Political Context
- English
- Malti
Sure of victory after the constitutional amendment
This was the first mass meeting the Nationalist Party held after the 29th January 1987 when Parliament changed the Constitution of Malta so that the political party winning the absolute majority of votes in an election would be given an absolute majority of seats in Parliament, thus obviating the perverse electoral result of 1981.
Eddie Fenech Adami had one message for the crowd that filled the large square in front of the rotunda in Xewkija, Gozo: certain victory.
This was an important message for the many voters who wanted change but who always doubted and feared that Labour would again steal the election.
After five years leading a campaign for the very basic in democracy – that a majority of votes should automatically translate into a majority of seats – Eddie Fenech Adami explained the political significance of the constitutional amendment:
- a victory for all the people who, after a five-year hard-fought campaign, now had a guarantee of a basic democratic norm,
- a Labour Party clearly condemned after having stayed five long years in government against the principle of this very amendment,
- a Nationalist Party sure of victory because it could now put people’s minds at rest that it would be votes that count, not trickery.
This mass meeting was a psychological message of courage; very important after sixteen years of Labour government, five of which were stolen: the hope that change was truly possible.
Rebħa ċerta bl-emenda kostituzzjonali
Dan kien l-ewwel mass meeting li għamel il-Partit Nazzjonalista wara li fid-29 ta’ Jannar 1987 għaddiet l-emenda kostituzzjonali biex ma jkunx jista’ jirrepeti ruħu r-riżultat pervers tal-1981.
Eddie Fenech Adami kellu messaġġ wieħed għall-folla li mliet il-pjazza kbira tar-raħal tax-Xewkija f’Għawdex: rebħa ċerta.
Dan kien messaġġ importanti għal eluf kbar ta’ nies li, għalkemm riedu bidla fil-pajjiż, kienu beżgħana li l-Partit Laburista jerġa’ jagħmel minn kollox biex jisraq l-elezzjoni.
Wara aktar minn ħames snin jissielet għal dak li hu l-aktar bażiku fid-demokrazija – li min ikollu l-maġġoranza tal-voti jkollu wkoll il-maġġoranza tas-siġġijiet – Eddie Fenech Adami fisser is-sinjifikat politiku tal-emenda kostituzzjonali:
- rebħa għall-poplu kollu li bis-saħħa ta’ kampanja qawwija u twila tal-Partit Nazzjonalista issa kellu garanzija ta’ dak li hu bażiku fid-demokrazija,
- kundanna għall-Gvern Laburista li baqa’ ħames snin sħaħ imexxi kontra l-prinċipju ta’ din l-istess emenda,
- rebħa ċerta għall-Partit Nazzjonalista li issa seta’ jserraħ ras il-Maltin u l-Għawdxin li dak li jgħodd hu l-voti, mhux il-maniġġi.
Il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-mass meeting kien wieħed psikoloġiku u ta’ kuraġġ; importanti wara 16-il sena ta’ Gvern Laburista, ħamsa minnhom misruqin: it-tama li fil-fatt il-bidla tassew tista’ sseħħ.
Transcript
Ħuti Għawdxin u Maltin.
Nhar it-Tlieta li għaddew, fil-Parlament, ġejna mitlubin nivvutaw fuq it-tielet qari għall-emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Rebħa tal-poplu Malti
Il-poplu Malti
- kien ilu issa ħames snin jissielet,
- kien ilu ħames snin jgħid li f’Malta m’hawnx demokrazija vera,
- kien ilu ħames snin jgħid li f’Malta ma jistax ikun hawn demokrazija vera jekk partit ikollu l-maġġoranza tal-poplu warajh ma jkunx fil-gvern iżda jkun fl-oppożizzjoni.
U, għal ħames snin sħaħ, tal-Partit Soċjalista ma riedux li jaslu fi ftehim – mhux fi ftehim fl-interess tal-Partit Nazzjonalista iżda fi ftehim fl-interess ta-poplu Malti.
Għalhekk, nhar it-Tlieta, b’dak il-vot ir-rebħa kienet verament tal-poplu Malti.
Kienet ir-rebħa tal-poplu Malti għax wassalniehom biex kellhom jaċċettaw li, wara l-elezzjoni li ġejja fi ftit ġimgħat oħra, ser jiggverna min ser ikollu l-poplu warajh.
Kulħadd jifhem li din kellha tkun l-aktar ħaġa sempliċi, l-aktar ħaġa naturali, f’sistema demokratika. U, jekk kellna nissieltu għal ħames snin sħaħ biex huma wkoll issa vvutaw favur din l-emenda, dan ifisser li issa bil-vot tagħhom, bil-vot ta’ kull wieħed minnhom, huma
- kkonfermaw li ma kellhomx dritt jiggvernaw fil-ħames snin li għaddew u
- kkonfermaw li meta rebħu l-elezzjoni u bagħbsu d-distretti u ġabu aktar deputati minnha dik mhux demokrazija. Dak travestiment tad-demokrazija. Dak l-oppost tad-demokrazija.
Għalhekk nhar it-Tlieta bil-vot tagħna lkoll tajna rebħa lill-poplu Malti.
Tajna wkoll vot ta’ kundanna lil dan il-Gvern għax wassalniehom biex, bil-vot tagħhom stess, jirrikonoxxu li, fil-ħames snin li għaddew, huma użurpaw d-dritt li tiggverna għax f’pajjiż demokratiku ma kellhomx dak id-dritt.
