Political Context
- English
- Malti
An anti-democratic Government lies about the Opposition
In the 1981 election, the Nationalist Party had chosen as its trusted representatives several ex-policemen to observe the vote-counting process. They were known as those ‘wearing blue jackets’. Labour mounted a campaign charging them with plotting against the State and even accused them in Court. But the Court freed them of every charge against them.
However, an anti-democratic Government kept lying about the Opposition in ordfer to depict the Opposition as engaging in some plot against Malta. (This happened as well when the Opposition invited foreign politicians to Malta, something which Labour deemed to be ‘foreign interference’ and deported them.)
Thus, on the eve of this mass meeting, the Labour Prime Minister claimed that Eddie Fenech Adami, a few days before, had taken part in a ‘plot’ with ex-policemen ‘in the dead of night’. In Żabbar, Fenech Adami explained that this was a reception organised by a number of ex-policemen, among whom Labour ‘lost sheep’, in a public restaurant.
Eddie Fenech Adami dedicated his speech to workers’ rights which had been repeatedly broken by a supposedly ‘workers’ movement’.
Gvern antidemokratiku jigdeb fuq l-Oppożizzjoni
Fl-elezzjoni tal-1981, numru ta’ eks-Pulizija fdati mill-Partit Nazzjonalista kienu ntgħażlu biex jirrappreżentawh fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti ħalli jkun hemm sorveljanza serja. Kienu magħrufin bħala ‘tal-ġakketta blu’. Il-Gvern Laburista għamel kampanja kbira kontrihom jakkużahom b’konfoffa u saħansitra tellagħhom il-Qorti, imma l-Qorti lliberathom minn kull akkuża.
Madankollu, Gvern antidemokratiku baqa’ jigdeb fuq l-Oppożizzjoni: il-Gvern Laburista baqa’ jgħawweġ dak li tagħmel l-Oppożizzjoni biex ipinġiha li kienet qed tagħmel xi ‘konġura sigrieta’ kontra l-pajjiż. (L-istess kien jagħmel il-Gvern Laburista meta l-Oppożizzjoni kienet tistieden politiċi barranin, ħaġa li l-Labour kien iqis bħala ‘indħil barrani’ u jkeċċihom.)
Hekk għamel il-Prim Ministru Laburista lejlet dan il-mass meeting meta qal li Eddie Fenech Adami ftit jiem qabel kien ħa sehem f’‘konfoffa’ ma’ numru ta’ eks-Pulizija ‘fis-satra tal-lejl’. Fenech Adami spjega li dan ma kien xejn għajr riċeviment li għamlulu numru ta’ eks-Pulizija, fosthom ‘nagħaġ mitlufa’ tal-Labour, f’ristorant pubbliku.
Eddie Fenech Adami tkellem l-aktar fuq id-drittijiet tal-ħaddiema li kienu nkisru minn Gvern suppost ‘tal-ħaddiema’.
Transcript
Ħuti Maltin u Għawdxin.
Għal darb’oħra, qed niltaqgħu f’din it-triq, Triq is-Santwarju f’Ħaż-Żabbar. Nassigurakom li din it-triq qatt ma rat daqshekk nies daqs illum.
Ħuti Maltin u Għawdxin.
Ħaż-Żabbar dejjem għażel deputat Nazzjonalista
Kont qed ngħid li din it-triq, tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, qatt ma rat il-kwantità ta’ nies li hawn illum. Jien ċert ukoll li din it-triq qatt ma rat folla daqshekk mimlija b’entużjażmu, folla daqshekk ferħana, folla li ma tħalli ebda dubju dwar fejn qed jonfoħ ir-riħ tar-rebħa.
Minn hawn u ftit ġimgħat oħra niċċelebraw it-tieni rebħa wara xulxin tal-Partit Nazzjonalista.
It-tieni rebħa li biha l-poplu Malti jerġa’ jagħmel l-għażla tiegħu favur il-Partit Nazzjonalista.
Nieħu pjaċir inkun hawn f’Ħaż-Żabbar għax jiena ċert li huma proprju d-distretti ta’ dawn in-naħat, it-tieni u t-tielet distrett, li se jassigurawlna r-rebħa fl-elezzjoni li ġejja.
Fl-imgħoddi, Ħaż-Żabbar dejjem ta deputat. Mill-1947 ’l hawn, Ħaż-Żabbar dejjem għażel deputat Nazzjonalista.
Sa mill-ewwel elezzjoni wara l-gwerra, meta l-Partit Nazzjonalista kien għadu qed jerġa’ jorganizza ruħu, dan id-distrett, Ħaż-Żabbar, kellu d-deputat tiegħu, it-Tabib Ġużè Agius Muscat.
Illum m’għandix dubju li fl-elezzjoni li ġejja Ħaż-Żabbar se jerġa’ jagħtina deputat ieħor minn fost il-kandidati ta’ dan id-distrett.
M’għandix dubju li l-kandidati f’dan id-distrett qed jaħdmu magħqudin flimkien bil-ħila kollha tagħhom, mhux biss biex jagħtuna t-tieni deputat minn hawn, imma jien ċert li ser ituna ħafna aktar miż-żewġ kwoti li għandna bżonn biex ikollna żewġ deputati f’dan id-distrett.
Jiena nħeġġeġ lill-kandidati kollha, lil Renato Agius Muscat, lin-Nutar John Cachia Zammit, lit-Tabib Sandy Cachia Zammit, lill-Avukat Lawrence Gonzi, lil Dottor Ugo Mifsud Bonnici, lit-Tabib Joe Psaila Savona , lill-kandidat żagħżugħ Hermann Schiavone biex ilkoll jibqgħu jaħdmu fil-ftit ġimgħat li baqalna.
Maġġoranza dejjem tikber
Kull meeting li nagħmlu, u tal-lum b’mod partikolari, u kull ġurnata li tgħaddi juruna li l-maġġoranza tagħna qiegħda tikber, qed tissaħħaħ.
Dan mhux aħna biss nafuh, dan jafuh huma wkoll!
Għalhekk, bħalissa reġgħu qabdu l-arma tal-gideb.
L-arma tal-inġurji. L-arma ta’ min ma jafx x’jaqbad jagħmel f’dawn l-aħħar ġranet biex mingħalih ifixkel xi ftit lill-Partit Nazzjonalista.
