Kull ma ridna kien pajjiż normali


Simon Busuttil
Kap, Partit Nazzjonalista

F’daqqa waħda ġara xi ħaġa u kulħadd beda jiġri kemm jiflaħ. Lura minn fejn ġejna. Xammejt il-gass tad-dmugħ. Il-folla bdiet tinbotta lura. Ġrejna kemm flaħna. Eluf ta’ nies jiġru geġwiġija, kważi naqgħu f’saqajn xulxin.

Ħin minnhom il-ħamrija sfrondat taħt saqajja u waqajt. Ħija ġibidni mill-ġakketta tal-jeans u qajjimni. “Igri!,” qalli. Komplejna niġru. Kienu ħafru toqob fis-central strip. Għattewhom bil-kartun u l-ħamrija. Hekk, biex in-nies jaqgħu fihom. Ghal kollox kienu ħasbu dak inhar, fit-triq Tal-Barrani.

Kelli sbatax-il sena. Kont Sixth Form, San Alwiġi.

Mal-politika ma kellix x’naqsam. Imma kienu ġrajjiet li mmarkawni. Għal ħajti. Bħalma kienu mmarkawni l-għeluq tal-iskejjel sentejn qabel u l-qtil ta’ Raymond Caruana ftit wara. U bħalma mmarkatni t-tisbita f’wiċċi tal-bieb tal-universita’. Ma stajtx naċċetta li wara dawk l-eżamijiet kollha, xorta ħallewni barra mill-universita’. U dan kollu għax mort skola tal-Knisja, flok tal-Gvern.

Ma konnix nafu x’jiġifieri tgħix f’pajjiż normali għax kbirna fl-agħar snin għad-demokrazija f’pajjiżna. Kull ma konna nafu kien li l-ħajja li konna ngħixu ma kienitx tajba u li kien jixirqilna aħjar. Mass meetings kull nhar ta’ Ħadd; skandlu wara l-ieħor; il-Gvern jindaħallek f’kollox; ma tista’ tagħmel xejn; ma tista tixtri xejn; ma tista’ titkellem xejn.

Kull ma ridna kien li nghixu f’pajjiz normali. Ma konniex qed nitolbu wisq.

U dak kien x’konna naraw f’Eddie: il-persuna li setgħet tagħtina ħajja normali. Eddie kien missier, kien mexxej. Kien jirrapreżenta s-sewwa. U konna ċerti li se jibraħ. Għax is-sewwa jirbaħ żgur.

Lil Eddie ġieli kont ltaqjt mieghu, għax darba fis-sena, sakemm kien Kap tal-Oppożizzjoni, il-papa kien jistiednu d-dar u jagħmel festin żgħir għall-familja u hu kien jiġi bħala l-mistieden speċjali, mal-familja kollha tieghu. Meta għaddiet l-elezzjoni u rbaħna, ir-riċevimenti waqfu ħesrem. Missieri ma baqghax jaghmilhom; qalli li aħjar hekk “ma jmurx xi ħadd jaħseb li qed nippretendu xi ħaga”.

Fl-ahhar kienet inqalbet il-folja. F’Mejju tal-1987 infetħu beraħ il-bibien tal-opportunitajiet.

Eddie kien jaf kif jinbena pajjiż normali.

Fetaħ l-universita’ u daħlu mijiet ta’ żgħażagħ jistudjaw. Biss biss, fil-kors tal-liġi konna bdejna kważi mija w ħamsin. Neħħa x-xkiel għall-kummerċ u kulħadd reġa beda jaħdem. Daħħal il-liberta’ u kulħadd seta’ jagħmel li jrid, jgħid li jrid, jixtri xi jrid u minn fejn irid. Daqshekk kontrolli fuq ċikkulata u toothpaste. Daqshekk nittallbu għal televixin tal-kulur, ghal telefown fid-dar. Fl-aħħar stajna nixtru kompjuter.