Konsegwenza tal-vot ta’ nhar it-Tlieta fil-Parlament issa li intom li tridu l-Partit Nazzjonalista li jiggverna r-rieda tagħkom ser titwettaq b’ċertezza.
Il-vot ta’ nhar it-Tlieta jfisser iċ-ċertezza tar-rebħa. Ta’ xejn reġgħu bagħbsu d-distretti biex jerġa’ jkollhom xi maġġoranza ta’ deputati mingħjar il-vot tal-poplu sħiħ warajhom.
Issa nafu li kull votant, hu fejn hu f’Malta u Għawdex, meta jmur jivvota lill-Partit Nazzjonalista jkun qiegħed jagħti l-vot biex ikun hemm maġġoranza. Dik il-maġġoranza kollha f’daqqa – ġejja mill-għaxar, mit-tielet jew mit-tlettax-il distrett – tagħti ċ-ċertezza li l-Partit Nazzjonalista ser jirbaħ.
Hu tal-mistħija għalihom li damu ħames snin sħaħ jirreżistu.
Il-PN dejjem zied il-voti mill-1947 ’l hawn
Qed ngħid għandna ċ-ċertezza għax jekk inħarsu lejn l-elezzjonijiet kollha li saru mill-1947 ’l hawn, waħda waħda, insibu li l-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, żied il-voti. Dejjem żidna l-voti. Daqqa żidna bi ftit u daqqa żidna ħafna. Imma f’dan il-pajjiż s’issa , nerġa’ ngħid mill-gwerra ’l hawn, il-Partit Nazzjonalista qatt ma tilef voti.
Jien inħares lejkom hawn illum u meta nara din il-pjazza mimlija, kif qal Anton Tabone qabli, niftakarni nitkellem f’din l’stess pjazza fl-1975 minn fejn hemm ir-ritratt ta’ Victor. Dak in-nhar, minn din in-naħa tal-pjazza, huma qed jagħmlulna oppożizzjoni u verament sfurzajna biex nibqgħu nitkellmu f’din il-pjazza fl-1975.
Illum, li niġu x-Xewkija u nimlew din il-pjazza, hi prova għal darb’oħra li jekk fl-1981 ġibna 51% tal-voti, fl-elezzjoni li ġejja mhux 51% ser inġibu imma ser inġibu aktar minn hekk.
Ħasbu huma li ser iwassluna sal-elezzjoni mingħajr ma jirranġaw il-Kostituzzjoni!
Tiftakru, kif fakkarniekom dan l-aħħar f’in-Nazzjon Tagħna, kif ftit tax-xhur ilu il-Ministri kollha kienu pika bejniethom min l-aktar jgħid kontra l-emendi li kien hemm bżonn isiru.
Kienu qalu: “Issa mhux iż-żmen, issa tard wisq, m’għandniex għalfejn inbiddlu, kollox miexi sew!”
Izda, lejliet l-elezzjoni kellhom iċedu għar-rieda tal-poplu tagħna.
U għalhekk aħna llum ngħidu – mhux forsi, mhux jekk, imma żgur – li l-poplu Malti ser jerġa’ jagħti maġġoranza lill-Partit Nazzjonalista. U se jagħti maġġoranza akbar minn ħames snin ilu, għax il-poplu Malti juża moħħu.
Lill-poplu Malti aħna nappellawlu u ngħidulu: Tina l-vot, mhux għalx hekk għamilt ħames snin ilu jew għax imdorri tivvota lin-Nazzjonalisti jew għax missierek u l-familja tiegħek huma Nazzjonalisti.
Dak mhux biżżejjed!
Aħna lill-poplu Malti ngħidulu: Tina l-vot wara li int taħseb, wara li int tifhem, wara li int tirrealizza minn xiex għadda pajjiżna tul is-sittax-il sena li għaddew,partikolarment f’dawn l-aħħar ħames snin.
Lill-poplu Malti aħna ngħidulu mingħajr ebda distinzjoni, mhux lin-Nazzjonalisti, lil-Labursiti jew lis-Soċjalisti, imma lil-poplu Malti kollu ngħidulu:
Int ta’ veru Malti, ta’ veru Għawdxi, int li wasal issa ż-żmien biex bil-vot tiegħek terġa’ tagħżel, ħaddem moħħok, ara x’jaqbel għall-ġid ta’ pajjiżna, ħares kif dawn kif ġabu ruħhom fl-aħħar snin, ara x’għamlu dawn, x’sarrfu, f’dawn il-ħames snin li għaddew meta ggvernaw kontra r-rieda tal-poplu.
Berbqu l-miljuni u ma kienux kapaċi joħolqu x-xogħol għal-ħaddiem Għawdxi għall-ħaddiem Malti.
Ix-xogħol u l-ħolqien ta’ impiegi
Dawn kellhom miljuni kemm trid!
Tiftakruh lill-Perit Mintoff, f’ mass meeting li kellhom ftit qabel ma rriżenja kien qalilhom:
“Jien nixtieq inkun kapaċi nġib ix-xogħol daqskemm kont kapaċi nġib il-flus.” U, meta qal dak il-kliem, tridu tifhmu xi jfisser. Tfisser l-ammissjoni tal-gvern tiegħu li, minkejja li kellu l-flus, minkejja li ġab il-miljuni, ma kienx kapaċi dawk il-miljuni jbiddilhom f’xogħol permanenti għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dik kienet stqarrija ta’ ammissjoni tal-falliment ta’ Mintoff.