Min jaqra t-Torċa tal-lum , fl-ewwel faċċata jsib miktub: “konġura kontra l-poplu Malti.”
U l-ewwel risposta tagħna hi li l-konġuri jagħmilhom min m’għandux lill-poplu warajh.
Illejla, f’ Ħaż-Żabbar intom qed ittuna l-ikbar prova li l-poplu qiegħed bi ħġaru wara l-Partit Nazzjonalista
Ghalhekk dan il-kliem ta’ konġura kontra l-poplu Malti hu kalunja, gidba li qalha lbieraħ Karmenu Mifsud Bonnici.
Ilbieraħ, fid-disperazzjoni li għandu meta jara l-partit tiegħu maqsum, meta jara l-ġlied bejn il-kandidati tiegħu, dan infexx fil-gideb.
- Qal li nhar il-Ħamis li għadda kien hemm laqgħa sigrieta u bil-moħbi.
- Qal li din kienet laqgħa li saret fis-satra tal-lejl.
- Qal li din kienet laqgħa f’post imwarrab.
- Qal li din il-laqgħa saret hekk biex jippreparaw ħwejjeġ li aħna jmissna nistħu minnhom.
- Qal ukoll li din il-laqgħa kienet għal bejta kbira ta’ ġrieden kbar.
Issa, biex tkunu tafu, dan kien qed jgħid, għal laqgħa, riċeviment, li għamlu għalija eks-membri tal-Korp tal-Pulizija wara li kien ilhom ix-xhur jitolbuni niltaqa’ magħhom biex nitkellmu ftit.
Din il-laqgħa kellha ssir xi darbtejn oħra u kelli nħassarha minħabba impenji oħra.
Karmenu Mifsud Bonnici giddieb meta jgħid li din kienet laqgħa sigrieta u moħbija.
Din kienet laqgħa f’post fejn jien iltqajt ma’ diversi nies oħra. Post pubbliku f’ristorant li hemm Ta’ Qali. Hemmhekk, ilqajt l-istedina ta’ dawn l-eks-membri tal-Pulizija. U jiena ma mortx hemm fis-satra tal-lejl. Mort fit-tmienja ta’ filgħaxija. Tkellimt magħhom, fraħna b’xulxin, ferħu b’xulxin huma, għax uħud minnhom kienu ilhom ma jiltaqgħu ma’ xulxin.
Jien tlaqt minn hemm għall-ħabta tad-disgħa u kwart. Meta kont ħiereġ indunajt li t-toroq kollha li jagħtu għal Ta’ Qali kien hemm fihom pulizija u suldati li għamlu roadblocks ma kullimkien.
Lili ma waqfunix imma lil dawk li kienu hemm għar-riċeviment waqfuhom.
- Ħasbuhom dawk id-delinkwenti li jkunu magħhom.
- Ħasbu li dawn armati kif ikunu dawk li jkunu magħhom.
- Fittxewlhom fil-karozzi u taħt il-karozzi sakemm xi uffiċjali li kienu hemm stħaw u qalulhom: “Hekk ordnawlna, xi tridna nagħmlu, ikollna infittxulkom.”
Mbagħad wara ċertu żmien, bejn wieħed u ieħor, mitejn li kienu hemm ħallewhom jgħaddu.
Din hi dik li Karmenu Mifsud Bonnici għoġbu jsejħilha konġura.
Dawn xi kriminali kienu.
Dawn kienu nies onesti. Nies onesti li wara l-aħħar elezzjoni is-Soċjalisti tawhom il-laqam “tal-Ġakketta Blu” biex mingħalihom iġibu skuża għat-telfa li ġarrbu dakinhar. Lil dawk in-nies kienu tellawhom il-Qorti u l-Qorti tathom ċeritifikat ta’ onestà, ta’ nies li m’għamlux ħlief id-dover tagħhom.
Imma b’dan kollu, lejliet l-elezzjoni jridu jerġgħu jqajmu dawn il-fantażmi u jippruvaw ibeżżgħu lill-poplu li l-Partit Nazzjonalista għandu xi konġura.
Aħna mhux konġura għandna.
Aħna għandna rieda soda.
U, ladarba l-poplu magħna, wara l-elezzjoni aħna ser inkunu fil-gvern.
Kampanja ta’ gideb, qerq, theddid u tixwix
Nerġa’ ngħid, din kienet laqgħa ta’ xi mitejn eks-membru tal-Korp tal-Pulizija.
Jien kont hemm fosthom narahom ferħanin, jitkellmu bejniethom u jirrakkuntaw iż-żminijiet meta l-Korp kollu tal-Pulizija kien korp serju.
Smajthom jitkellmu bejniethom u jgħidu li meta kienu fil-Korp uħud minnhom ġew miżmuma milli jagħmlu d-doveri tagħhom.
Jien kulma għamilt kien diskors ta’ ftit minuti li fih l-ewwel nett irringrazzjajthom talli meta kienu fis-servizz qdew lill-poplu Malti onestament skond il-ġurament ta’ lealtà li kull wieħed minnhom kien ħa lejn il-poplu Malti.
Jien nifhem għaliex ġew daqshekk numerużi biex jiltaqgħu miegħi.
Ġew daqshekk numerużi għaliex dawn huma sezzjoni fost il-poplu Malti li daqu l-imrar li temagħhom u sqiehom il-Gvern. Uħud minnhom sofrew inġustizzji u kellhom jitilqu mill-Korp qabel iż-żmien. Uħud minnhom ġew imġiegħla jitilqu mill-Korp qabel iż-żmien.
Kollha kemm huma sofrew l-inġustizzja meta dan il-Gvern Soċjalista neħħielhom id-drittijiet li kellhom skond il-liġi tal-pajjiż.
B’mod partikolari, qed ngħid għad-dritt tal-pensjoni li suppost igawdu l-pulizija.
Għalkemm dan il-Gvern ħalla d-dritt li l-pulizija li jirtiraw wara ċertu numru ta’ snin ta’ servizz, nafu li bosta qed jitilfu l-biċċa l-kbira tal-pensjoni jekk mhux il-pensjoni kollha.
Dan ghaliex minn dawk li jirtiraw bil-pensjoni tas-servizz, numru kbir minnhom, għax għadhom b’saħħithom, jibdew jghamlu xi xogħol iehor, u minhabba f’hekk titnaqsilhom il-persjoni.
