l-ieħor, kemm taħsbu baħnan lill-poplu Malti?
Taħseb li għax tmur fl-aħħar tas-sena u tagħmel xi diskors sabiħ, u jalla d-diskorsi sbieħ jibqgħu isiru, imma taħseb li b’daqshekk lill-poplu Malti ser tbellagħlu li intom inbdiltu?
Nerġa’ ngħid, il-poplu Malti għadu jistenna li ssir ġustizzja fuq dawn l-inċdenti tal-vjolenza.
- Jistenna li ssir ġustizzja fuq l-inċidenti taż-Żejtun.
- Jistenna li ssir ġustizzja fuq il-qtil taż-żagħżugħ Raymond Caruana.
- Raymond Caruana li għada jagħlaq xahar mejjet. Raymond Caruana li, mhux aħna insejħulu imma huwa fatt, hu martri għal-libertà ta’ pajjiżna.
- Il-poplu jrid ġustizzja. Irid ikun jaf min qatlu lil dan iż-żagħżugħ.
- Il-poplu jrid ikun jaf min spara fl-1 ta’ Diċembru fuq il-każin tagħna f’Ħal Tarxien.
- Il-poplu jrid irid ikun jaf il-verità u b’vuċi waħda jgħajjat: Ipokriti! Intom nies vili. Takkużaw nies innoċenti. Flok ma tagħmlu ġustizzja qed tippruvaw takkużaw bniedem li tafu li hu innoċenti.
Pietru Pawl Busuttil qed ibati l-isptar. Pietru Pawl Busuttil issa ilu ġimgħat, mit-13 ta’ Diċembru, l-isptar għax ma felaħx għall-iġustizzja li riedu jwettqu kontra tiegħu.
U għal darb’oħra aħna ngħidu: ,Pietru Pawl Busuttil innoċenti! Dan nafuh aħna u jafu kulħadd!
Dawn mingħalihom li meta l-poplu Malti jara u jifhem dawn l-affarijiet, b’xi diskors taghhom se jkun hawn xi Maltin u Għawdxin boloh li jbiddlu l-fehma tagħhom u, flok ma jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, se jivvutaw lill-partit tagħhom.
Ħalluhom jingannaw ruħhom b’dan il-mod!
Imma kif jista’ l-poplu Malti jiġi mqarraq?
Kemm nisimgħu diskors li l-Parlament hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Aħna ngħidu li hekk suppost, li l-Parlament ikun l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Imma id-deputati tagħhom ma ħallewhx ikun tassew post li jistħoqqlu d-deskrizzjoni tal-ogħla istituzzjoni fil-pajiż.
Kif tista’ tgħidlu l-ogħla istituzzjoni meta jħallu Kurunell li suppost jagħti l-eżempju jidħol fil-Parlament jinsolenta lili? Dan suppost hu bniedem li l-iktar jifhem x’jiġifieri li inti toqgħod għal-liġi, x’jiġifieri dixxiplina!
Izda dan il-kurunell, qed ngħid għall-Kurunell Cachia, ma jafx l-iktar affarijiet elementari.
(..)
U, Alla jbierek, minkejja li l-Ispeaker ordna li jittieħdu l-passi li hemm bżonn fuq dak l-inċident, li ġara fl-10 ta’ Diċembru, sal-lum, sakemm naf jien, ma ttieħdu l-ebda passi.
Fl-istess seduta tal-Parlament, li suppost huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, rajtuhom kif ġabu ruħhom għax kienet seduta trasmessa wkoll fuq it-television. Forsi ma rajtux kollox għax malli jibda l-inkwiet x’aktarx jaqtgħu l-cameras tat-television u ma jurukomx iżjed. Imma rajtu biżżejjed, pereżempju, rajtu lill-Ministru Lorry Sant u Ministri u Deputati oħra jaqsmu għan-naħa tagħna mingħalihom ser iżommuna u mhux se jħalluna nitkellmu. Imma aħna b’kuraġġ u b’determinazzjoni dak li kellna ngħidu għidnieh kollu u hekk nerġgħu nagħmlu. (..)
Kellna laqgħa straordinarja oħra tal-Parlament għax is-soltu l-Parlament ma jiltaqax bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena.
Meta morna l-Parlament kien hemm l-istrangers gallery mimlija u ippakkjata bin-nies.
U kif ġabu ruħhom dawn?
Sakemm tkellem il-Prim Ministru, kif inhu sewwa, kien hemm il-kwiet perfett, anke min-naħa tagħna. Id-diskors tiegħu kien fih ħafna gideb u insinwazzjonijiet imma ħadna paċenzja nisimgħu.