U llum, il-poplu Malti għandu jdur lejn ta warajh, lejn Karmenu Mifsud Bonnici, u jistaqsih jekk hux veru dan. Jistaqsih li dan il-Prim Ministru li ma jirrappreżenta lil ħadd qieghedx joħloq ix-xogħol f’pajjiżna.
Jekk naraw x’qed jiġri, nsibu li proprju f’dawn l-aħħar xhur, f’din l-aħħar sena, vera li n-numru ta’ nies jaħdmu żdied. Żdied għax issa qed jaqbadhom paniku għax l-poplu Malti u Għawdxi issa jaf li dawn għamlu fjask u sfrakass fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Minkejja sittax-il sena fil-gvern, minkejja l-miljuni, qatt qabel dawn l-aħħar ħames snin ma kien hawn daqshekk nies bla xogħol f’pajjiżna.
U fl-1981, dawn ma kellhomx il-kuraġġ imorru quddiem il-poplu u jgħidulu li kien hemm aktar minn ħamest elef jirreġistraw. Tul dawn l-aħħar ħames snin, tista’ tgħid dejjem kien hemm il-fuq minn għaxart elef jirreġistraw għax-xogħol u eluf oħra li ma jirreġistrawx.
U issa, f’daqqa waħda, bdew idaħħlu n-nies mal-Gvern. F’daqqa waħda! Nistgħu ngħidu li, f’dawn l-aħħar sena u nofs sal-elezzjon, se jkunu daħħlu bejn erbat elef u sitt elef jaħdmu mal-gvern.
U aħna lil dawn, fosthom tant żgħażagħ, li kien ilhom is-snin jirreġistaw għax-xogħol u issa qed joffrulhom ix-xogħol mal-gvern jew fid-Dejma, ngħidulhom: Ifhmu li biex verament ikollkom xogħol u mhux biss post tax-xogħol lejliet l-elezzjoni, biex verament intom ikollkom ix-xogħol, ix-xogħol permanenti, iridu ikun hemm Gvern Nazzjonalista li dak ix-xogħol tagħkom jassigurahulkom.
Lil dan il-Gvern għandkom tgħidulu: “Għaliex issa qed iddaħħlu l-eluf mal-gvern? Għaliex m’għamiltuhx qabel? Għaliex m’għamiltuhx fis-snin ta’ qabel?”
Il-poplu żgur li mhux iblah. Il-poplu jifhem li dawn issa ma jimpurtahom minn xejn aktar ħlief li jippruvaw jingannaw il-poplu tagħna. Dawn m’għandhomx stima tal-ħaddiem Malti. Mingħalihom li għax joffrulu x-xogħol lejliet l-elezzjoni ser jisirqulu l-vot.
Sewwa li liż-żgħażagħ joffrulhom ix-xogħol imma huwa sewwa wkoll li ż-żgħażagħ jifhmu sew li dan qed jagħmluh lejliet l-elezzjoni.
Dawn ma rnexxilhomx jagħmluh b’mod li f’pajjiżna jkun hawn xogħol fis-sod. Għaliex ma rnexxilhomx?
Għaliex biex gvern jipprovdi x-xogħol fil-pajjiż irid ikun Gven li jaf jaħseb fi-bogħod. Hekk biss jista’ jiżgura li jkun hawn xogħol fis-sod għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Għawdex m’għamlu xejn
Nistieden lill-poplu Malti ma jinsiex kif il-Gvern tas-snin sittin, magħmul mill-Partit Nazzjonalista, kien ippjana u ħaseb fil-bogħod.
Kien ħaseb fil-bogħod għal Għawdex meta beda bi pjan ta’ żvilupp għal Għawdex. Beda biex jagħmel il-Port ġdid u sptar ġdid f’Għawdex. Beda biex għamel żona industrijali f’Għawdex u għen lil min ried jiġi u jibni l-lukandi f’Għawdex.
U Għawdex kien ħa r-ruħ. L-Għawdxin bdew isibu x-xogħol f’Għawdex.
Għal kuntrarju, dawn ma kienux dawn kapaċi jippjanaw xejn. U kif semmew kelliema oħra qabli diġà, tidħaq tara dan il-fuljett li ħarġu dwar “fatti” li qalu u jgħidu suppost x’għamlu f’Għawdex.
Fl-aħħar faċċata hemm miktub : “Proġetti tal-Gvern Soċjalista” u b’ritratt tal-Forti Chambray fejn jgħidu li Forti Chambray għamluh kumpless turistiku.
Intom l-Għawdxin tafu aktar minni dawn x’għamlu. Kien hemm pjanijiet mhux issa, sittax-il sena ilu, u m’għamlu xejn għal ħafna żmien mbagħad bdew jonfqu l-flus. Sa kien hemm xi ħadd li beda jħaddem in-nies fix-xogħol ta’ Chambray u ma jħallashomx. Kif tafu, dan mbagħad kien jgħidilhom li la jkun hemm lukanda u jiftħu, mbagħad jekk Alla jrid nassigurawlkom ix-xogħol.
F’dan il-fuljett qed jiftaħru b’ Chambray, li suppost għamluh kumpless turistiku.Issa nafu li xi kultant jmorru xi erbgħa min-nies jagħmlu ikla tal-partit hemm, imma fejn huma t-turtisti f’Chambray?