U Eddie tkellem dwar l-Ewropa u sejħilha d-dar naturali tagħna.

Fl-universita’ dħalt bi ħġari fil-hajja ta’ student. Dħalt fl-ghaqda ta’ l-iStudenti Demokristani Maltin għax il-ħbieb tiegħi hemm kienu. Bagħtuni konferenza barra minn Malta, fi Strasburgu. Rajt il-Kunsill tal-Ewropa u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Veru, sewwa qal Eddie, għidt, dak kien postna.

Imma l-passport tiegħi kien aħdar. Niftakar kont nistaqsi bejni u bejn ruħi għaliex ma kienx bħal tal-istudenti l-oħra li kont qieghed magħhom. Niftakar nistaqsi għaliex kelli bżonn viża biex insiefer meta l-istudenti Ewropej l-oħra ma kellhomx bżonn. Kienu jħarsu lejna qisu konna ġejjin minn xi pajjiż tat-tielet dinja. Kienet tagħtini ġewwa. Għax aħna Ewropej daqshom u ma jixirqilna xejn anqas minnhom. Waħħaltha f’moħħi li jeħtieġ li nkunu trattati l-istess, bħall-Eworpej l-oħra. Bl-istess drittijiet. Bl-istess passaport.

Fl-1990, Eddie applika biex nissieħbu fil-Komunita’ Ewropea. Kienet għadha lanqas biss tissejjaħ Unjoni Ewropea, kif inhi llum. Suġġett interessanti, ħsibt. Ta’ min nistudjah. Studjajtu.

Imma xi ħadd deherlu li postna mhux fl-Ewropa u dlonk iffriża l-applikazzjoni. U magħha l-futur tagħna. Għaddejna minn għaxar snin ta’ martirju niġġieldu biex nidħlu fl-Ewropa. Jekk hija daqstant ovvja llum, li postna huwa hemm, għaliex ma kienitx ovvja għal kulħadd qabel?

Għal darb’oħra kellu jkun Eddie li reġa fetħilna l-bieb. U dħalna fl-Ewropa. U sirna pajjiż normali.

Eddie Fenech Adami signing Malta's EU accession treaty alongside Minister Joe Borg, 2003. Photo Credit: Times of Malta

Eddie Fenech Adami signing Malta’s EU accession treaty alongside Minister Joe Borg, 2003. Photo Credit: Times of Malta

Dan huwa Eddie għalija u dan huwa Eddie għal dawk kollha li għixu l-aħħar tletin sena f’pajjiżna.

Illum jiena għandi l-privileġġ u r-responsabbilita’ li mmexxi l-partit li mexxa Eddie: il-Partit Nazzjonalista.

Inwettaq dan l-impenn b’lealta’ lejn dak kollu li Eddie kien dejjem jirrapreżenta. Id-determinazzjoni li tegħleb l-akbar ostakli u l-akbar sfidi. L-umilta’ li sservi lin-nies u mhux li tisserva bihom. L-onesta li tqum u titkellem għal dak li temmen fih u li tiġġieled għal dak li hu sewwa. L-istandards Ewropej li jixirqu lill-poplu Malti, għax aħna jixirqilna l-aħjar.

U n-normalita’: id-dritt li ngħixu f’pajjiż normali fejn il-Gvern ikun tassew ta’ kulħadd, għal kulħadd; fejn tavvanza skont ma taf, mhux skont lil min taf; fejn mill-ġid li jinħoloq igawdu l-ħafna, mhux il-ftit; fejn l-iskandli mhumiex ir-regola, imma l-eċċezzjoni; fejn in-nies huma ħielsa li jgħidu dak li jaħsbu, mhux jibżgħu jitkellmu; fejn ngħixu ħajja normali.

Eddie tana pajjiż normali. Id-dmir tagħna huwa li nħarsuh u li ma nħallu lil ħadd jerġa jaħtfu.