Meta qomt nitkellem jien kelli xi mija u ħamsin ruħ fl-istrangers gallery, jgħajtu, jinsolentaw u spiċċaw ikantaw fil-Parlamet.
U lill-poplu Malti nistaqsu: Inti Parlament bħal dan trid?
Jew inkella kif għidtilhom jien: “Dalwaqt jispiċċa dan il-Parlament u ta’ warajh ma jkunx bħalu.”
Nagħtukom il-kelma li l-Parlament li se jkollna wara l-elezzjoni li ġejja ikun verament l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Ikun Parlament serju. Ikun Parlament fejn jew isiru d-diskussjonijiet bis-serjetà u min mhux kapaċi jiddiskuti bis-serjetà jkollu jifhem li postu mhux fil-Parlament.
Issa wara l-esperjenzi ta’ dawn is-snin, wara l-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, ilbiraħt lura Karmenu Mifsud Bonnici mar ikellem lil ma nafx kemm membri tal-partit tagħhom li qalulna li kien hemm periklu jixpakkaw il-ħitan tal-Maċina. Però ma xpakkawx il-ħitan u baqa’ jkellimhom u qalilhom: “La aħna responsabbli għaż-żamma tal-ordni jkun għajb għalina jekk ma nżommuhx.”
Tajba din! Issa wara t-traġedja taż-Żejtun, wara l-qtil ta’ Raymond Caruana, issa dan taparsi stenbaħ u qed jgħidilhom li r-reponsabbiltà għaż-żamma tal-ordni hi tiegħu u jkun għajb jekk ma jirnexxilux iżomm l-ordni.
U aħna ngħidulu: Din hi l-verità! Ir-reponsabbiltà kienet tiegħek u għadha tiegħek, la għadek hem int.
U allura l-poplu Malti lilek jakkużak u jgħidlek: “Għajb għalik, għajb għall-Gvern tiegħek li ma żammejtx l-ordni fil-pajjiż. Għajb għalik.”
U mhux biss għajb ngħidulek. Ladarba għandek is-setgħa biex iżżom l-ordni u għażilt li fiż-Żejtun ma żommx l-ordni, int ħati tad-delitti daqs dawk kollha li kkomettew id-delitti dakinhar.
Ingustizzja u korruzzjoni
Ħbieb tiegħi, naraw issa jekk fil-qasam tal-ġustizzja hemmx xi ruġuni biex il-poplu Malti issa jgħid li se jerġa’ jafda lill-Partit Soċjalista.
Kif jista’ il-poplu Malti jafda lill-Partit Soċjalista biex f’Malta jkun hawn il-ġustizzja meta kellna tant stejjer li ħarġu apertamet fil-qrati, b’uħud minhom li spiċċaw b’sentenzi ta’ kundanna?
Tant inċidenti. Tant każijiet ta’ swat u ta’ tortura mill-Pulizija f’pajjiżna!
Kif jista’ poplu Malti mxennaq għall-ġustizzja jemmen li dawn in-nies u il-Prim Ministru tal-lum jistgħu jagħtu garanzija li f’pajjiżna jkun hawn il-ġustizzja?
Mbagħad xi ngħidu għall-korruzzjoni?
Xi snin ilu, bil-kliem Karmenu Mifsud Bonnici qal li mhux ser jittolleraw l-korruzzjoni u ser imexxu kontra kulħadd, Labursit jew Nazzjonalist.
U aħna ngħidulu: lill-poplu Malti x’taħsbu int?
- Int taf li madwarek għandek in-nies korrotti.
- Int taf li l-korruzzjoni f’Malta qatt ma kienet kbira daqskemm hi llum.
- Jew m’intix kapaċi jew ma tridx tikkontrolla u teqred il-korruzzjoni.
Allura l-poplu Malti għal darb’oħra ser jgħid li hemm bżonn tispiċċa l-korruzzjoni u li, biex tispiċċa l-korruzzjoni minn pajjiżna, hemm bżonn li jkun hawn Gvern Nazzjonalista.
Għajta għal-libertà
Imma niġu forsi għall-aħħar għajta tagħna li hija l-aqwa waħda.
L-għajta għal-libertà. Il-libertà li hija l-ogħla, l-għeżeż don ta’ kull bnidem, għax
- hi l-libertà li l-bniedem tagħmlu bniedem.
- hi l-libertà li lill-bniedem tiddistingwih mill-kreaturi kollha ta’ dan l-univers li nafu aħna.