Hemm skola sa fejn naf jien, għax sa ftit tax-xhur ilu, qalu li għamlu skola tal-biedja. U għandu jkun din l-iskola tal-biedja qed iqisuha wkoll parti minn kumpless turistiku f’Chambray.
Nerġa’ ngħid, l-invit li minn qalbna nagħmlu lil kull Malti u Għawdxi lil kull Maltija u Għawdxija hu wiehed: Uża moħħok. Ara jekk dan il-Gvern kienx kapaċi jippjana biex verament ikun hawn xogħol fis-sod għall-ħaddiema tagħna.
Fejn hu dan il-pjan għal Għawdex li tant huwa meħtieġ?
Il-ġimgħa l-oħra smajna lill-Prim Ministru jgħid li issa għandu ħsibijiet u li fil-ħames snin li ġejjin ix-xogħol kollu li sar mill-Gvern s’issa ma jkun qisu xejn ħdejn dak li se jsir fil-ħames snin li ġejjin.
U aħna ngħidulu: Jekk ix-xogħol f’dal-ħames snin li ġejjin jkun bħal tas-sittax-il sena li għaddew, veru xejn jkun, ghax veru xejn dawk li għaddew u xejn dak li beħsiebkom tagħmlu.
Il-PN qatt ma tellef l-impjieg li xi ħadd
Ħbieb tiegħi meta ngħidu li rridu veru nippjanaw biex noħolqu x-xogħol irridu nifhmu x’aħna ngħidu.
Nifhmu kemm hemm bżonn li f’pajjiżna nerġgħu nakkwistaw il-fiduċja.
Lil dawk li llum akkwistaw impjieg lejliet l-elezzjoni irrid infakkarhom li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern qatt ma keċċa lil ħadd. Qatt ma tellef l-impjieg li xi ħadd.
U rrid infakkar li kienu huma fl-imgħoddi, meta telgħu fil-gvern fl-1955, waħda mill-ewwel affarijiet li għamlu kienet li keċċew tmien mija li kienu jaħdmu mal-gvern għax qalu li l-Gvern Nazzjonalista tas-snin ta’ qabel kien daħħalhom bla bżonn lejliet l-elezzjoni.
Aħna mhux ser nagħmlu hekk ma l-eluf ta’ ħaddiema li qed jagħtuhom ix-xogħol issa għax nafu li mhux tort tagħhom li kienu u tħallew bla xogħol għal tant snin. Nafu li dawn il-ħaddiema mhux tort tagħhom li ma sabux ix-xogħol fis-snin l-imgħoddija.
Gvern Nazzjonalista kif ġab ruħu fl-imgħoddi jerġa’ jġib ruħu minn hawn u ftit ġimgħat oħra u lil dawk iż-żgħażagħ jgħidilhom: Intom ikollkom xogħol tassew permanenti għax il-pjan ta’ ħidma ta’ gvern magħmul mill-Partit Nazzjonalista ikun pjan li joħloq il-ġid fil-pajjiż.
Kif diġà għidt,il-ġid noħolquh billi nerġgħu nakkwistaw u nagħtu l-fiduċja f’pajjiżna.
U tajjeb li l-poplu Malti u Għawdxi jaħseb u jipprova jifhem għala f’pajjiżna tlifna l-fiduċja.
Gvern supperv li jgħaffeġ waħdu
Għaliex, f’sittax-il sena, dan il-Gvern ma rnexxielux iġib l-investiment li joħloq il-ġid f’pajjiżna u li jagħti xogħol permanenti lill-ħaddiema tagħna?
Waħda mir-raġunijiet ewlenin ’l għaliex dan il-Gvern tellef il-fiduċja fil-poplu tagħna kien il-metodu ta’ gvernar, kif mexa dan il-Gvern.
- Kien Gvern supperv li dejjem jgħaffeġ waħdu.
- Kien Gvern li ma ried jisma’ mingħand ħadd.
- Kien Gvern li dejjem ried jagħmel ta’ rasu.
- Kien Gvern li mhux biss irrifjuta iżda għamel minn kollox biex ikisser lil dawk kollha li kellu bżonn il-koperazzjoni tagħhom biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem.
Mhux ta’ b’xejn dan il-Gvern ħadha kontra l-unions f’dan il-pajjiż!
Meta ngħidu li dan il-Gvern ħadha kontra il-unions m’aħniex qegħdin ngħidu biss il-unions ħielsa. Dan il-Gvern ħadha wkoll kontra l-General Workers Unions u għamel b’mod li jgħalqilha ħalqha għalkollox għax ma riedx li jkun hawn xi ħadd fil-pajjiż li jkun jista’ jew kapaċi jiqaflu.
Nerġa’ ngħid, kien Gvern supperv li jrid biss li dejjem tgħaddi tiegħu.
- Lill-industrijalisti dejjem warrabhom. Qatt ma ried il-koperazjoni tagħhom.
- Lin-nies warrabhom dejjem. Qatt ma ried qatt il-koperazjoni tagħhom.
Kien Gvern li mingħalih ma kellu bżonn lil ħadd!
Tiftakru kif, fil-bidu tas-snin sebgħin, flok ma pprova jġib l-investiment f’pajjiżna u jħajjar lill-Maltin jinvestu ħareġ bl-idea li f’pajjiżna konna sejrin noħlqu x-xogħol bl-eluf għal kulħadd , billi waqqaf dawk li sejħilhom il-fabbriki tal-poplu. Sa waqqaf Ministeru. Tajjeb niftakruhom dawn l-affarijiet.
