Political Context
- English
- Malti
Labour politicians enriched themselves at the workers’ expense
A recurring political theme before 1987 was Labour’s lack of political and economic vision. Labour made no attempt to attract modern competitive industries to Malta and its only vision was how Labour politicians and their cronies could enrich themselves.
This was referred to in this mass meeting held in Gozo, at Sannat. Eddie Fenech Adami charged Labour ‘on its deathbed’ with awarding large numbers of contracts “so that thousands (of liri) could oil some palms”. This was in contrast to workers’ plight, having their wages frozen for five years while corrupt Labour politicians enriched themselves at the workers’ expense.
Another big issue for many of those years was the laws against the Church, one of which was for the expropriation of Church property. The Church challenged this law in Court on human rights grounds and won the case, but Government appealed. Two months hence, new Prime Minister Fenech Adami renounced that appeal and started a process for the Church and the Government of Malta to eventually sign a historic agreement on Church property and schools giving Church schools considerable public financial aid
Tal-Labour stagħnew minn fuq dahar il-ħaddiema
In-nuqqas ta’ viżjoni politika u ekonomika kkaratterizza s-snin tal-Gvern Laburista qabel l-1987. Il-Labour ma kellux ideat dwar industriji ġodda li seta’ jattira lejn Malta biex joħloq xogħol tajjeb. Minflok, Ministri Laburisti u dawk ta’ madwarhom saru sinjuri huma.
Din kienet waħda mit-temi rikorrenti tal-politika Maltija qabel l-1987 u ssemmiet f’dan il-mass meeting f’Għawdex, f’Ta’ Sannat. Eddie Fenech Adami akkuża lill-Gvern Laburista li kien qed jagħti ħafna kuntratti fl-għafja ta’ mewtu biex “l-eluf jeħlu ma’ jdejn xi ħadd”. Hu silet il-kuntrast bejn ħaddiema li kellhom il-pagi ffriżati għal ħames snin u politikanti Laburisti li stagħnew minn fuq dahar il-ħaddiema bil-korruzzjoni.
Tema kbira f’dawk is-snin kienet ukoll il-liġijiet kontra l-Knisja li l-Gvern Laburista għamel, fosthom liġi biex jieħu l-proprjetà tal-Knisja. Il-Qorti kienet iddikjarat li dik il-liġi kienet tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem, imma l-Gvern appella. Xahrejn wara, Eddie Fenech Adami bħala Prim Ministru kien waqqaf dak l-appell biex il-liġi waqgħet u beda proċess ħalli l-Knisja u l-Gvern il-ġdid jilħqu ftehim dwar il-propjetà tal-Knisja u l-iskejjel tagħha li bdew ikunu megħjuna bil-qawwi mill-Gvern Nazzjonalista.
Transcript
Ħuti Maltin u Għawdxin
Iltqajna llejla f’Sannat għal żewġ raġunijiet.
Iltqajna biex illum ninawguraw uffiċjalment każin ġdid f’dan ir-raħal. Każin ġdid li ċertament ifisser is-saħħa li l-Partit Nazzjonalista għandu f’dan ir-raħal Għawdxi.
Iltaqjna wkoll għax qegħdin fil-kampanja elettorali u aħna rridu li lil Għawdex nagħtuh sehem tal-mass mettings tal-kampanja eletorali.
Intom tafu li tul il-ħames snin li għaddew ġejna hawn inkellmukom. Illum ġejna hawn mhux tant biex nipperswadukom, għax jien ċert li intom l-Għawdxin id-deċiżjoni tagħkom diġà għamiltuha. Ġejna hawn biex kulħadd ikollu l-opportunità li jieħu sehem huwa stess, jipparteċipa huwa stess, f’dawn il-laqgħat ta’ entużjażmu li jfissru d-determinazzjoni tal-poplu Għawdxi u Malti.
Sir Luigi Camilleri
Kif għidt, illum iltqajna hawn ukoll, biex niftħu uffiċċjalment dan il-każin ġdid li se nsemmuh għal Sir Luigi Camilleri.
Dan l’isem għandu sinjifikat partikolari fl-elezzjoni li ser ikollna dalwaqt għax Sir Luigi Camilleri kien ġie elett fl-ewwel Parlament Malti, fl-1921 u għadu mimli bl-għomor. Għadu jirrakkonta l-esperjenza tiegħu ta’ tant snin ilu.
L-isem ta’ dan il-każin, l-isem ta’ Sir Luigi Camilleri, għandu sinjifikat partikolari f’din l-elezzjoni li ġejja għax meta l-poplu Malti u Għawdxi ġie mogħti d-dritt li għall-ewwel darba li jkollu Parlament tiegħu, li jkollu miżura ta’ gvern magħmul mill-Maltin biss, fl-1921, dakinhar saru l-elezzjonijiet u Għawdex kien tella’ erba’ deputati u l-erbgħa deputati kienu erba’ Nazzjonalisti.
Sitta u sittin sena ilu, meta l-poplu Malti u Għawdxi kellu għall-ewwel darba l-għażla tal-gvern tiegħu f’idejh u kellu l-Parlamet tiegħu, Għawdex għażel l-erba’ deputati li jirrappreżentawh minn fost il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Din l-elezzjoni tixbaħ lil dik tal-1921 għaliex din id-darba wkoll qed niġġieldu elezzjoni li fiha rridu nuru li fil-pajjiż ser jikkmanda l-poplu Malti u Għawdxi. Din id-darba se nuru għal darb’oħra li l-poplu Malti u Għawdxi jaċċetta biss gvern li verament jirrappreżenta l-għażla tal-poplu tagħna.
Jien ċert li intom l-Għawdxin dan tifhmuh. Għalhekk aħna fiduċjużi u mimlijin bit-tama li din id-darba intom l-Għawdxin ser tkunu fost ta’ quddiem li terġgħu tagħtu rebħa kbira lill-Partit Nazzjonalista kif kontu għamiltu sitta u sittin sena ilu.
Ma ngħidx li ser intellgħu ħames deputati minn Għawdex għax iż-żminijiet jinbiddlu, Imma ċertament li jekk fl-elezzjoni li għaddiet kellna biex intellgħu tliet deputati u aktar, din id-darba l-voti lill-Partit Nazzjonalista ser ikunu ħafna aktar minn dak li kienu ħames snin ilu.