Fil-ftit ħin li kellimthom, jien għidtilhom li nimpenja ruħi u nwiegħed, kif diġà wegħidna fil-programm elettorali tal-1981 u kif wegħedna dakinhar stess li biddlu l-liġi fil-Parlament, li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħti d-drittijiet sħaħ kollha li kellhom il-pulizija qabel ma neħħihomlhom dan il-Gvern.
Lil dawn l-eks-membri tal-Korp tal-Pulizija m’għidtilhomx ħaġa oħra ħlief li jġibu ruħhom bħal kull ċittadin Malti u, bħal kull ċittadin Malti, jagħtu s-sehem tagħhom, partikolarment bil-vot tagħhom, dakinhar tal-elezzjoni.
Din kienet il-laqgħa li Karmenu Mifsud Bonnici għoġbu jsejħilha konġura bil-moħbi fis-satra tal-lejl u lil dawk li sejħilhom bejta ġrieden.
Jiena ngħidlu dawk mhux bejta ġrieden kienu. Dawk ħafna minnhom kienu ‘nagħaġ mitlufa’, nies li kienu magħkom u telqukom u llum qegħdin hawn fostna u magħna.
Ħbieb tiegħi,
Biex ikompli jżid fil-gideb, Karmenu Mifsud Bonnici qal li fost dawk f’dak ir-riceviment kien hemm avukat li kien mexxa lil dawk li jsejħilhom tal-Ġakketta Blu.
Kulħadd jifhem li kien qed jgħid għall-Avukat Austin Gatt. Imma dakinhar Austin Gatt anqas biss kien hemm għax ma kellux għalfejn ikun hemm.
Din kienet laqgħa li jien għandi dritt nagħmilha ma kull ċittadin Malti
Jien għandi dritt niltaqa’ ma’ kull min irid ikellimni.
Karmenu Mifsud Bonnici kompla qal li kieku din kienet laqgħa normali ma kienx imissna morna Ta’ Qali.
Aħna għalina r-ristorant f’Ta’ Qali daqs ir-ristorant tal-aqwa lukanda u ma jgħidilniex hu fejn niltaqgħu.
Iżda, jekk irid li nerġgħu niltaqgħu, hu jkun jaf jista’ jiġi jieħu r-ritratti. Inwiegħed laqgħa oħra għal dawk kollha li kienu fil-Korp tal-Pulizija, biex ikun jaf jekk irid kif jifmuha u xi jħossu dawn in-nies.
Imma, nittama li issa dan ma jippretendix li lill-eks-membri tal-Korp tal-Pulizija, mhux biss neħħielhom id-drittijet tal-pensjoni, imma beħsiebu jpoġġihom fi klassi differenti qishom ċittadini tat-tieni klassi f’pajjiżna u li dawn m’għandhomx dritt jiltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Imma Karmenu Mifsud Bonnici ma qalx biss dan id-diskors.
Ipprova jintimida wkoll.
Ipprova jbeżża’.
Tiftakru li fl-1984 kien qal li kien għamel il-listi tat-teachers tal-iskejjel tal-Knisja.
Tiftakru li hu kien ftaħar ma’ ġurnalist barrani li dawk l-ismijiet kien xerridhom fil-każini tagħhom.
Hekk reġa għamel lbieraħ meta semma’ b’isimhom tlieta jew erba’ uffiċjali li kien hemm.
Jien ngħidlu mhux dawk biss kien hemm eks-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Kien hemm oħrajn ukoll.
Dan ftaħar li għandu l-lista tagħhom kollha. Jien m’għandix dubju li għandu din l-lista tagħhom kollha, għax dawn ħarġu mingħajr ebda ħabi.
Ħarġu mingħajr ebda ħabi allavolja kienu jafu li kien hemm sħabhom pulizija jistennewhom.
Ħarġu lkoll flimkien u ħadd minnhom ma kellu għalfejn jibża’ u ma jurix li kien qiegħed hemm f’din il-laqgħa li kellhom miegħi.
Imma dan ried ibeżża’ u qal li lest li jxandar l-ismijiet tagħhom kollha.
Jiena naċċertah li ebda wieħed minn dawk li kien hemm mhu ser jiddejjaq għax ixandar ismu għax iltaqa’ miegħi.
Jien għandi dritt inkellem lil kulħadd f’pajjiżna.
Jiena nibqa’ lura minn ċerti affarijiet. Imma jekk irid jiena lest li nkellem mhux biss lil dawk li kienu membri tal-Korp tal-Pulizija iżda, bil-kunsens tiegħu u jekk jrid, jien lest li nkellem lil dawk li għadhom fil-Korp tal-Pulizija u ngħidilhom x’jistenna minnhom il-Partit Nazzjonalista.
- Ngħidilhom x’wegħedhom il-Partit Nazzjonalista.
- Ngħidilhom x’jistenna minnhom il-poplu Malti.
Aħseb b’moħħok
Ħbieb tiegħi,
Nerġa’ ngħid, tagħhom hi biss kampanja, ta’ theddid, ta’ tixwix, ta’ qerq, ta’ gideb, minn min messu jaf aħjar.
Imma lilna dawn l-affarijiet mhux ibeżżgħuna, mhux jaqtgħulna qalbna, imma jikkonfermawlna li f’dan il-pajjiż ir-rebħa sejra tkun żgur tal-Partit Nazzjonalista.
Għaliex il-poplu mhux sejjer jivvota jekk mhux fuq l-aktar affarijiet importanti għalih.
U, fost l-aktar ħwejjeħ importanti għall-poplu Malti, huma l-ħaddiema tiegħu, x-xogħol fil-pajjiż, u d-drittijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Jien m’għandix dubju li l-ħaddiema Maltin, li huma l-kotra l-kbira, kważi t-totalità tal-poplu Malti, dan illum qegħdin jeżaminawh bir-reqqa.
Qegħdin jaraw x’jaqbel għal pajjiżna biex ikun hawn ix-xogħol. Jekk jaqbilx għal pajjiżna li id-drittijiet tal-ħaddiema jerġgħu jissaħħu.
Jekk jaqbilx li jkun hemm gvern Socjalista, kif kellna fis-16-il sena li għaddew, jew jekk jaqbilx u hux fl-aħjar interess tal-poplu tagħna, li jkun hemm gvern magħmul mill-Partit Nazzjonalista.