Il-libertà tfisser li kull wieħed u waħda minna fid-deċiżjonijiet tal-ħajja tagħna għandna kemm jista’ jkun ikollna d-dritt tal-għażla.
- Ikollna d-dritt li nagħżlu fil-libertà jekk tmurx fi sptar jew f’ieħor.
- Ikollok id-dritt li meta tmur fi sptar tagħżel int, jekk jista’ jkun, it-tabib li trid li jfejqek.
- Irridu li f’pajjiżna jkun hawn il-libertà li l-ġenituri jagħżlu f’liema skola jibagħtu lil uliedhom.
- Irridu li f’pajjiżna f’kull qasam, il-bniedem għax hu bniedem, għaliex allura għandu l-libertà, ikollu kemm jista’ jkun il-libertà li jagħżel il-kondizzjonijiet kollha li jrid jgħix fihom hu.
- Irridu id-dritt li tagħżel, li jekk int kapaċi tibqa’ fl-istudji tiegħek, tkompli anke fl-Università.
Proprju l-ġimgħa li għaddiet fil-gazzetta tal-Gvern ħareġ l-avviż biex jidħlu studenti ġodda fil-korsijiet li jibdew dalwaqt fl-Università. Għal darb’oħra, żgur ser ikun hemm numru ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li kapaċi li jkomplu l-istudji tgħhom fl-Università imma, minħabba s-sistema li daħħal dan il-Gvern, mhux ser jitħallew ikomplu l-istudji tagħhom.
Dawn ukoll huma kollha problemi tal-libertà.
Aħna irridu li f’pajjiżna l-ħaddiem jkollu l-libertà li jagħżel il-union tiegħu.
Irridu niftakru, u l-ħaddiema żgur jiftakru, kemm-il diskors għamel Karmenu Mifsud Bonnici jgħid li l-ħaddiem jaqbillu, għandu bżonn, li jkollu union waħda. Kemm-il darba Karmenu Mifsud Bonnici qal li union tfisser għaqda u l-fatt li jkun hemm iżjed minn union waħda tfisser li l-ħaddiem mhux magħqud biżżejjed.
Li kien għalih f’pajjiżna jkun hawn union waħda biss. U naturalment tkun il-union li tkun magħquda magħhom, union li tagħmel biss dak li jridu huma!
Irridu nifhmu li dawn kollha huma problemi tal-libertà f’pajjiżna. Ċertament, il-poplu Malti mhux se jitqarraq bid-diskorsi sbieħ li qed nisimgħu mir-rappreżentanti tal-General Workers Union li issa wkoll qed jippruvaw jilbsu l-libsa tal-ħrief biex mingħalihom jingannaw lill-poplu tagħna.
Għalhekk hemm bżonn li fil-ftit xhur li baqa’ kull min jixtieq il-ġid ta’ pajjiżna jagħmel il-parti tiegħu.
L-ewwel nies li nappellaw huma dawk li kienu u forsi għadhom ġenwinament jittamaw fil-partit l-ieħor. Lil dawk lil fl-imgħoddi ħadnu lill-Partit Laburista aħna ngħidulhom: Intom ukoll għandkom tagħtu s-sehem tagħkom biex f’Malta jerġa’ jkollna l-libertà sħiħa. Ifhmu li l-Partit Nazzjonalista ma jimxix kif mexa u kif jimxi l-partit tagħkom. Aħna m’aħniex partit tal-vendikazzjonijiet. Aħna m’aħniex partit li ser inpattuha lil xi ħadd.
Aħna dak li rridu verament hu li f’pajjiżna jsir is-sewwa. F’pajjiżna għandna bżonn li kulħadd jifhem li jrid isir is-sewwa. U minn qalbi nerġa’ nappella, kif għamilt tant drabi, lil dawk li s’issa għadhom ma tawx il-vot tagħhom lill-Partit Nazzjonalista biex huma wkoll jifhmu li pajjiżna għandu bżonnhom. Li pajjiżna f’dan il-mument ta’ gravità kbira għandu bżonn ukoll li huma bil-vot tagħhom jagħmlu l-għażla fl-aħjar interess tal-pajjiż.