Id-differenza bejn iż-żewġ partiti
Dan nistennewh bir-raġun kollu mhux biss għax intom l-Għawdxin tifhmu l-għażla fondamentali li għandu l-poplu quddiemu, imma ukoll għax, wara kważi sittax-il sena ta’ ħakma mill-Partit Soċjalista, iktar sar ċar x’inhi d-differenza bejn iż-żewġ partiti. Ċertamet dan jifhmuh ukoll tal-partit l-ieħor.
Jiena nitlobkom biex bl-intelliġenza tagħkom, bil-moħħ tagħkom, bir-raġuni tagħkom tippruvaw tifhmu u taraw x’qiegħed jagħmel il-partit l-ieħor lejliet l-elezzjoni.
L-istrateġja, it-tattika, li qed juża l-partit l-ieħor fil-kampanja elettorali hija waħda ċara.
Biex forsi jikseb xi ftit voti mingħandkom, Karmenu Mifsud Bonnici jrid jagħti x’jifhem li hu mhux bħal-leader li tant kien ifaħħar sa ftit tax-xhur ilu, li hu mhux bħal Mintoff.
Dan qed jipprova jgħid lilkom l-Għawdxin b’mod partikolari. Jgħidilkom li Mintoff kważi ma ġie qatt f’Għawdex bejn elezzjoni u oħra.
Intom tafu li l-verità hi li Mintoff kien jiġi aktar lejliet l-elezzjoni f’xi meeting it-Tokk u kien jispiċċa b’ħafna tgħajjir lilkom l-Għawdxin.
Karmenu Mifsud Bonnici jrid jagħti l-impressjoni li hu mhux hekk, li hu jrid jimxi magħkom. Hu jiġi spiss Għawdex u jgħid li huwa differenti ferm minn dak li kien Mintoff.
Mintoff sab programm sħiħ li kien beda jwettaq il-Partit Nazzjonalista għal Għawdex. Il-proġetti l-kbar għal Għawdex li kienu nbdew fis-snin sittin. Il-proġett tal-Isptar t’Għawdex, il-proġett tal-port tal-Imġarr u dak li kellu jsir fiċ-Ċirkewwa, tant affarijiet li Mintoff malli ħa l-gvern f’idejh naqqashom, ċekkinhom jew żarmahom għalkollox.
Karmenu Mifsud Bonnici lejliet l-elezzjoni irid jagħmel meeting u jgħidilkom li għandu l-proġetti kbar. Il-proġetti għall-ħames snin li ġejjin u se jgħidilkom li x-xogħol f’Għawdex fil-ħames snin li ġejjin qatt ma kien hawn xogħol bħalu.
Jiena ċert li intkom l-Għawdxin m’intkomx boloh u r-risposta li ser ittuh lil Karmenu hi:
- Int l-istess wieħed li qiegħed fil-partit li ilu jigverna sittax-il sena?
- Int fl-istess partit li lil Għawdex ittraskurah għal sittax-il sena sħaħ?
- Int li qed tmexxi partit li mal-Għawdxin mexa b’vendikazzjoni tul dawn is-sittax-il sena sħaħ?
- Int li qed tmexxi partit li f’sittax-il sena fil-gvern lill-Għawdxin kien iħallihom jaħdmu Malta meta seta’ jġibhom jaħdmu Għawdex u bagħathom bit-transfer Malta b’kastig meta deherlu hu?
It-taparsi progetti kbar
U llum Karmenu Mifsud Bonnici irid jerfa’ hu wkoll ir-reponsabiltà ta’ dak kollu li għamel il-gvern tiegħu, il-partit tiegħu fis-sittax-il sena li għaddew.
Mhux biss, jien ċert li lil Karmenu Mifsud Bonnici intom issaqsuh għaliex qagħad jistenna sa lejliet l-elezzjoni u għaliex lill-poplu jittrattah bħal ħafna mzazen li jista’ jbellgħalhom kollox.
Dan ilu Prim Ministru mill-1984 – sentejn sħaħ – u issa f’daqqa waħda, f’dawn l-aħħar ġimgħat mindu xolja l-Parlament, issa f’daqqa waħda, mingħalih ser ibella’ lill-poplu Malti u Għawdxi li hu tbiddel; li l-partit tiegħu tbiddel; li issa saru kollhom ħniena u li ż-żmien tal-vendikazzjonijiet spiċċa.
Nerġa’ ngħid, dan ġie hawn qal li għal Għawdex għandu ħafna proġetti.
Nafu kif f’dawn l-aħħar ġimgħat qed iberbqu l-flus. Kif f’dawn l-aħħar ġimgħat qed jisparpaljaw flus biex mingħalihom bil-flus jixtru l-vot tal-poplu Għawdxi u tal-poplu Malti. Biżżejjed tkellem xi ftit kuntratturi hawn f´Għawdex biex tifhem x’qed isir. Ma sar xejn għal snin sħaħ u issa f’daqqa waħda fi ftit ġimgħat jagħtu l-kuntratti tal-eluf. Tal-mijiet tal-eluf tal-liri wkoll!
Minn dak li nisimgħu jiġina s-suspett li l-kuntratti li qed jingħataw
- hemm xi ħadd forsi li qed jiddobba xi ħaġa wkoll li mhux suppost,
- hemm ukoll forsi min qed jgħid li basta tħaddem in-nies u jekk forsi ħaqqek ħamsin elf ma jimpurtax imbilli jkun hemm sebgħin elf u forsi ftit minn dawk l-eluf jeħlu ma’ idejn xi ħadd.
Dawn affarijiet li qed nisimgħu. Aħna inwiddbu li
- flus il-poplu Malti u Għawdxi mhux qegħdin hemm biex jitberbqu;
- flus il-poplu Malti u Għawdxi mhux qegħdin hemm biex jinsterqu;
- flus il-poplu Malti u Għawdxi mhux qegħdin hemm biex jistgħanew il-ftit;
- flus il-poplu Malti u Għawdxi mhux qegħdin hemm biex xi ħadd, lejliet l-elezzjoni, jsir sinjur u forsi ma jkollux għalfejn joqgħod jitħabat aktar la għall-voti u lanqas biex jaħdem.
Aħna nwiegħdu li gvern magħmul mill-Partit Nazzjonalista fi ftit ġimgħat oħra, għax gvern serju, jara li minn flus il-poplu jitħallsu biss dawk l-ammonti li jkunu xierqa li jitħallsu għax-xogħol li jkun sar.
Min jaħseb li f’dawn l-aħħar mumenti ser jitħalla jisraq, jieħu ta’ xejn flus il-poplu, qiegħed jarralu.
Aħna se nesiġu rendikonti sħiħ ta’ dak kollu li qed isir f’dawn l-aħħar ġmgħat, f’dawn l-aħħar xhur.