U dan hu l-appell tiegħi mill-qalb lil kull ħaddiem Malti u Għawdxi.
- L-appell tiegħi hu, aħ
- Aħseb b’moħħ
- Kun raġel miegħek innifsek.
- Kun raġel ma’
- Kun raġel mal-poplu Malti.
- Ara mniex għadda dan il-pajjiż u ħallik mill-preġudizzji.
- Ħallik minn xi rabtiet fanatiċi ma’ xi partit.
- Uża moħħok.
U l-eżempju għal dan tahulhom wieħed li kien fost il-mexxejja ewlenin tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Tajjeb li għal darb’oħra nerġa’ naqra l-kliem li kiteb Joe Attard Kingswell sentejn ilu meta kien qal: “Fl-opinjoni meqjusa tiegħi hu biżżejjed magħruf li l-veru drittijiet tal-ħaddiema qatt ma kienu mkassbra daqskemm huma llum. Il-Gvern preżenti rnexxielu, b’diversi metodi abbużivi, jiddemolixxi l-għaqdiet kollha tal-ħaddiema flimkien mal-makkinarju kostitwit fl-interess tagħhom sabiex tellifhom mill-ġid u d-dinjità li nkisbu fl-aħħar 30 sena. Bl-iskuża li hu jaf l-aktar u l-aħjar il-bżonnijiet tal-ħaddiema u mgħejjun minn uħud li messhom jafu aħjar, dan il-Gvern taparsi tal-ħaddiema, neżża’ lill-ħaddiema mill-mezzi u l-forza li kellhom biex jotjenu bi dritt dak li hu tagħhom u minflok ġabhom fl-umiljazzjoni li jkollhom jaċċettaw il-loqom li jnewlilhom meta jkun jaqbel lilu biss.”
- Kliem iebes dan.
- Kliem li huwa l-frott ta’ ħsieb.
- Kliem li jqaxxar is-sitwazzjoni f’pajjiżna għar-rigward tax-xogħol.
- Kliem li kull ħaddiem Malti għandu jiżen sew.
Għax dan ifisser li tul dawn is-16-il sena l-ħaddiema ġew imkassbra.
Il-ħaddiema ġew imdgħajfa d-drittijiet tagħhom.
Il-ħaddiema ġew imċaħħda mid-drittijiet tagħhom.
Lill-ħaddiema telfulhom id-dinjità tagħhom.
Lill-ħaddiema użurpawlhom id-drittijiet tagħhom.
Lill-ħaddiema ttradewhom dawk li d-dmir tagħhom kien li jaqbżu għalihom.
Lill-ħaddiema sservew bihom.
Lill-ħaddiema neħħewlhom il-forza li kellhom.
Lill-ħaddiema umiljawhom. Lill-ħaddiema jagħtuhom il-loqom meta jaqbel lilhom biss.
U l-ħaddiem Malti dan li għandu jaħseb fuqu. Dan li għandu jimpressjonah.
“Id-drittijiet tal-ħaddiema”, qal Attard Kingswell, “qatt ma ġew imkasbra daqskemm ġew imkasbra minn dan il-Gvern.”
Il-Ġid u d-Dinjità tal-Ħaddiema
Hawn rridu niftakru, xi affarijiet oħra.
Skond Karmenu Mifsud Bonnici, il-ħaddiem m’għandux ifittex u jagħżel l-aħjar union, għandu jidħol f’union waħda. Il-union li ttradiet l-interessi tal-ħaddiema.
Skond dan il-Gvern aktar minn 20,000 ħaddiem tul dawn is-snin kellhom jidħlu f’korpi militari mingħajr id-dritt kostituzzjonali bħala ħaddiema. Mingħajr id-dritt fondamentali li tingħaqad u tissieħeb ma’ sħabek ħaddiema, id-dritt li ġej mill-fatt li inti bniedem.. Dan id-dritt ġie miċħud għal aktar minn 20,000 ħaddiem Malti meta dawn kellhom jidħlu f’korpi militari.
Nafu kif dan il-Gvern kasbar id-drittijiet tal-ħaddiema meta għamel użu mill-fatt li dawn kellhom jidħlu jew f’korpi jew inkella x’imkien ieħor jaħdmu u dawn sfaw ikkastigati. Sfaw sospiżi. Sfaw imkeċċija meta kulma għamlu hu li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom u qalu le għal min kien qed jeħodha kontra tagħhom.
Għandna l-aħħar ċertifikat lit-tobba tal-Gvern mill-Qrati tagħna. F’sentenza reċenti, fil-każ tal-ħaddiem Vassallo Gatt, il-Qorti qalet li l-Gvern riedu jiffirma dikjarazzjoni li hija inumana u degradanti. Hija umiljanti, għal kull ħaddiem.
Il-ħaddiem Malti jrid jiftakar li flok issaħħu d-drittijiet tiegħu, flok akkwista aktar drittijiet ta’ partiċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol tiegħu, illum kellu biss jgħid iva għal dak kollu li ġie impost fuqu. Il-ħaddiema jridu jiftakru li ddgħajfu bħala għaqda u iddgħajfu bħala kategorija soċjali f’pajjiżna. Iddgħajfu għaliex iddgħajfu l-għaqdiet kollha tagħhom.
L-iktar li ddgħajfet kienet u hi l-General Workers Union. Il-General Workers Union li fl-1978 għoġobha tiffirma l-għaqda mal-Partit Laburista fil-gvern. Għaqda li tgħid li meta l-gvern hu magħmul mill-Partit Laburista dak li jiddeċiedi l-Gvern jorbot lill-ħaddiema, jorbot lill-General Workers Union.
Irridu niftakru kif ħadha dal-Gvern kontra d-dritt tal-ħaddiema li jingħaqdu fil-unions tagħhom.
L-ewwel li għamel kien ipprova jeħles mill-istess Attard Kingswell bejn l-1971 u 1976 meta bagħtu ambaxxatur. Meta dan ġie lura u reġa’ ħa l-union f’idejh u riedha tibqa‘ union sħiħa u mhux seftura tal-gvern tal-ġurnata, nafu li lil dawn spiċċaw biex warrbuh minn kollox.
Imma mhux hu biss ġralu hekk. Dawk fostkom li jaħdmu fit-Tarzna jafu li s-Segretarju tat-Taqsima tal-Metall, Mike Seychell, għax ipprova jaqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema kif kien dmir tiegħu, dan wkoll spiċċa msawwat u mkeċċi.