Il-qerq tan-naħa l-oħra huwa ċar. Il-qerq tan-naħa l-oħra huwa li lejliet l-elezzjoni jerġa’ jibda jbeżża’. Ibeżża’ li xi wħud u jgħidulhom li jekk jitilgħu n-Nazzjonalisti fil-gvern, kif qal xi ħadd dan l-aħħar, allura tas-Sea Malta jitilfu l-job tagħhom għax is-Sea Malta tispiċċa. Jekk jitilgħu n-Nazzjonalisti fil-gvern tal-Air Malta jitilfu x-xogħol tagħhom għax l-Air Malta ma tibqax tal-gvern. Lix-xjuħ igħidulhom li jekk jitilgħu n-Nazzjonalisti jitilfu l-pensjoni tagħhom.
U aħna ngħidulhom giddibin. Intkom bil-qerq mingħalikom li ser tirbħu xi voti. Imma llum l-ħaddiem Malti, illum l-anzjani Maltin, illum il-poplu Malti u Għawdxi, induna bil-qerq tagħkom.
Bidla fil-Kostituzzjoni
Imma l-ikbar qerq kien l-elezzjoni li għaddiet. Minkejja li kulħadd jaċċetta li f’pajjiż demokratiku l-partit li jkollu aktar min-nofs il-poplu warajh bilfors għandu jkun fil-gvern, ghax inkella l-pajjiż ma jibqax demokratiku,dawn għamlu ħames snin jigvernaw kontra r-rieda tal-poplu tagħna.
Kif smajtu lil Guid Demarco jgħid qabli sas-26 ta’ Novembru dawn qalu li ma kinux lesti li jemendaw il-Kostituzzjoni biex inkunu żguri li partit li jkollu l-maġġoranza assoluta jkollu wkoll il-gvern f’idejh. Kien biss mis-26 ta’ Novembru ’l hawn li ġraw affarijiet li ġegħluhom ibiddlu l-fehma tagħhom.
Illum, quddiem il-Parlament, hemm liġi li tgħid li dan ser ikun prinċipju li ma jiċċaqqlaq minnu ħadd, jiġifieri, li partit li jkollu l-maġġoranza tal-poplu warajh ikollu żgur il-maġġoranza ta’ deputati fil-Parlament.
Għalina l-proposta kif preżentata fl-abbozz ta’ liġi mhiex biżżejjed. Aħna rridu li l-emendi li jsiru jsiru b’serjetà akbar. Aħna rridu li verament f’kull każ ir-rieda tal-poplu Malti tkun tista’ titwettaq. Imma nafu li qed nagħmluha ma’ partit u ma’ gvern li żebilħu d-demokrazija.
Quddiem din is-sitwazzjoni kellna nagħmlu għażla. U l-għażla tagħna hija għażla waħda u sempliċi. Aħna qegħdin nagħżlu b’konvinzjoni. Aħna qegħdin nagħżlu għax għandna fiduċja fina nfusna u għadna fiduċja fikom. Kieku aħna m’għandniex fiduċja li intom, il-poplu Malti u Għawdxi, kontu warajna, għadkom warajna u ser tibqgħu warajna allura forsi ma konniex nagħżlu t-triq li għażilna.
Imma t-triq li għażilna hi li minkejja li s-soluzzjoni mhix l-aħjar waħda, minkejja affarijiet oħra li se nitkellem fil-qasir fuqhom, aħna sejrin nivvutaw favur din l-emenda u sejrin nagħmluh b’konvinzjoni.
Il-konvinzjon tagħna hi li qegħdin nagħmlu dak li hu sewwa fl-aħjar u fl-aqwa interess tal-polu tagħna.
Qed nagħmlu dan b’konvinzjoni li aħna, d-deputati tagħkom li ġiet f’idejna l-għażla, rridu nimxu b’responsabbiltà mal-poplu tagħna kollu.
U jien nistaqsikom, ladarba aħna konvinti li, bil-ħidma tagħna lkoll fil-ġimgħat li ġejjin, se nkomplu nkabbru l-maġġoranza tagħna, ladarba aħna konvinti li l-poplu se jerġa’ jikkonferma d-deċiżjoni tal-1981, xi jżommna milli nivvutaw favur din l-emenda li tassigurana li, jekk jerġa’ jiġri dak li ġara fil-‘81 fi ftit xhur oħra fil-gvern ikun hemm il-Partit Nazzjonalista?
Dak li qed jagħmlu huma huwa prova għal darb’oħra tan-nuqqas ta’ rispett lejn il-poplu tagħna.
Huma jafu li aħna ma naqblux li fil-Kostituzzjoni għandha tidħol dikjarazzjoni li Malta hi stat newtrali li jimxi fuq il-prinċipji ta’non-allineament. Ma naqblux għax jidhrilna li dikjarazzjoni bħal din fil-Kostituzzjon tista’ tagħmel ħsara lil pajjiżna.