Karmenu Mifsud Bonnici gie hawn ftit ilu u qalilkom bil-proġetti li ser jibdew f’dawn ix-xahrejn sa meta tasal l-elezzjoni.
Ma jistħix dan?
Proprju jrid ikollok wiċċek ta’ bniedem li nsejt kif tistħi biex tiġi hawn u tgħid lill-poplu Għawdxi:
- Għal sittax-il sena m’għamilna xejn iżda sa xahrejn oħra, sad-data tal-elezzjoni jiġifieri, imma issa se nibdew x-xogħol fuq l-air strip, xogħol biex ikollkom football ground bit-turf u xogħol fix-xahrejn li ġejjin fuq gymnasium.
U aħna ngħidulu: Il-poplu Malti mhux baħnan! M’intix se tisraq il-vot ta’ ħadd b’dawk li qed issejħilhom proġetti.
Jekk ngħidu l-air strip, veru li hi ħaġa tajba. Aħna naqblu magħha li f’Għawdex ikun hawn air strip. Dan jiġifieri li jkunu jistgħu jinżlu xi ajruplani f’Għawdex ukoll?
Irrid infakkar li kien il-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali ta’ ħames snin ilu li qal li hemm bżonn li għal Għawdex ikun hawn air link, ikun hawn mezz ta’ komunikazzjoni għall-passiġieri bl-ajru. Konna aħna li għidna li forsi l-aħjar mod kien ikun bl-użu ta’ helicopter.
Tiftakru wkoll li l-Ministru tat-Turiżmu ftit ta’ snin ilu kien qal li numru ta’ kumpaniji ġew u għamlu l-istudji kollha biex jaraw fejn jista’ jinżel helicopter f’ Għawdex. Jekk mhux sejjer żball, il-Ministru kien ħabbar li kien ser jibda jaħdem dan is-servizz fl-1 t’April ta’ sentejn ilu.,
Dawn bil-fatti juruna li m’hemmx serjetà. Issa jridu li fl-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni jippruvaw jidħqu bil-poplu. Imma aktar ma jippruvaw jidħqu bil-poplu f’dawn il-ġranet, aktar il-poplu jifhem kemm il-kampanja elettorali tagħhom hi mibnija biss fuq il-qerq.
Huma jridu li l-kampanja elettorali tagħhom jtawluha kemm jista’ jkun.
Illum għandna 15 ta’ Marzu. Il-Parlament ilu li spiċċa u dawn iridu jkomplu sal-aħħar ġurnata għax mingħalihom li iktar ma jqassmu pjaċiri, iktar ma jgħidu lill-kuntratturi jagħmlu xogħlijet, iktar ma jwiegħdu affarijiet li misshom ilhom li saru, b’daqshekk se jakkwistaw il-voti.
Imma, jien ċert li l-maġġoranza l-kbira tal-poplu Għawdxi u Malti mhux se jħalluhom jidħqu bihom.
Relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Knisja
L-istess, issa lejliet l-elezzjoni, Karmenu Mifsud Bonnici mar in-Nadur u qal:
Ara issa kemm nistmaw lill-Knisja! Lil tan-Nadur se nagħtuhom żewġ kanuni kollha saddin biex jagħmluhom fil-pjazza.
Alla jbierek, araw dan il-Gvern kemm hu ħabib mal-Knsija. Qalilhom li issa, l-Knisja tan-Nadur, tridu tagħmlu biċċa wara biex tkunu tistgħu tgħaddu minn sagristija għall-oħra u ser itihom erba’ piedi biex ikunu jistgħu jgħaddu minn naħa għal oħra tal-Knisja.
Ara x’qalb ġeneruża għandu dan il-Gvern.
Araw xi ħbiberija għandu mal-Knisja, sa wasal biex għamel fanali sbieħ quddiem il-Knisja tan-Nadur. Għandu jkun fihom ħames lampi, waħda jixgħelha l-Gvern u l-erbgħa l-oħra tħallas għalihom il-Knisja. Imm taf kemm huma sbieħ. Tafu kemm huma sbieħ.
U għax għamel il-fanali quddiem il-knisja, n-Nadurin bi ħġarhom se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Għax verament hu insult lill-poplu tan-Nadur u lill-poplu Għawdxi li tgħidilhom li għax il-knisja tan-Nadur ser tagħlaq tliet mitt sena bħala parroċċa, kif se tagħlaq il-parroċċa ta’ Sannat u parroċċi oħra, issa dan il-Gvern, b’qalb ġeneruża ser ittihom permess li jċaqilqu s-salib li hemm fil-pjazza u jagħmlu monument.
Imma x’jaħsbu li huma dawn?
Imma kif tittrattawh lill-poplu tagħna?
Imma kif għandhom wiċċ jidhru quddiem il-poplu Għawdxi u jitkellmu b’dan il-mod ?
Il-poplu Għawdxi, bħall-kumplament tal-poplu Malti, fil-verita’ jrid ikun jaf affarijiet oħra.
Irid ikun jaf kemm hu veru li bejn il-Gvern u l-Knsija f’pajjiżna m’għadx hemm inkwiet u m’għadx jerġa’ jkun hemm inkwiet fil-ġejjieni kieku allaħares qatt jerġa’ jkun hemm fil-gvern huma.
Dan veru jinteressaħ il-poplu Malti.
Għalxejn issa fl-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni, wara li żammew il-permessi ta’ tant bini ta’ knejjes għal tant snin, jgħidu li l-Knisja ta’ Marsalforn tista timbena. U, għandu jkun, din il-ġimgħa ħarġu wkoll l-permess biex tinbena l-knisja ta’ San Ġakbu.
Il-poplu Malti mhux dwar il-permessi għall-knejjes fl-aħħar ġranet ta’ qabel l-elezzjoni irid ikun jaf.
U intom għandkom tistaqsuhom lil dawk li jiġu jħabbtu mal-bieb tagħkom jitolbukom il-vot:
- Veru li intom għamiltu liġi li tgħid li f’Għawdex, bħal f’Malta, biex tinbena knisja mhux biżżejjed jiddeċiedi l-Isqof t’Għawdex imma anke l-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi jekk hemmx bżonnha?
- Veru li jekk il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi jkun tal-fehma li m’hemmx bżonn ta’ knisja jkun ta’ xejn li l-Isqof jgħid trid tinbena knisja għax il-Gvern għandu d-dritt ma jagħtix permess?
Staqsuhom lill-kandidati tagħhom:
- Għaliex dik il-liġi ma neħħejtuhiex jekk issa qed tgħidu li l-knejjes jistgħu jinbnew?