Fil-bidu tas-snin sebgħin, proprju f’Marzu tal-1972, wara l-ftehim mal-Ingliżi kien mar iċ-Ċina u kien issellef sbatax-il miljun lira. U dawk is-sbatax-il miljun lira użahom biex nibnu l-fabbriki tal-poplu li suppost kellhom jagħtu xogħol lil eluf ta’ ħaddiema Maltin. Imma, llum nafu li minn dawk il-fabbriki m’għadu jeżisti xejn. Kienu flus mormija! Kienu flus sparpaljati!
Bżonn ta’ Gvern serju
Għalhekk aħna ngħidu li f’dan il-pajjiż hemm bżonn ta’ Gvern serju!
Gvern serju li verament jikseb il-koperazzjoni tagħna l-Maltin stess, u mhux biss, imma li jikseb ukoll il-koperazzjoni, il-fiduċja tal-barranin.
Meta ngħidu l-fiduċja tal-barranin nifhmu gvern li jrid jippjana fil-bogħod u jimxi bis-serjetà jekk veru irid jakkwista l-fiduċja tal-barranin, kemm bħala individwi, bħala industrijalisti li jinterresahom jinvestu fpajjiżna kif wkoll l-fiduċja ta’ gvernijiet baranin.
Hawn irrid ngħid kemm hu importanti li gvern ġdid li ser ikollna dalwaqt, gvern magħmul mill-Partit Nazzjonalista, ikollu s-sens ta’ direzzjoni. Gvern li jkun jaf xi jrid u fejn irid jasal.
Tafu li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li jaf x’inhi d-direzzjoni li għandu jieħu pajjiżna.
Aħna rridu li Malta tikseb postha, il-post li jixirqilha, mal-pajjiżi Ewropej.
Dan mhux b’xi kapriċċ, dan mhux għax fettlilna hekk, imma għax nifhmu li din hija t-triq li ġġib l-aktar ġid lill-poplu tagħna. Irridu dan għax nafu li b’hekk nakkwistaw l-istima ul-fiduċjali meħtieġa jekk irridu li f’pajjiżna veramet noħolqu l-ġid biex ikun hawn ix-xogħol.
Dik hi d-direzzjoni li aħna rridu nimxu fuqha.
Irridu wkoll nżommu l-ħbiberija u relazzjonijiet mill-aħjar mal-pajjiżi l-oħra, partikolarment ma dawk li huma ġirien tagħna.
Din mhix xi politika ġdida għall-gvern iffurmat mill-Partit Nazzjonalista. Din hi politika li diġà tat ir-riżultati tagħha fl-imgħoddi, politika li żgur terġa’ tagħti riżultati pożittivi u tajbin għall-poplu tagħna.
Għalhekk irridu li jkollna gvern serju li jerġa’ jagħti fiduċja f’pajjiżna.
Dan il-Gvern mexa ħażin wisq ma kulħadd. Ma min ma iġġilidx f’pajjiżna dan il-Gvern?
Ippruvaw aħsbu. Araw il-gazzetti tal-lum!
Issa anke ma’ tal-karrijiet tal-mejtin ġġieldu. Dawn għaxra ta. U ma għaxra ma kienux kapaċi jifthiemu. U smajna li lbieraħ għamlu dimostrazzjoni bil-karrijiet tal-mejtin quddiem Kastilja.
Ftakru daqsxejn, m’hawnx settur wieħed tal-poplu tagħna li dan il-Gvern ma ġġilidx miegħu: Mal-bdiewa, mal-furnara,mal-għalliema, man-nies tal-gvern, mas-suldati, mal-pulizija. Ma’ kulħadd iġġieldu dawn. F’xi żmien jew iehor f’dawn is-sittax-il sena, ma kulħadd kellhom xi jgħidu.
lkoll aħwa Maltin
Hemm bżonn f’pajjiżna li jkun hawn gvern li jerġa’ jibni u jagħtina l-fiduċja billi jerġa’ jagħtina l-possibiltà li nerġgħu nsiru lkoll aħwa Maltin.
- Irridu lkoll nerġgħu nsiru aħwa Maltin.
- Irridu lkoll nerġgħu nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandna sehem x’nagħtu għall-ġid ta’ pajjiżna.
- Irid ikollna gvern li mhux bis-suppervja, imma b’umiltà u b’konvinzjoni jgħid lill-poplu Malti: “Jien qiegħed hawn biex inservik. Jien qiegħed hawn biex naqdik. Jien qiegħed hawn biex imexxik iva, imma mhux biex nikkmanda u naħkem fuqek. Jien qiegħed hawn biex flimkien miegħek naħdem biex dan il-pajjiż jerġa’ jieħu r-ruħ.”
Irridu insiru lkoll aħwa Maltin.
Dan il-pajjiż tagħna ma jistax jieħu r-ruħ jekk nibqgħu bil-firda li hawn f’pajjiżna. Firda li tidher meta dan il-Gvern ma jġibx ruħu ta’ Gvern Malti imma iġib ruħu ta’ gvern tal-partit tiegħu.
Kif għidt fuq it-television il-ġimgħa l-oħra, hi tassew għarukaża li fi stqarrijiet uffiċjali kontinwament nisimġħu dwar ‘il-Gvern Soċjalista Malti’. Dawn m’għadhomx isejħu lilhom infushom il-Gvern Malti. Qatt ma ħassew ruħhom Gvern tal-poplu kollu. Dejjem ħassew il-bżonn li jiddiskrivu lilhom infushom bħala l-Gvern Soċjalista. Gvern ta’ nofs il-poplu. Il-gvern li għandu nofs il-poplu kontra tiegħu.