F’dik l-ittra, mimlija sustanza, mimlija ħsieb, Attard Kingswell jgħid ukoll li: “dan il-Gvern dgħajjef il-makkinarju kostitwit fl-interess tal-ħaddiema.”
Nerġa’ nfakkar li fl-1976 saret liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali, liġi li dan il-Gvern kien wegħedha ħames snin qabel u għamilha lejliet l-elezzjoni tal-1976.. Dik il-liġi għadha sal-lum mhiex qed tiġi mwettqa għal dak li jirrigwarda id-drittijiet tal-ħaddiema tal-Gvern.
Irridu niftakru kif dan il-Gvern ġab lill-ħaddiema mingħajr il-makkinarju neċessarju biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom.
Hekk għamel, pereżempju, meta neħħa d-dritt lill-ħaddiem li meta jkollu bżonn jsib hu lil min jiddefendih quddiem it-Tribunal Industrijali. Nafu b’diveri każi ta’ ħaddiema li, għax ma kinux membri tal-General Workers Union sfaw mingħajr difiża quddiem it-Tribunal Industrijali.
Ħuti ħaddiema,
Hemm bżonn li tifhmu sew x’inhuma dawn in-nies u ma tħalluhomx iqarrqu aktar bl-għajta li huma l-Moviment tal-Ħaddiema.
Dawn qed imorru ħdejn il-fabbriki. F’dal-ġranet marru ħdejn l-airport, u ġiegħlu l-ħaddiema, u qed ngħid il-kelma preċiża, ġiegħlu l-ħaddiema, jmorru hemm biex ikollhom daqsxejn ta’ folla quddiemhom.
Jiena ċert li l-akbar qata’ ser joħduha wara l-elezzjoni meta jindunaw li dawk li qed imorrulhom quddiem, huma voti tal-Partit Nazzjonalista. Ħafna minnhom huma voti tal-Partit Nazzjonlista u jmorru juru ruħhom għax jafu li dan Gvern vendikattiv. Dan Gvern li jagħmel l-inġustizzji. Dan Gvern li jiddiskrimina kontra dawk li ma jaqblux miegħu politikament.
Jgħidilna Attard Kingswell li: “dan il-Gvern tellef il-ġid u d-dinjità tal-ħaddiema.”
Tellef il-ġid!
Kulħadd jiftakar li din hija l-ħames sena li fiha l-pagi huma ffriżati, li ma setgħux jingħataw żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, anke fejn setgħu jingħataw.
Il-Gvern, li llum qed jisparpalja u jberbaq il-miljuni tal-liri qabel l-elezzjoni, qed jagħti prova li, kieku ried, seta’ ta ż-żidiet. Imma ħalla sa lejliet l-elezzjoni biex il-flus iberbaqhom.
U, minflok ma jagħti ż-żieda li hemm bżonn, illum qed jagħti żieda, mhux lil kulħadd, lil dawk li qed jagħtihom promotion lejliet l-elezzjoni.
Harsu lejn l-iskandlu tat-Telemalta. Hemm, minn 1,200 impjegat għażlu 900 u tawhom promotion. Jiġifieri ser iżidulhom il-pagi. U t-300 l-oħra dawk le. Dawk ma ħaqqhomx żieda.
Dawn inġustizzji li l-ħaddiema Maltin jifhmuhom. Dawn inġustizzji li, b’leħen qawwi, l-ħaddiema Maltin jgħajtu li ma jriduhomx.
l-ħaddiema Maltin ser jagħtu l-prova li ma jridux dawn inġustizzji meta jmorru u bil-vot tagħhom fis-sigriet tal-kamra tal-votazzjoni jagħtu l-vot tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.
Dan Gvern, qalilna Attard Kingswell, li tellifhom il-ġid lill-ħaddiema, tellifhom il-ġid.
Sal-1978, f’Malta kien hawn ħafna li kellhom żewġ pensjonijiet. Kellhom il-pensjoni li tissejjaħ tas-servizz, il-pensjoni ta’ dawk kollha li jaħdmu mal-Gvern, li kien tahielhom kollha l-Gvern Nazzjonalista tas-snin sittin, u l-pensjoni tal-bolla.
Fl-1978, il-Gvern Soċjalista qal li ħadd f’Malta m’għandu jkollu aktar minn pensjoni waħda ta’ żewġ terzi tal-paga. U b’hekk tellef il-miljuni, miljuni ta’ ġid lill-ħaddiema.
Din kienet waħda mir-raġunijiet tal-ġlieda kbira li kien hemm fil-General Workers Union fl-1978 meta l-Gvern ried jagħmel dik il-liġi biex taparsi jagħti l-pensjoni lil kulħadd, mentri fil-fatt, il-kotra batew u kienu l-ftit li ħadu xi ħaġa aktar milli kellhom.
Għalhekk, kellu raġun Attard Kingswell jgħid li dan il-Gvern tellef il-ġid lill-ħaddiema u tellef ukoll, jgħidilna, id-dinjità.
Diġà semmejt sentenza tal-Qorti ta’ dawn il-ġranet. Ma kienx biss Vassallo Gatt li ġie mitlub jiffirma dik id-dikjarazzjoni li l-Qori qalet li hija kontra d-dinjità tal-ħaddiem. Kienu mijiet li obdew id-direttiva tagħna li ma jmorrux ix-xogħol fl-Imnarja u meta mbagħad, taparsi fil-ħniena tiegħu, l-Prim Ministru Mintoff ħafrilhom, huma ġew mitluba jiffirmaw dikjarazzjoni.
Jien kont tajthom il-parir li jiffirmaw għax dik il-biċċa karta m’għandha ebda valur legali, ma tiswa xejn, għax hi kontra d-drittijiet tal-ħaddiema.
U llum, dak li għidna dakinhar hu kkonfermat mill-Qorti tagħna li tgħid li dik il-biċċa karta ma tiswa xejn għax tmur kontra d-dinjità, tmur kontra d-drittijiet fundamentali ta’ kull ħaddiem f’pajjiżna.
L-użu tal-vjolenza
Jkompli jghid Attard Kingswell li: “dan il-Gvern jippretendi li hu jaf l-aktar u l-aħjar il-bżonnijiet tal-ħaddiema.”
Naħseb li kulħadd jifhem dan xi jfisser. Jfisser li
- Għandna Gvern li ma jistma lil ħadd.