- Għalfejn kontu biddiltu l-liġi u s’issa għadkom m’għamiltuhiex kif kienet il-liġi?
- Jekk tkunu fil-gvern, dik il-liġi se tħalluha hemm?
- Se nibqgħu niddependu mill-Gvern jekk irridu nkabbru is-sagristija?
Jew se jkompli jiġri bħal fejn noqgħod jien f’Birkirkara fejn l-Arċipriet irid jagħmel sala parrokjali l-ewwel tawh il-permess, wara ħaduhulu u sal-lum għadu ma reġax ħareġ il-permess.
Dawn l-affarjiet li jridu jgħidulna!
Karmenu Mifsud Bonnici qal li kiteb ittra b’idejh biex fin-Nadur jgħamlu l-fanali, monument fil-pjazza u kuritur wara l-Knisja – għax hekk jagħmel u jiddiletta dan, imur xi ħadd għandu jaqbad biċċa karta u jibda jikteb ‘għażiż hekk’ jew ‘għażiż hekk’.
Dan, jaħseb li b’daqshekk ipperswadina li kieku kellhom jerġgħu ikunu fil-gvern l-problemi li ħolqu bla bżonn mal-Knisja Kattolika u li ġabu tant firda u mibegħda f’pajjiżna, ma jerġgħux iqajmuhom?
U nkompli.
Qed insemmi dan għax hu għoġbu li jmur in-Nadur u mingħalih li bl-irħis ser jinganna lill-poplu dwar dawn il-problemi.
Ghax tajjeb niftakru li hemm problemi oħra mal-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
Hemm il-problemi tal-proprjetà tal-Knisja. Intom tafu li dawn għamlu liġi li biha ħadu f’idejhom tista’ tgħid mingħajr kumpens ta’ xejn kważi l-proprjetà kollha tal-Knisja f’Malta u Għawdex. Dik il-liġi għadha hemm. L-isqfijiet għamlu kawża kontra l-Prim Ministru li llum hu Karmenu Mifsud Bonnici.
F’dik il-kawża l-Isqfijiet qed jgħidu li b’dik il-liġi qed jiġu mfixxkla għax dik il-liġi se tneħħilhom il-finanzi li l-Knisja għandha bżonn. Dik il-liġi ġiet dikjarata kontra l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u l-Gvern appella u, lejliet l-elezzjoni, dik il-kawża għadha sejra.
Kieku dawn veru irranġaw kollox, kieku dawn veru nidmu ta’ dak li għamlu, almenu jmisshom imorru l-Qorti u jammettu li għamlu żball, jammettu li dik il-liġi tmur kontra d-drittijiet tal-Knisja u għidu li jiddispjacihom minn dan.
Imma mhux hekk qed jagħmlu. Dik il-liġi għadha qed tiġi diskussa fil-qrati tagħna. Il-qrati tagħna sfortunamentamet jieħdu x-xhur u s-snin biex jiddeċiedu. Imma dan serva tajjeb għall-poplu. Għax b’hekk il-poplu jaf li, ladarba sa lejliet l-elezzjoni dik il-liġi infami għadha hemm, dawn ma jistgħux jiġu fil-pjazez u jippruvaw jidħqu bina għax jgħidulna li kollox irranġajna. Għidt liġi infami għax dik liġi li ftit saru bħalha f’pajjiżi oħra ħlief f’dawk fejn riedu jeqirdu lill-Knisja Kattolika.
Nkompli fuq problema oħra li għadha magħna: Il-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knsija f’Malta u Għawdex.
Hawn ukoll għad m’hemmx ftehim permanenti. Hemm biss ftehim għal din is-sena, sa Settembru. Proprju f’dawn il-ġranet il-Knsija ippubblikat ir-rendikont tad-dħul u l-ħruġ fl-iskejjel tagħha. Dan juri li tul is-sena li għaddiet l-iskejjel irnexxielhom jiġbru biżżejjed biex ikunu jistgħu jibqgħu miftuħa.
Imma tajjeb li tifhmu x’ġara.
F’dawn il-kontijiet insibu li tul is-sena li għaddiet, minn ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet mill-ġenituri il-Knisja daħħlet Lm 1,600,000. Dan għax ħafna ġenituri ħassewhom fid-dmir li jgħinu l-iskejjel u jibqgħu jħallsu kważi l-istess ammont li kienu qed iħallsu meta kien hemm il-miżati.
Dan ir-rendikont juri li l-Gvern tul is-sena li għalqet f’Settembru 1986 ħareġ Lm 180,000 f’għajnuna.
Hawn irrid infakkar li sal-1980, meta l-Gvern kien għadu jħallas għajnuna lill-iskejjel tal-Knisja skond il-ftehim li sar mal-Gvern Nazzjonalista fis-snin sittin, dik is-sena, fl-1980 il-Gvern ħallas għajnuna ta’ Lm 163,000.
Għalhekk illum nafu li l-iskejjel għadhom bil-mannara fuq rashom.
Ma nafux x’se jiġri jekk jintlaħaqx ftehim permanenti jew le bejn il-Gvern u l-Knisja.
Dan irridu nifhmuh.
Għalhekk jiena ċert li meta l-Prim Ministru jerġa’ jiġi Għawdex ikellimkom, intom tkunu tixtiequ risposti definittivi għal dawn il-mistoqsijiet.
Issa li daħlet id-drawwa tajba li l-kandidati taż-żewġ partiti jiġu id-djar tagħkom ikellmukom l-appell tiegħi hu li tilqawhom miż-żewġ partiti anke jekk tkunu deċiżi li se tivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.
Jekk jiġu kandidati tal-partit l-ieħor ilqgħuhom u staqsuhom x’inhi tassew l-pożizzjoni tagħhom u tal-partit tagħhom fuq il-problemi kollha li għandu l-pajjiż.
L-infrastruttura tal-pajjiż fi stat diżastruż
Għidt li l-kampanja tagħhom hi waħda ta’ qerq li qed sservi biex tikxef il-fatt li ma jeżistix programm li joħloq ix-xogħol fil-pajjiż, programm li jpoġġi lil Għawdex bħall-kumplament ta’ Malta fuq saqajh.
Jidher li sal-lum dawn għadhom ma fehmux il-bżonn li għal Għawdex ikun hawn pjan dettaljat, pjan b’inċentivi partikolari u apposta għal Għawdex, biex Għawdex jieħu r-ruħ.