Aħna mhux hekk irridu. Aħna irridu li verament inħossuna lkoll aħwa Maltin. U nħossuna lkoll aħwa Maltin ukoll billi jkollna gvern li, fid-deher u f’dak kollu li jagħmel, ikun jidher li huwa Gvern Malti, Gvern tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, Gvern li jġib il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Meta ngħidu li nerġgħu nsiru lkoll aħwa Maltin irridu nifhmu mhux biss li l-gvern u l-ministri jġibu ruħhom verament ta’ Gvern Malti imma li lkoll jkollna l-istess drittijiet u jkollna l-istess garanziji li d-drittijiet tagħna nistgħu neżerċitawhom.
Huma nisslu l-firda
Tafu li ma nistax ma nerġax insemmi jien dak li ġara mit-30 ta’ Novembru ’l hawn.
- Mit-30 ta’ Novembru ’l hawn il-poplu Malti u Għawdxi ħa l-akbar tagħlima li seta’ jieħu.
- Fit-30 ta’ Novembru bil-provi dawn urewnu li mhux veru jqisuna lkoll Maltin.
- Qasmuna fi tnejn b’mod li lilna, li nirrappreżentaw lill-maġġoranza, użaw il-pulizija kontra tagħna u ħallew numru żgħir ta’ delinkwenti u kriminali jweġġgħu lin-nies tagħna.
Jien żgur li l-lezzjoni taż-Żejtun fetħet għajnejn ħafna minn ħutna Laburisti li ġenwinament kienu għadhom ma fehmux f’liema stat jinsab pajjiżna. Laburisti li kienu għadhom ma jemmnux ir-realtà li qed ngħixu, li uħud fil-Korp tal-Pulizija li flok ma jagħmlu dmirhom u japplikaw l-liġijiet kif suppost kontra kulħadd, jew aħjar favur kulħadd, rajniehom huma stess jiksru l-liġijiet.
Għal darb’oħra, nerġa’ ngħid, li meta nsemmu l-Korp tal-Pulizja mhux qed ngħidu l-pulizija kollha. Anzi l-maġġoranza fil-pulizija huma onesti. Il-maġġoranza tal-pulizija anke uffiċjali huma onesti. Imma fil-pulizija wkoll hemm il-ftit li huma korrotti. Fil-pulizija wkoll hemm ftit li ma jistgħux jifhmu kif ikun possibbli li jżommu posthom meta jkun hemm Gvern li jagħmel ġustizzja ma kulħadd.
U, kif tafu imma tajjeb li nibqgħu nfakkru, wara l-inċidenti tat-30 ta’ Novembru rajna affarijiet agħar. L-għada rajna min jispara fuq il-każin tagħna ta’ Ħal Tarxien. Erbat ijiem wara rajna l-qtil ta’ Raymond Caruana u, ġimgħa wara, rajna attentat biex jakkużaw bniedem innoċenti bi qtil.
F’liema pajjiż jiġru affarijiet bħal dawn? Lill-Għawdxin u lill-Maltin kollha ngħidilhom aħsbu daqsxejn. F’liema pajjiż ċvilizzat? F’liema pajjiż demokratiku?
F’liema pajjiż li għandu l-iċken rispett lejn il-bniedem jista’ jiġri dak li kien ser jiġri f’pajjiżna? Li jakkużaw bi qtil bniedem li jafu li hu innoċenti.
Aħsbu daqsxejn ħuti għaliex faċli ninsew dak li ġara f’Diċembru f’pajjiżna.
Żgur li kull min għandu moħħ biex jaħseb jaf x’għandu jaghmel bil-vot tiegħu.
Int xi trid li pajjiżna nibqgħu mmexxuh kif mexa f’dawn l-aħħar xhur, f’dawn l-aħħar snin?
Int trid li pajjiżna jkun hawn is-saħta ta’ inġustizzji bħal dawn?
Int ma tifhimx li pajjiżna hemm bżonn li nkunu żguri li l-inġustizzji ma jsirux?
Int ma tifhimx li rridu nkunu żguri li l-ġustizzja titwettaq ma kull wieħed u waħda minnha.
Nerġa’ ngħid, dak li ġara f’pajjiżna mit-30 ta’ Novembru ’l hawn żgur li fetaħ għajnejn ħafna u ħafna li ġenwinament kienu għadhom ma jemmnux u ma jirrealizzawx kemm hi gravi s-sitwazzjoni f’pajjiżna.
Illum jafu li ħafna telquhom. U llum qed jgħidu li qed jiġru wara n-nagħaġ mitlufa.
Nerġa’ ngħid, dawn mhux nagħaġ mitlufa. Dawn bnedmin b’moħħ, bil-libertà, kapaċi jaħsbu, jifhmu u jiddeċiedu u kapaċi li dak li jiddeċiedu jissiġillawh bil-vot tagħhom fi ftit ġimgħat oħra.
Hemm bżonn li dan kollu nifhmuh. Nifhmu li f’pajjiżna għandna bżonn li jkollna Gvern nadif.
Gvern nadif jfisser li jkollna gvern li ma jittollera ebda forma ta’ korruzzjoni.