- Għandna Gvern li jistma biss lil min lest li joqgħod għal li jrid hu.
- Għandna Gven li kisser id-drittijiet fondamentali tagħna u jagħżel bejn ħaddiem u ieħor.
- Għandna Gvern li taħtu rajna l-vjolenza toktor. Rajna l-vjolenza tiġġerra mat-triqat. U ħadd ma jgħidilna li ma setgħux dik il-vjolenza jikkontrollowha.
Illum hawn ktieb li forsi qrajtuh. Jien qrajtu. Kiteb ta’ eks-Kummissarju tal-Pulizija Effie Bencini li fih jgħid li, meta kienu jsiru dawk id-dimostrazzjonijiet hekk imsejħa spontanji fil-Belt fis-snin sebgħin, dawk waqfu ħesrem meta hu qal li ma kienx ser jittollerahom iżjed.
Kien ċar għalih, għall-Kummissarju Bencini, li dawk ma kienu dimostrazzjonijiet spontanji xejn. Dak kien l-użu tal-vjolenza li kultant jagħmlu użu minnu biex mingħalihom ibeżżgħu lil min hu kontra tagħhom.
Imma l-effett aħħari tal-użu tal-vjolenza mis-Soċjalisti hu dan il-baħar ta’ nies li hawn quddiemi llejla. Dan il-baħar ta’ nies li ma jridx ħaġa oħra ħlief il-libertà. Ma jridx ħaġa oħra ħlief li jgħix fil-kwiet.
U, meta fl-imgħoddi saru dimostrazzjonijiet “spontanji”
- bħal meta ġew kissru d-dar tiegħi, fil-15 t’Ottbru tal-1979;
- bħal meta dawk li Karmenu sejħilhom l-aristokrazija tal-ħaddiema marru jkissru l-Kurja.
Aħna dejjem għedna li għalina dawn mhuma dimostrazzjonijiet spontanji xejn.
- Dan hu l-użu tal-vjolenza minn partit li ma jemminx fid-demokrazija sħiħa.
- Dan hu l-użu tal-vjolenza minn partit li mhux kapaċi jilgħab il-logħba kif suppost.
U jien nappella hawn, fil-klima li hawn illum, fil-ġurnata tal-lum, meta ż-żewġ partiti ltaqgħu u qalu li hemm bżonn bis-serjetà li kemm nistgħu nevitaw l-inċidenti f’pajjiżna: Hemm bżonn li l-klima li hawn illum tkompli l-kampanja elettorali kollha.
Skond It-Torċa tal-lum, ilbieraħ il-Prim Ministru qal li hu lest li jiltaqa’ mhux fil-moħbi, imma fil-beraħ, fil-pubbliku, biex tinżamm l-ordni.
Jien ngħidlu minn hawn li jien lest li xħin trid, jien u il-Partit Nazzjonalista kollu lesti biex niltaqgħu miegħek.
Niltaqgħu ma’ min trid biex niżguraw li fl-elezzjoni li ġejja, fil-kampanja elettorali, dakinhar tal-elezzjoni, fil-ġranet ta’ wara l-elezzjoni, pajjiżna jkun hawn il-kwiet li l-poplu tagħna tant jixtieq u jħobb.
Naraw iżommx kelmtu. Qed ngħidlu li jien, iva, lest jekk irid li niddiskutu mhux biss minn issa sal-elezzjoni, niddiskutu lejliet l-elezzjoni, niddiskutu l-ġurnata tal-elezzjoni x’hemm bżonn isir.
Aħna lesti. Mhux biss aħna lesti, aħna ilna nitolbu biex dan isir.
L-ordni u l-kwiet fil-pajjiż
Dan l-aħħar Alfred Sant qabadha mal-Kummissjoni Elettorali.
Dan nesa li l-għażla tan-nies hemmhekk għamilha l-Prim Ministru ħlief għal tlieta minnhom.
Illum jikkritikahom u skond It-Torċa tal-lum reġa’ qal: “li jrid ikun hemm assigurazzjoni li mhux ser ikun hawn organizzazzjonijiet paramilitari.”
Jiena ngħidlu, il-Partit Nazzjonlista qatt ma kellu organizzazzjonijiet paramilitari.
Kienu n-nies tagħkom, anke fl-aħħar elezzjoni, anke waqt l-għadd tal-voti, li f’mument minnhom daħlu bi trakk, kissru l-wire fence li kien hemm, biex ma tidħolx fil-preċint fejn qed jingħaddu l-voti.
Hu lil dawk, il-kriminali, lid-delinkwenti ta’ madwarkom, lil dawk tridu tikkontrollaw.
U biex iżżomu l-ordni, biex fil-pajjiż ikun hawn il-kwiet, issibu li l-Partit Nazzjonalista lest li jagħtikom l-appoġġ kollu u li jagħmel dak kollu li hemm bżonn.
Hemm bżon li nifhmu.
Hemm bżonn li dak il-kliem ta’ Attard Kingswell nifhmuh kelma b’kelma.
Kompla jgħid li: “il-Gvern preżenti ġie mgħejjun minn uħud li jmisshom jafu aħjar biex kasbar id-drittijiet tal-ħaddiema.”
Intom tifhmu kemm dan hu minnu għax il-Prim Ministu li għandna llum hu wieħed minn dawk in-nies li jmissshom jafu aħjar.
- Imissu jaf aħjar kif iġib ruħu mal-ħaddiema.
- Imissu jaf aħjar kif iġib ruħu mal-poplu Malti.
Jien ilni nafu s-snin lill-Prim Ministu. Ili nafu minn mindu konna l-università flimkien. Minn meta għal ħafna snin, hu u jien ħdimna flimkien, iddiskutejna min jaf kemm sigħat fil-ġimgħa għal ħafna snin, kif pajjiżna jista’ jiġi ’l quddiem, kif il-ħaddiem Malti nistgħu nagħmlulu l-ġid, kif is-soċjetà Maltija tista’ tkun soċjetà aħjar milli kienet dakinhar, milli hi llum.
U llum veru jiskandalizzak Karmenu Mifsud Bonnici.
Jien ngħoddu fost dawk li jmisshom jafu aħjar. Imissu jaf aħjar kif id-drittijiet tal-ħaddiema ġew imkassbra minnu stess.