Jekk wieħed jara dak li qed iwiegħdu huma, jinduna li dawn mhumiex ħaġa oħra ħlief konferma tal-fatt li huma ttraskuraw b’mod partikolari l-infrastruttura tal-pajjiż.
Bħala l-ewwel haga il-pajjiż irid jirrisolvi dawk il-bżonnijiet infrastrutturali biex wara jkun jibni fuqhom sabiex verament iġib ix-xogħol u il-progress.
Ħadd daqskom l-Għawdxin ma jirrealizza kemm dan il-Gvern, għal sittax-il sena sħaħ, abbanduna lil Għawdex.
Issa jiftaħru li ser isolvu, anzi jgħidu li solvew, il-problema tan-nuqqas tal-elettriku f’Malta.
Meta jgħidu dan, intom żgur tidħqu għax tafu kemm għamiltu ġranet wara xulxin bla dawl fGħawdex. U ngħiduha kif inhi, mhux f’Għawdex biss.
Meta mort id-dar dal-lejl, għall-ħabta tan-nofsiegħa, mar id-dawl żgur f’Birkirkara kollha u ma nafx hux f’nofs Malta jew f’Malta kollha.
Dawn traskuraw l-iktar affarijiet importanti, fosthom il-provvista tal-elettriku li huma meħtieġa biex il-pajjiż ikollu l-iżvilupp meħtieġ.
Isemmu l-ilma.
Huma jgħidu li m’hawnx problema ta’ l-ilma f’Għawdex . Imma intom tafu aktar minni kemm ġranet tgħaddu mingħajr ilma. Illum stess qaluli li lbieraħ u dalgħodu f’xi postijiet ma kienx hawn ilma.
L-infrastruttura bżonn vitali biex tibni fuqu.
Allaħares ma kienx li Gvern Nazzjonalista kien beda u kważi lesta l-proġett tal-Port tal-Imġarr.
Araw x’għamlu ċ-Ċirkewwa, x-xogħol li għamlu huma.
Xogħol nofs leħja!
Xogħol li nafu ma ġiex kompletat!
Xogħol ma ġiex spiċċat għax anke fiċ-Ċirkewwa suppost kellu jkun hemm all weather harbour, port li, jkun xi jkun it-temp, il-vapuri jkunu jistgħu jittrakkaw fih.
Nerġa’ ngħid, ittraskuraw l-infrastruttura li hi tant meħtieġa biex pajjiż jkun jista’ jiżviluppa.
Jidher ċar li dawn m’għandhomx pjan veru biex l-ekonomija f’Għawdex tieħu r-ruħ.
Għall-kuntrarju, il-Gvern Nazzjonalista li jkollna dalwaqt se jkollu pjan ta’ żvilupp għal Għawdex. Pjan li jagħti l-inċentivi kollha meħtieġa biex bihom jitnaqqsu jew jitneħħew għalkollox l-iżvantaġġi li għandu Għawdex għaliex huwa gżira żgħira. Pjan ta’ żvilupp li diġà mfassal mill-Partit Nazzjonalista li jagħti każ b’importanza u bi prijorità kbira il-mod kif nistgħu nattiraw industriji f’Għawdex.
Jekk tmur fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija illum jaqbdek il-biki.
Qasam Industrijali li kien qed jagħti x-xogħol lil tant tfajliet u ġuvintur Għawdxin, illum tista’ tgħid spiċċa jekk mhux fix-xejn kważi fix-xejn.
Il-pjan ta’ żvilupp għal Għawdex irid jagħti inċentivi mhux biss biex inaqqas l-iżvantaġġi li għandu Għawdex imma jrid ukoll jivvalorizza b’mod partikolari dak kollu li f’Għawdex jista’ jkun ta’ attrazzjoni aktar mill-kumplament ta’ Malta. Pereżempju, dejjem jingħad li Għawdex jattira tip ta’ turiżmu ta’ livell ogħla minn dak li jkollna fil-kumplament ta’ Malta.
Imma nafu li taħt Gvern Laburista ma sar xejn, jew kważi xejn. Jekk ippruvaw jagħmlu xi ħaġa ma rnexxielhom jagħmlu xejn biex Għawdex ikun jista’ jiġi żviluppat. Jista’ jkun ukoll li għal Għawdex hemm opportunitajiet ta’ żvilupp ta’ artiġjanat iktar milli hemm fil-kumplament ta’ pajjiżna.
Għalhekk hemm bżonn ta’ ħsieb, ta’ ħsieb serju, ta’ preparazzjoni u fuq kollox hemm bżonn ta’ rieda qawwija, ta’ volontà soda li lil Għawdex nagħtuh l-opportunitajiet kollha biex jiżviluppa.
Ideologija klassista antikwata
Ġà semmejt li, għax qegħdin lejliet l-elezzjoni, ħafna ħaddiema Għawdxin bagħtuhom jaħdmu lura Għawdex. Tant ħaddiema tad-Dejma li għal snin sħaħ tħallew jaħdmu Malta issa qed jibagħtuhom jaħdmu f’Għawdex.
Hemm bżonn li x-xogħol f’Għawdex ikun xogħol permanenti.
Hemm bżonn li x-xogħol f’Għawdex ikun xogħol li verament jagħti stima lill-ħaddiema.
Tixba’ tisma’ stejjer ta’ kif huma ttrattati l-ħaddiema tad-Dejma – mhux biss dwar il-pagi baxxi li għandhom u li kellhom fl-imgħoddi, imma anke l-mod kif jittrattatwhom ta’ kultant qisna għadna fiż-żminijiet imbiegħda meta kien hawn l-iskjavi li ġġegħelhom jaħdmu bilfors kif trid int.
Il-ħsieb li dan il-Gvern kien kapaċi joffri liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin xogħol taħt dixxiplina militari biss għandu jiftaħ għajnejn iż-żgħażagħ kollha. F’sittax-il sena dan il-Gvern ma kienx kapaċi joħloq postijiet tax-xogħol permanenti għaż-żgħażagħ u mhux ser ikun kapaċi ’l quddiem. Iż-żgħażagħ se jsibu ruħhom membri tad-Dejma, jaħdmu taħt kundizzjonijiet ħżiena u dixxiplina militari.
Biex dawn iż-żgħażagħ jaraw u jgħixu futur sabiħ hemm bżonn li huma jifhmu li din id-darba l-vot tagħhom, kif ċert li sejrin jagħmlu, jagħtuh lill-Partit Nazzjonalista.