Aħna nafu li l-politika ta’ dan il-Gvern ġabet taħwid u nuqqas ta’ fiduċja f’pajjiżna. Imma nafu wkoll li biex jispiċċa dan it-taħwid mhux li nagħmlu jew ma nagħmlux emendi fil-Kostituzzjoni hemm bżonn, imma li hemm bżonn biex jispiċċa t-taħwid hu li jkun hemm fil-gvern il-Partit Nazzjonalista.
Għaliex il-Partit Nazzjonalista jaf xi jrid.
- Il-Partit Nazzjonalista jrid li Malta ssib postha fl-Ewropa ħielsa.
- Il-Partit Nazzjonalista jaf li t-triq tiegħu li għandhu l-poplu Malti hi waħda li fiha jagħżel bejn l-ideoloġiji ta’ pajjiżi totalitarji u pajjiżi fejn hemm id-demokrazija.
U meta Malta tagħżel bejn dawn l-ideoloġiji f’dan il-konflitt ideoloġiku, il-Maltin iridu jkunu mingħajr ebda dubju u bla tlaqliq man-naħa tad-demokrazija, man-naħa tal-pajjiżi li jemmnu li jridu l-libertà.
Il-Partit Nazzjonalista jaf ukoll li Malta trid ukoll taħseb għas-sigurtà tagħha bl-għajnuna ta’ pajjiżi li jħaddnu d-demokrazija u jemmnu fil-libertà mingħajr ma Malta titlef xejn mis-sovranità u l-indipendenza tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista jaf u bil-politika tiegħu fil-gvern se juri li Malta trid li, fiċ-ċokon tagħha, tkun biss strument ta’ paċi u għalhekk ma tridx li jkollha bażijiet militari barranin u lanqas trid tidħol f’xi blokk militari.
Malta trid iżżomm r-relazzjonijiet tajba tagħha mal-pajjiżi kollha u, b’mod partikolari, Malta trid li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tal-Mediterran.
Dan kollu qiegħed b’mod ċar fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u dan kollu jwettqu l-Partit Nazzjonalista meta ftit ieħor ikun fil-gvern.
Diġà smajtu lil Guido jitkellem fuq l-emenda l-oħra proposta fuq l-indħil barrani – l-iskuża li jrid ibella’ Mintoff lilu nnifsu u lil sħabu għax tilef l-elezzjoni. Diġà għidt il-poplu Malti ried Gvern Nazzjonalista għaliex jaf li l-Partit Nazzjonalista biss jista’ jġib ix-xogħol il-ġustizzja u l-libertà f’dan il-pajjiż.
Dawn huma l-għażliet li l-poplu Malti għandu quddiemu.
Dawn huma għażliet li l-poplu Malti diġà kellu quddiemu ħames snin ilu.
Il-ħames snin li għexna kienu ħames snin ta’ tbatija. Il-ħames snin li għexna mill-aħħar elezzjoni komplew jikkonfermaw il-bżonn li f’dan il-pajjiż ikun hawn Gvern Nazzjonalista.
Għalhekk jien nitlobkom komplu żiedu l-fiduċja tagħkom, żiedu l-ħidma tagħkom, żiedu l-kuraġġ tagħkom, żiedu d-determinazzjoni tagħkom.
Ir-rebħa se tkun tagħna.
Ħallu lilna nerfgħu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet fil-Parlament. Dan qed nagħmluh b’sagrifiċċju imma b’sens ta’ lealtà lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Bil-vot tagħna, aħna se nagħmlu biss dak li aħna ċerti li hu fl-aqwa u fl-aħjar interess tal-pajjiż fiċ-ċirkostanzi tal-lum.
Inkomplu niltaqgħu spiss u kemm ikun hemm bżonn għax jien konvint li, jekk dawn beħsiebhom idumu sad-9 ta’ Mejju biex jagħmlu l-elezzjoni, aħna nirringrazzjawhom.
Dan għax ser ikun żmien li fih aktar nies ser jirrealizzaw x’inhu s-sewwa, x’inhi l-verità u x’għandu bżonn pajjiżna.
Aktar nies għatxana għall-ġustizzja, aktar nies ħerqana għal-libertà, aktar nies li qegħdin ifittxu x-xogħol, iridu jgħidu issa huwa l-mument li bil-vot tagħna nissiġillaw r-rebħa,
- ir-rebħa ta’ Malta,
- ir-rebħa tal-libertà f’pajjiżna,
- ir-rebħa għad-demokrazija.
Grazzi ħafna.