Il-ħaddiema tal-bank jiftakru meta fit-tilwima fl-1977, jew tmienja u sebgħin, Karmenu Mifsud Bonnici kien mar b’messaġġ u qallhom: Fittxu rranġaw għax il-Gvern inkella ser jagħlaq iż-żewġ banek u kulħadd jitkeċċa ’l barra u qal jagħmlu bank wieħed.
Verament imissu jaf aħjar!
Mhux hekk kien jirraġuna, għoxrin u ħamsa u għoxrin sena ilu.
Mhux hekk kien jirraġuna dak iż-żmien.
U llum ngħodduh fost dawk li jsemmi Attard Kingswell li jmisshom jafu aħjar.
Il-PN l-aqwa difensur tad-drittijiet tal-Ħaddiema
Dak il-paragrafu li qrajtilkom ikompli u Attard Kingswell jgħid: “dan il-Gvern taparsi tal-ħaddiema”.
Taparsi tal-ħaddiema.
- Din il- frażi imissha tweġġagħhom.
- Imma din hi l-verità.
- Mhux veru li dawn huma l-Partit l-Ħaddiema.
Mhux veru li dawn qed imexxu l-pajjiż fl-interessi tal-ħaddiema. Uħud minnhom mexxew il-pajjiż fl-interess tagħhom biex saru sinjuri, biex saru miljunarji.
Mhux veru li dawn huma l-Partit tal-Ħaddiema.
- Dawn huma l-partit li llum għandhom fosthom numru ta’ nies korrotti.
- Dawn huma nies li jagħtu protezzjoni lil min jafu li hu korrott.
- Dawn huma nies li jagħtu protezzjoni lil min jafu li huwa kriminali.
- Dawn huma nies li mhux veru għandhom l-interess tal-ħaddiema għal qalbhom, imma huma nies li għal ħafna snin isservew bil-ħaddiema. Rikbu minn fuq dahar il-ħaddiem.
Lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin ngħidilhom:
Imma possibbli li għad hawn min ma fetaħx għajnejh?
Possibbli li lil dawn in-nies għad hawn min jista’ jafdahom?
Possibbli li għad hawn min jista’ jaħseb li l-partit l-ieħor veru jrid il-ġid tal-ħaddiema, meta l-ħaddiem Malti għadda minn dan kollu tul is-sittax-il sena li għaddew?
Tagħhom mhux il-Partit tal-Ħaddiema. Tagħhom hu l-partit li sserva bil-ħaddiema.
Illum aħna niftaħru li aħna l-partit tal-ħaddiema, il-partit tal-poplu kollu. Aħna rridu l-ġid għall-poplu Malti billi joktor il-ġid fil-pajjiż u l-ħaddiem jieħu s-sehem xieraq minnu, is-sehem xieraq kif jixraq.
Dan għaliex hu l-ħaddiem li verament ikattar il-ġid fil-pajjiż.
U jkompli Attard Kingswell u jgħid: “dan il-Gvern neżża’ lill-ħaddiema mill-mezzi u l-forza li kellhom biex jottjenu bi dritt dak li hu tagħhom.”
Neħħielhom il-mezzi u l-forza.
Diġà semmejt kif lill-ħaddiema neħħielhom l-aqwa forza li għandhom, l-għaqda.
Mhux għaqda f’union waħda. L-għaqda ta’ bejniethom il-ħaddiema.
Is-sens ta’ solidarjetà li bih jifhmu x’inhu verament ta’ ġid għalihom.
Qatt ma rajna l-firda fuq il-postijiet tax-xogħol li rajna f’dawn l-aħħar snin.
Qatt ma rajna daqstant ħsara fuq il-postijiet tax-xogħol daqskemm rajna f’dawn l-aħħar snin.
Din hi l-firda li ġabu fost il-ħaddiema.
U jien lill-ħaddiema ngħidilhom, araw l-interessi tagħkom verament x’inhuma. Għax l-interessi tagħkom huma l-interessi tal-Maltin kollha.
Nerġa’ nsemi lill-ħaddiema tat-Tarzna.
It-Tarzna li llum għandha tant diffikultajiet. Il-ħaddiema li jaħsbu, u huma l-kotra li jaħsbu, jafu li t-Tarzna setgħet imxiet aħjar.
It-Tarzna tista’ timxi aħjar.
It-Tarzna sejra timxi aħjar meta nneħħu l-politika min-nofs.
It-Tarzna sejra timxi aħjar meta ikun hemm gvern serju li lill-ħaddiema jagħtihom l-opportunità li jmexxu huma kemm hemm bżonn, imma jmexxu verament skond l-interessi tagħhom u mhux skond l-interessi ta’ xi partit politiku.
Attard Kingswell jkompli u jgħid li: “dan il-Gvern lill-ħaddiema umiljahom.”
L-ikbar umiljazzjoni llum hi dik li l-ħaddiema bla xogħol m’għandhomx x’jagħmlu ħaġa oħra ħlief jittallbu l-pjaċir ta’ xi kandidat tagħhom, ta’ xi Ministru tagħhom.
Illum il-ħaddiema umiljati għaliex mhux iktar tieħu l-promozzjoni li ħaqqek, mhux iktar tieħu d-drittijiet li huma tiegħek, imma trid titkarrab, trid tittallab lil xi ħadd.
Trid lil xi ħadd jagħmillek pjaċir biex tieħu dak li hu tiegħek.
lill-ħaddiema Maltin dan il-Gvern verament umiljahom u umiljahom mhux ftit.
Umiljahom l-aktar meta għal ħafna snin ħalliehom bla xogħol. U issa, lejliet l-elezzjoni, biex jisirqilhom il-vot tagħhom, f’daqqa waħda nstab ix-xogħol għal eluf ta’ ħaddiema.
Jumiljahom lill-ħaddiema Maltin għemil bħal talMinistru Freddie Micallef f’dal-ġranet.
Dan qal, li fil-ġimgħat u l-ġranet li ġejjin il-Gvern se jsib ix-xogħol lil dawk kollha li huma ħandikappati u qed jirreġistraw għax-xogħol.
Dan nesa li dik kienet liġi magħmula mill-Gvern Nazzjonlista fl-1969, meta kien hemm Ministru Ċensu Tabone. Din il-liġi tgħid, li hu l-obbligu ta’ kull min iħaddem ċertu numru ta’ nies li jdaħħal fosthom nies li jkollhom xi inkapaċità jew handicap u li jista’ jagħmel xi xogħol.