B’hekk biss, jekk ikollna gvern nadif, nkunu verament nistgħu ngħixu ilkoll bħala aħwa Maltin u Għawdxin.
Tajjeb li nergħu ngħidu li mhux biżżejjed li xi ħadd jiddeskrivik bħala abjad u li m’hawnx abjad daqsek.
- Jekk tħalli l-korruzzjoni madwarek, int korrott daqs dawk ta’ madwarek.
- Min ma jiġġilidx kontra l-korruzzjoni huwa korrott u jkun qed jisraq lilek u lill-pajjiżek.
Irridu Gvern ispirat minn prinċipji sodi
L-isfortuna ta’ pajjiżna hi din ukoll. Pajjiżna nħakem mill-korruzzjoni għax ġrat xi ħaġa wkoll f’pajjiżna. Dak li ġara mhux b’kumbinazzjoni imma bi pjan ghax ħafna tilfu l-prinċipji li aħna ilna ngħożżu bħala Maltin u Għawdxin.
Biex ikollna gvern nadif irid ikollna nies fil-poter li jigvernaw u li jkollhom is-setgħa f’idejhom li joffru garanzija li jimxu fuq il-prinċipji sodi. Aħna niftaħru li f’dawn iż-żewġ gżejjer tagħna, f’dan il-pajjiż żgħir tagħna, għal elfejn sena sħaħ il-poplu ħaddan il-prinċipji u t-twemmin nisrani.
Ilbieraħ kont qed naqra ktieb dwar personalità kbira Taljana, Alcide De Gaspari mexxej tad-Democrazia Cristiana u Prim Ministru wara l-ahhar gwerra. Kien bniedem li sofra l-ħabs taħt il-Faxxisti fl-Italja. Meta sar Prim Ministru wara l-gwerra twaqqfet l-Assemblea Costituenti li fiha ġew eletti Deputati biex jfasslu kostituzzjoni għall-Italja. De Gaspari, li ma kienx ħa parti wisq fid-debates li kien hemm fuq il-kostituzzjoni izda tkellem fl-Assemblea fil-25 ta’ Marzu 1948 meta kien qed jkun diskuss artiklu dwar il-Knisja Kattolika fl-Italja. Il-Lajċi, l-Komunisti u oħrajn bdew isibu diffikultà li fil-kostituzzjoni tissemma l-pożizjzoni tal-Knsija Kattolika.
De Gaspari qal li anke min ma jħossx rabta mat-twemmin nisrani jew mhux lest li jibni fuq il-morali nisranija bilfors iħabbat wiċċu mar-realtà li hi li għandna tradizzjoni ta’ elfejn sena ta’ Kristjaneżimu.
Ir-realtà hi li fis-soċjetà kif nafuha aħna ma jistax jkollok prinċipji sodi ta’ ġustizzja t’ugwaljanza u ta’ demokrazija vera li jagħtu d-dinjità lil kull bniedem jekk int ma tippruvax twettaq, forsi anke bla ma taf, dawk li huma l-prinċipji Nsara.
Aħna irridu ngħidu lill-poplu Malti u Għawdxi li min jrid gvern nadif, min jrid li l-korruzzjoni f’pajjiżna tinqered hemm bżonn li jassigura li min ikun qed imexxi dan il-pajjiż ikun ispirat mill-prinċipji li jiggarantulna l-ġustizzja f’pajjiżna. Għalhekk hemm bżonn li nagħtu l-importanza li jixirqilhom lill-prinċipji Nsara f’pajjiżna.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li l-Knisja Kattolika f’pajjiżna jkollha koperazzjoni mhux persekuzzjoni. Aħna nużaw dan il-kliem fil-fuljett li bgħattnielkom fid-djar tagħkom dwar l-għoxrin punt li huma l-bażi tal-programm elettorali tagħna. Fl-aħħar punt dwar ir-reliġjon ngħidu: “Mhux persekuzzjoni imma koperazzjoni.”
Forsi jkun hawn xi ħadd li jgħid: “Persekuzzjoni? Mela f’Malta hawn xi persekuzzjoni tal-Knsija? Mela f’Malta qatt kien hawn xi qassis li bagħtuh il-ħabs?”
Għall-grazzja t’Alla le. Però persekuzzjoni għall-Knisja Kattolika kien hawn f’pajjiżna għax ġiet imfixkla. Ippruvaw ifixkluwha fil-qadi tad-dmirijiet tagħha.
- Tiftakru għal kemm snin ma kienux iħallu jinbnew knejjes. Issa, lejliet l-elezzjoni, qed jgħidulna li l-permessi tal-knejjes qed joħorġu. Għandu jkun ta’ San Ġakbu għadu ma ħariġx.
- Tafu kif laktar minn ħames snin ilu tqiegħdet l-ewwel ġebla għad-Dar ta’ Kana fir-Rabat Għawdex. Għal ħames snin sħaħ ma tpoġġietx ġebla fuq oħra għax il-Gvern neħħa l-permessi tal-bini.
- Tafu li kien hemm diversi okkażżjonijijet meta riedu jsiru xi funzjonijiet reliġjużi fil-beraħ u l-Gvern ma ħallihiex lill-Knisja tagħmilhom.
- Tafu kif dan il-Gvern għamel liġi li biha prattikament ikkonfiska l-ġid kollu tal-Knisja, liġi li għadha hemm sal-lum. Hemm kawża fuqha. Il-Knisja rebħitha u l-Gvern appella u l-kawża għadha miexja.