Ċertament mhumiex biss iż-żgħażagħ li kellhom l-isfortuna li jaħdmu bilfors fid-Dejma li llum jħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista. Jekk tridu prova ta’ dan kulma għandkom tagħmlu hu li taqbdu f’idejkom ir-rapport tad-diskors li għamel Karmenu Mifsud Bonnici nhar il-Ġimgħa, f’Bormla.
Dan mar hemm biex suppost ikellem lill-ħaddiema tat-Tarzna. Tat-Tarzna kienu hemm ukoll, imma kieku wieħed kellu wieħed iħares lejn ir-ritratti u jara kienx hemm l-aktar, nies mit-Tarzna jew minn barra t-Tarzna, malajr kien jinduna lil min kien qiegħed ikellem. Imma, għalina mhux importanti lil min kien qiegħed ikellem. L-importanti x’qal.
U, min dak li qal, wieħed malajr jinduna li l-partit tagħhom, il-Partit Soċjalista, jaf li l-ħaddiema Maltin tilfu l-fiduċja f’dal-Gvern. Tilfu l-fiduċja fil-partit li għal tant snin approfitta ruħu mill-isem, meta kienu jsejħu lilhom infushom il-Partit tal-Ħaddiema.
Irrid infakkar hawn li, wara l-inċideni taż-Żejtun, Karmenu Mifsud Bonnici kien qal li mhux ser jagħti permessi l-Partit Nazzjonalista biex jagħmel meetings f’Bormla u f’postijiet oħra u, biex ħadd ma jgħid li kien hemm diskriminazzjoni, kien qal li lanqas hu mhu ser imur Bormla. Imma miskin ma setax ma jmurx għax jaf li f’dik li kienet il-qalba tagħhom, illum hemm bidla kbira, kbira u kbira ħafna.
U Karmenu Mifsud Bonnici nhar il-Ġimgħa mar Bormla u l-appell tiegħu, mill-bidu sa l-aħħar, kien wieħed wara l-ieħor appell għall-għaqda bejn il-ħaddiema u l-għaqda fi ħdan il-Partit Soċjalista.
Hu beda biex qal li skond l-Orizzont aħna ma nibżgħux u ma nistħux nghidu li aħna partit ta’ klassi.
Dan għadu ma ndunax li din l-għajta ta’ partit ta’ klassi hi wahda antikwata.
Hu mbagħad kompla qal li l-ħaddiem jeħtieġlu li jkun magħqud f’għaqda waħda kemm fil-qasam trejdunjonitiku kif ukoll fil-qasam politiku. Qali li min ma jridx din l-għaqda ma jridx is-saħħa tal-ħaddiema. Ahna nfakkruh lil Karmenu Mifsud Bonnici li din l- għajta biex il-ħaddiema jingħaqdu, anzi biex il-ħaddiema tad-dinja jingħaqdu, hi l-għajta Komunista ta’ żmien Lenin. Hija l-għajta Komunista li l-partiti Soċjalisti Demokratiċi ilhom illum li abbandunaw.
Illum fejn hemm vera demokrazija ħajja, ħadd ma jersaq lejn elettorat u jgħidlu “jien partit ta’ klassi waħda” għax kulħadd jaf li, meta partit jippreżenta ruħu bħala partit ta’ klassi waħda, dan jfisser li hu partit li jrid il-firda. Hu partit li jrid il-mibegħda. Huwa partit li ma jridx il-libertà.
Hekk ġara lil kull min ippreżenta ruħu bl-għajta li huwa partit ta’ klassi waħda, spiċċa biex ħonoq il-libertà f’pajjiżu. Imma Karmenu Mifsud Bonnici donnu li lanqas jaf x’qed jiġri proprju llum madwarna. Anke fil-pajjiżi fejn il-Komuniżmu issa ilu s-snin jaħkem, anke fir-Russja stess, qed naraw li hemm min qed jgħid li hemm bżonn li jkun hemm xi ftit tal-pluraliżmu. Hemm bżonn li jkun hemm xi ftit tal-għażla.
Għax l-għajta li hu biss fl-għaqda tal-ħaddiema li jistgħu jinstabu s-saħħa u l-ġid tal-ħaddiema, hija gidba ppruvata mill-istorja u li hi ppruvata wkoll mill-istorja riċenti ta’ pajjiżna!
Aħna ma ngħidux li aħna partit tal-ħaddiema. Aħna ngħidu li aħna partit tal-poplu kollu għax nafu li l-maġġoranza kbira tal-poplu huma l-ħaddiema. Meta l-Partit Nazzjonlista jgħid li hu partit tal-poplu jrid jgħid li ma jridx il-firda fil-pajjiż, li ma jridx ikeskes ħaddiema kontra ieħor. Partit li ma jridx ikeskes ħaddiema kontra min jimpjegah imma, għall-kuntrarju, t-twemmin tagħna hu li dan il-pajjiż għandu bżonn l-għaqda.
Id-dinjita’ ta’ kull bniedem
U dan il-pajjiż verament għandu bżonn l-imħabba.
Il-programm tagħna mhux wieħed li jifred ħaddiem minn ieħor, li jifred ħaddiem minn xi ħadd ieħor. Il-programm tagħna hu wieħed li jrid li, kemm jista’ jkun, kulħadd jagħti is-sehem tiegħu. Kulħadd jissieħeb. Kulħadd jipparteċipa. Kulħadd isemma leħnu. Kulħadd ikollu vuċi li verament tinstema’.
Tagħna programm li jrid jgħaqqad dan il-pajjiż. Hu programm li bih irridu naraw lill-ħaddiema tagħna jissieħbu fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, fid-deċiżjonijiet kollha li jolqtuhom.
HI t-tama tagħna li għad jasal iż-żmien meta l-ħaddiema wkoll ikollhom id-dritt li jaqsmu mill-profitti tal-post fejn jaħdmu. Dan irridu naslu għalih għax hekk hemm bżonn. Dan irridu naslu għalih għax jidhrilna li dan huwa ta’ ġid għal kulħadd.
Aħna mhux il-firda, mhux il-mibegħda, mhux il-ġlieda bejn il-klassijiet irridu. Pajjiżna m’għandux bżonn dan. La kellu bżonnu fl-imgħoddi, la għandu bżonnu issa u lanqas ikollu bżonnu fil-futur.
Il-programm tagħna hu wieħed ġej mill-ispirazzjoni tagħna, mill-prinċipji Kristjani:
Prinċipji ta’ mħabba. Prinċipji ta’ ugwaljanza.