Dik il-liġi ħallewha fuq l-ixkaffa għal ma nafx kemm snin u issa il-Ministru tax-Xogħol qed jumilja lil dawn in-nies u jgħidilhom li issa, lejliet l-elezzjoni, issa ser nagħtukom ix-xogħol.
Għalija dan hu l-ikbar insult, l-ikbar umiljazzjoni lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Jkompli Attard Kingswell u jgħid: “Jumiljahom billi issa joffrilhom il-loqom u joffrilhom il-loqom biss meta jaqbel lilu.”
Joffrilhom il-loqom u joffrihomlhom biss meta jaqbel lilu.
Għal snin sħaħ, mill-1982 ’l hawn, n-numru ta’ dawk jirreġistraw kien dejjem madwar l-għaxart elef. Issa, lejliet l-elezzjoni,qed joffrilhom il-loqom.
Joffri l-loqom lil dawk li daħluhom fil-korpi u lil tad-Dejma.
Tad-Dejma jafu iktar minni liema kondizzjonijiet offrewlhom għax sabuhom bla xogħol. Kien hemm żmien meta dawk kienu jaqbdu paga f’idejhom t’għaxar liri fil-ġimgħa. Kien hemm żmien meta lil dawn sfruttawhom bl-aktar mod oxxen.
Dawn huma l-loqom li joffri l-Gvern Soċjalista meta jrid hu u meta jaqbel lilu. Għalhekk, li ma jistax ikun li l-poplu Malti u Għawdxi li fil-kotra tiegħu ħaddiema, li fil-kotra tiegħu nies li jridu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum bix-xogħol tagħhom, jinsa dan kollu u dak li ġarrab u jivvota lill-partit l-ieħor.
Lill-ħaddiema li hemm fil-korpi qed jgħidulhom li jekk jitla’ l-Gvern Nazzjonlista jitilfu x-xogħol tagħhom.
Għidtha diversi drabi, u nerġa’ ngħidha, Gvern Nazzjonalista ma jtellef xogħol lil ħadd.
Gvern Nazzjonalista jsib ix-xogħol permanenti. Ix-xogħol veru jiġifieri lill-ħaddiema.
Hija umiljanti tara l-ħaddiema iħaffru t-trinek jew jaqtgħu l-ħaxix fit-toroq b’suldat għassa magħhom.
Is-suldati nirrispettawhom daqs kull ħaddiem ieħor.
Lis-suldati wkoll irridu nerġgħu ntuhom id-dinjità tagħhom.
Lis-suldati wkoll irriduhom jerġgħu jkunu verament suldati.
Armata veru li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tad-difiża ta’ pajjiżna.
Imma ma rridux lis-suldati jpoġġuhom għassa ma sħabhom il-ħaddiema.
Dawk ifakkruna fi żmien l-iskjavitù meta kien ikun hemm wieħed bi frosta u jekk ma taħdimx kemm hemm bżonn jagħtik fuq dahrek. Mhux għax qed jagħtuhom fuq daharhom imma għax tassew tal-mistħija tara grupp ta’ ħaddiema jaqtgħu l-ħaxix, kif rajt din il-ġimgħa fi Psaila Street Birkirkara, fejn illum qed jagħmlu meeting huma, u magħhom tara wieħed bl-uniformi jippassiġġa ħalli jara li x-xogħol qed isir.
Ix-xogħol mill-ħaddiem għandu dejjem isir sewwa. Il-ħaddiem għandu jagħti l-aħjar li jista’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Imma m’għandux jkun hemm il-bżonn, u m’hemmx bżonn f’pajjiżna li lil-ħaddiema tpoġġilhom suldati għassa tagħhom.
Ħbieb tiegħi,
Illum tkellimt biss fuq dak li kiteb Attard Kingswell għax f’paragrafu wieħed, irnexxielu jqaxxar is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-ħaddiem Malti llum.
Aħna konxji ta’ dan.
Aħna dan nifhmuh.
Aħna verament qalbna mal-ħaddiema.
Aħna verament irridu l-ġid tal-ħaddiema.
Lil Karmenu Mifsud Bonnici jien ngħidlu li għamel affarijiet li ma messux għamel.
Jien li ilni nafu 25 sena, l-istess kif hu, u hu jaf x’inhu verament il-ġid tal-ħaddiema. Imma, llum mhux kapaċi jaħdem għal ġid tal-ħaddiema għax flok ħataf il-partit f’idejh u ġabu skond l-ideali li wieħed għandu jkollu meta jifhem x’inhuma d-drittijiet u l-ġid tal-ħaddiema, ħalla lilu nnifsu jiġi mirbuħ u icċirkondat min-nies li rikbu fuq il-ħaddiema u wara kasbruhom u kkalpestawhom.
Aħna nifhmu l-bżonnijiet tal-ħaddiema u għalhekk ilna issa snin sejrin bl-għajta ta’ xogħol bħala l-ewwel għajta tagħna.
Xogħol għall-ħaddiema kollha.
Xogħol għall-pajjiż.
Xogħol għax mingħajr ix-xogħol ma jistax ikollna poplu li jgħix kuntent, poplu li verament ikollu d-drittijiet tiegħu sħaħ.
Imma mal-kelma xogħol aħna nżidu il-kliem ġustizzja u libertà. Dawn tliet kelmiet li ma tistax teħodhom waħda mifruda mill-oħra. Mingħajr id-demokrazija, mingħajr il-libertà ma jkunx hawn il-ġustizzja u mingħajr il-ġustizzja ma jkunx hawn ix-xogħol.
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Baqalna ftit ġimgħat oħra, li fihom ser inkomplu nagħtu l-enerġija kollha tagħna, sakemm Alla jagħtina s-saħħa, biex lil dan il-poplu ngħidulu;
Wasal iż-żmien li int tagħti rebħa.
Wasal iż-żmien li inti tiddefendi darba għal dejjem id-drittijiet tiegħek.
Wasal iż-żmien li inti tassigura, mhux biss għalik jew għalina, imma għal uliedna għal pajjiżna.
Pajjiż, li rridu niftaħru bih, irridu ngħixu fih, pajjiż li fih ikun hemm ix-xogħol, ikun hemm il-ġustizzja, ikun hemm il-libertà.
Grazzi ħafna.