- Tafu fuq l-iskejjel tal-Knisja. Veru li għamlu ftehim li f’din is-sena skolastika l-Gvern intrabat li jagħti xi għajnuna. X’ser jiġri minn Ottubru li ġej? Il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt jistaqsi. Lejliet l-elezzjoni qed jgħidulna li l-ftehim proviżorju, temporanju, li ser ikompli ’l quddiem. Imma il-verita’ hi li l-ftehim hu għal dak li qed jiġri f’din is-sena u ’l quddiem ma nafux x’sejjer jiġri.
Tista’ tkompli ssemmi tant affarijiet oħra, fosthom il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Aħna niftaħru li għandna Università li kienet taf il-bidu tagħha, kważi erba’ mitt sena ilu, proprju għall-Fakultà tat-Teoloġija. Izda dan il-Gvern qal li m’hemmx post għall-qassisin biex jitgħallmu fl-Università ta’ Malta. Qal li m’hemmx lok li jkun hemm il-Faklutà tat-Teoloġija fl-Univerdsità ta’ pajjiżna.
Għalhekk meta ngħidu li lill-Knisja Kattolika nwegħduha mhux persekuzzjoni imma koperazzjoni tridu tiftakru u tifhmu li din hi għażla li se tagħmlu u tikkonfermaw intom ukoll bil-vot tagħkom ftit ġimgħat oħra.
Aħna tassew nemmnu li l-presenza tal-Knsija f’pajjiżna hi pożittiva. Il-Knisja f’pajjiżna għandha d-dritt li teżisti u aħna irridu li pajjiżna jibqa’ marbut mal-Knisja Kattolika għax nemmnu li dik hi l-akbar garanzija li f’pajjiżna jkollna verament il-ġustizzja.
Ħbieb tiegħi, dawn l-għażliet kollha qegħdin f’idejna bil-vot tagħna. Kull vot għandu importanza enormi għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Il-kampanja elettorali tagħhom nafu sew x’inhi.
- Il-kampanja elettorali tagħhom tikkonsisti biss fi pjaċiri.
- Il-kampanja elettorali tagħhom tikkonsisti biss billi jwiegħdu xi ħaġa lil wieħed u lil ieħor u tal-pjaċiri li jagħmlu jaħsbu li ser ikollhom il-vot ta’ dak li jkun.
- Il-kampanja elettorali tagħhom nafu li m’għandhom xejn dawn ħlief tgħajjir lilna u mingħalihom li bil-pjaċiri ser jiksbu lura xi ftit voti għalihom.
Il-kampanja elettorali tagħna mhux hekk.
- Il-kampanja elettorali tagħna ma waqfet qatt.
- Il-kampanja elettorali tagħna kienet u għadha kif kienet f’dawn il-ħames snin li għaddew.
- Lill-poplu Malti u Għawdxi ngħidulu ħares madwarek ara l-ħerba ta’ madwarek.
- Ħares lejn il-qasam tax-xogħol.
- Ifhem li dawn sittax-il sena ħlewhom għal pajjiżna.
- Ifhem li dawn kellhom il-miljuni kbar li sparpaljawhom.
- Ifhem li jekk int trid veramet li f’pajjiżna jkun hawn ix-xogħol, ix-xogħol fis-sod trid tivvota biex fil-gvern ikun hemm deputati Nazzjonalisti.
- Ifhem li biex ikun hemm gvern serju trid tivvota biex ikun hemm Gvern immexxi mil-Partit Nazzjonalisti.
Lill-poplu Malti u Għawdxi aħna ngħidulu, ħares madwarek.
- Ftakar fl-inġustizzji.
- Ftakar fil-firda.
- Ftakar fl-inkwiet.
- Ftakar f’dak kollu li ġara biex lil dan il-poplu tagħna ma jħallihx jgħix fil-paċi.
- Ftakar fl-inkwiet kollu li għaddejna minnu.
- U ftakar li hemm bżonn li jekk dan il-pajjiż irid jieħu r-ruħ trid titwettaq il-ġustizzja.
Il-kampanja elettorali tagħna hija din.
- Li aħna nwiegħdu lill-poplu tagħna li aħna nkunu verament gvern ġust.
- Li aħna verament inkunu gvern Malti.
- Li aħna verament inkunu l-gvern ta’ kull wieħed u kull waħda fostna.
- Li verament aħna nerġgħu nagħmlu li lkoll nkunu nistgħu ngħidu ta’ aħwa Maltin.
Lill-poplu Malti u Għawdxi aħna ngħidulu li l-kampanja elettorali tagħna hi biex intom bil-vot tagħkom tassiguraw li f’pajjiżna l-libertà tagħna tibqa’ sħiħa.
Kif diġà għidt, forsi sa ftit ġimgħat ilu kien hawn min ma fehemx kif il-libertà tagħna hija mhedda. Kien hawn min ma fehemx kif id-demokrazija ta pajjiżna hija mhedda.
Il-kampanja elettorali tagħna tkompli. Fil-ġimgħat li ġejjin nkomplu induru Malta u Għawdex. Nerġgħu niġu Għawdex ukoll.
U l-vot kotran tagħkom ser ikun il-vot li ftit ġimgħat oħra, b’maġġoranza li qatt ma rajna bħala, jassigura x-xogħol, l-ġustizzja u l-libertà għalina lkoll.
Grazzi ħafna.