Għaliex aħna fil-bnedmin kollha, ħaddiema u mhumiex, naraw id-dinjità tal-bniedem u rridu nistmaw bl-aktar mod assolut lill-ħaddiema u lill-poplu kollu skond id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minnha: id-dinjità ta’ bnedmin, dinjità ta’ bnedmin ħielsa, dinjità ta’ bnedmin li jekk tneħħilhom il-libertà tagħhom tagħmilhom xi ħaġa differenti minn kif għandha tkun in-natura tagħhom ta’ bnedmin.
Skond ir-rappot ta’ l-Orizzont, Karmenu Mifsud Bonnici kompla qal: “Min ma jridx din l-għaqda ma jridx is-saħħa tal-ħaddiema.”
U hawn jerġa’ jikxef idejh.
Dan jaf li llum hu u l-partit tiegħu tilfu l-appoġġ li xi darba kellhom fost il-poplu Għawdxi u Malti.
Jaf li tilef dan l-appoġġ u għal darb’oħra mingħalih li bl-għajta li huwa l-Kap tal-Partit tal-Ħaddiema, bl-għajta li hu qed imexxi l-Moviment tal-Ħaddiema, qiegħed jokrob hawn biex jerġa’ jkun hemm l-għaqda għax jgħid li b’hekk biss il-ħaddiema jista’ jkollhom is-saħħa.
U aħna ngħidulu bil-maqlub.
Intom żarmajtu id-drittijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna, għax int u l-Gvern tiegħek u l-Gvern ta’ Mintoff qablek imxejtu b’mod li ridtu żżommu kollox f’idejkom, ridtu l-monopolju tal-ħaddiema.
Bħal f’pajjiżi fejn hemm id-demokrazija, pajjiżna wkoll għandu bżonn il-pluraliżmu, għandu bżonn li jkun hemm aktar minn partit wieħed.
Jekk wieħed irid jagħti tifsira lil dak li qed jgħid Karmenu Mifsud Bonnici skond il-loġika u ir-raġuni, din hi li hu qed jgħid li biex il-ħaddiema jmorru ’l quddiem f’pajjiżna, biex il-pajjiż verament jimxi ’l quddiem, f’pajjiżna għandna bżonn ta’ partit wieħed.
Aħna ngħidulu li partit wieħed jfisser li tkun qridt il-libertà u d-demokrazija u llum l-ħaddiema dan jifhmuh. Illum kxiftu l-maskra tagħkom. Ilkom sittax-il sena taħkmu lill-pajjiż.
Ebda ħaddiem li għandu moħħ biex jaħseb mhu ser jibla’ dak li qed jgħid Karmenu Mifsud Bonnici lejliet l-elezzjoni.
Mbagħad kompla jgħid: “L-għaqda tal-ħaddiema hi l-ewwel ħaġa fil-kredu tat-twemmin Soċjalista.”
Dan qed jgħid li l-ewwel ħaġa fil-kredu hija din l-għaqda. Jiġifieri jekk il-ħaddiema jabbandunaw – kif abbandunaw – lill-partit tagħhom, il-Partit Soċjalista spiċċa.
U aħna ngħidulu: Veru. Hekk hu. Int hemm bżonn li tifhem li f’pajjiżna m’hawnx aktar lok għal min irid jippriedka prinċipji Soċjalisti li llum, f’pajjiżi liberi, ġew abbandunti minn tant partiti li kienu jħaddnuhom.
Dan għaliex illum dawk il-partiti kollha jiftaħru li huma partiti Soċjalisti Demokatiċi. Kollha jirrealizzaw li biex f’pajjiż ikun hemm il-libertà hemm bżonn li ikun hemm aktar minn partit wieħed.
U, dak li ngħidu dwar il-partiti, japplika wkoll għat-Trade Unions.
Nhar il-Ġimgħa fil-meeting ta’ Bormla, Karmenu Mifsud Bonnici qal li hemm bżonn l-għaqda fil-qasam trejdunjonistiku.
Aħna ngħidulu: Hawn ukoll qed tiżbalja bl-ikrah.
Għandna l-esperjenza ħajja ta’ x’fissret l-għaqda bejn il-General Workers Union u l-Partit Soċjalista. Għandna l-esperjenza ħajja li wasslet biex il-ħaddiema Għawdxin u Maltin ġew ittraduti mill-istess union tagħhom.
Għalhekk meta mar Bormla biex, għal darb’oħra, jippriedka l-bżonn li l-ħaddiema jingħaqdu f’partit wieħed u l-bżonn li l-ħaddiema jingħaqdu f’union waħda, dan verament ma jafx f’pajjiżna x’ġara.
Dan mingħalih li jista’ jidħaq bil-ħaddiem Maltin.
Aħna ngħidulu l-ħaddiema Maltin veru hemm bżonn jingħaqdu u tassew qegħdin jingħaqdu.
- Il-ħaddiema onesti kollha Maltin u Għawdxin llum huma magħqudin qaqoċċa biex ikissru reġim korrott. Dik hi l-għaqda li hawn fil-pajjiż illum.
- Il-ħaddiema onesti jafu li dan it-twemmin li qed jiftaħar bih Karmenu Mifsud Bonnici f’pajjiżna ssarraf f’korruzzjoni kullimkien.
Għalhekk l-għajta tagħna hi li f’pajjiżna hemm bzonn li jerġa’ jkun hawn ġustizzja.
Biex f’pajjiżna neqirdu l-korruzzjoni. Biex f’pajjiżna jkun hawn mill-aktar fis possibbli, gvern nadif, gvern onest, gvern li jeqred il-korruzzjoni minn pajiżna.
Jien ċert li lejliet l-elezzjoni hu dan il-ħsieb li qed jgħaqqad dejjem iktar lill-poplu tagħna. Għaliex il-poplu tagħna jifhem li jrid ikollok gvern nadif li jkun jista’ jwettaq dak li hu sewwa.
F’pajjiżna tlifna wisq s-sens ta’ dak li hu sewwa. F’pajjiżna għamluna niddependu wisq fuq il-pjaċiri li jkunu lesti jroxxulna meta jridu huma.
U pajjiżna verament għandu bżonn gvern nadif. Gvern li jwettaq is-sewwa billi jimxi fuq prinċipji li jirrispettaw il-verità, li jirrispetaw id-dinjità, li jirrispettaw sens ta’ morali li ġġiegħelna niddistingwu bejn dak li hu sewwa u dak li hu mhuwiex.
Aħna lesti għal kolom. Mbagħad, nhar il-Ġimgħa, lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kompla bil-mod ambigwu tiegħu, bil-mod tiegħu li daqqa jgħid hekk mbagħad jgħid immedjatament mod ieħor, imma meta taqra d-diskors kollu tinduna li kien qiegħed jheddek.
Naqra x’qal skond l-Orizzont: “Irridu lkoll nifhmu il-ħtieġa li meta jkollna xi periklu jew theddida għat-tmexxija tal-ħaddiema fil-pajjiż, allura jkun hemm bżonn li nfakkru li aħna demokratiċi, aħna nżommu l-ordni, imma wkoll aħna b’saħħitna. Għad għandna l-kuraġġ li naffrontaw kull periklu, kull diffikultà u kull gwaj.”
U meta qal b’saħħitna spjega x’ried jgħid, qal: “M’għandniex bżonn fl-elezzjoni li ġejja nuru s-saħħa fiżika tagħna.”
Hekk reġa’ qal nhar il-Ġimgħa dan. Qed jgħidilhom li huma demokratiċi, qed jgħidilhom li jridu jirbħu bil-vot imma fl-istess nifs qed jgħid, u nerġa’ naqra l-kliem, “li rridu lkoll nifhmu l-ħtieġa li meta jkollna xi periklu jew theddida għat-tmexxija tal-ħaddiema fil-pajjiż.”
U jien nistaqsih, xi tfisser it-tmexxija tal-ħaddiema fil-pajjiż?
Tfisser forsi it-tmexxija minnek?
It-tmexxija minn sħabek il-Ministri?
It-tmexxija minn tant nies korrotti?
- Intom ma tirrappreżentawx lill-ħaddiema.
- Intom in-nies li rkibtu fuq dahar il-ħaddiema.
- Intom in-nies li ttradejtu lill-ħaddiema.
- Intom in-nies li dħaqtu bil-ħaddiema.
- Intom in-nies li kissirtu d-drittijiet tal-ħaddiema.
- Intom in-nies li lill-ħaddiema ma tajtuhomx ix-xogħol.
- Mhux veru li intom il-gvern tal-ħaddiema.
U jekk qed tgħid li tuża s-saħħa fiżika għax ser titlef l-elezzjoni allura aħna nirreaġixxu, aħna nilqgħu l-isfida, aħna lesti għal kollox.
Ħbieb tiegħi, nittama li mhux qed jiżbalja. Nittama li qal dan il-kliem fis-saħna mingħajr ma kien qed jirrealizza x’qed jgħid. Imma bilfors li aħna nippreokkupaw ruħna u nistaqsu dan il-kliem xi jsarraf għax lkoll għad għandna friska f’moħħna l-esperjenza tagħna fiż-Żejtun.
Dakinhar, kieku ried hu, kieku ried Karmenu Mifsud Bonniċi, jiġifieri kieku Karmenu Mifsud Bonnici kien leali għall-ġurament li ħa li jirrispetta l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, li jittrattana lkoll bħala Maltin, aħwa lkoll indaqs, kieku dakinhar, it-30 ta’ Novembru, ma ġewx feruti mas-sebgħin ruħ.
Kieku dakinhar ma tħallewx in-nies jagħlqu t-toroq għaż-Żejtun, kieku dakinhar dawk kollha li kissru l-liġi, li sawtu n-nies, li sparaw fuq in-nies, kieku dawk sal-lum diġà sar ħaqq minnhom skond il-liġijiet tal-pajjiż.
Aħna bilfors nippreokkupaw ruħna għax nafu x’ġara fl-1 ta’ Diċembru meta numru ta’ nies tagħhom b’carcade bir-ritratti tiegħu waqfu quddiem il-każin tagħna ta’ Ħal Tarxien u sparaw fuq il-każin.
Aħna nafu li dik l-istess arma li ġiet sparata fl-1 ta’ Diċembru f’Ħal Tarxien qatlet lil Raymond Caruana fil-każin tagħna tal-Gudja.
Allura aħna nerġgħu ngħidu:
- Xi jfisser dan il-kliem li qed tgħid?
- Int għandek ir-responsabbiltà li f’Malta żżomm l-ordni.
- Meta int titkellem fuq is-saħħa fiżika biex int tiddefendi lill-Gvern li int issejjaħlu tal-ħaddiema, il-poplu Malti u Għawdxi jrid spjegazzjoni ta’ dan’id-diskors.
- Il-poplu Malti u Għawdxi jrid iserraħ rasu li sejjer għal elezzjoni minn hawn u ftit ġimgħat oħra u li bil-vot tiegħu huwa sejjer jassigura r-rebħa għall-partit li jagħżel hu.
Saru Partit tal-Mitlufin
Nhar il-Ġimgħa ma tkellimx biss fuq l-għaqda li qal li jrid fost il-ħaddiema fi ħdan il-partit tiegħu w fi ħdan il-General Workers Union imma qal wkoll kemm hemm bżonn tal-għaqda fil-partit tagħhom.
U aħna ngħidulu: Veru għandkom bżonn, tafux.
- Għax jekk tiġu n-Nadur tispiċċaw tiġġieldu bejnietkom u wieħed jispiċċa l-isptar.
- Għadkom m’intkomx f’pożizzjoni li tgħidulna min huma l-kandidati?
Jien nistaqsikom: Tafu jekk Karmenu hux ser ikun kandidat għal Għawdex?
Hawn min qed jgħid li ser ikun. Jalla jkun għandu jkollkom pjaċir. Imma mhux hu biss għadu ma jafx fejn ser ikun kandidat. Jidher li lanqas min ser ikunu l-kandidati kollha għadhom ma jafu.
Pereżempju, nistaqsu: Il-Perit Mintoff li tant smajna eloġji fuqu, ser ikun kandidat?
Ma nafx. Kultant tisma’ ċertu affarijiet ma tkunx taf kemm huma minnhom jew le. Imma qed jgħidu li l-Perit Mintoff qed jgħidilhom li lest li joħroġ imma għamel xi kondizzjonijiet. Milli nista’ nifhem, huma qed jiddeċiedu u qed jgħidulu oħroġ, irriduk toħroġ, imma mhux bil-kondizzjonijiet, trid toħroġ wieħed bħall-oħrajn, mingħajr dawn il-kondizzjonijiet.
Verament, kif għidt ġimgħa ilu f’meeting ieħor, dawn huma partit tal-mitlufin.
Dawn tilfu rashom u ma jafux aktar x’jaqbdu jagħmlu u issa l-uniku arma li għandhom hija l-qerq.
Jippruvaw iqarrqu mingħalihom b’xi ftit mill-poplu Għawdxi u mill-poplu Malti iżda kif għidt fil-bidu, jien ċert li l-għażliet tagħkom għamiltuhom diġà.
L-għażliet tagħna lkoll huma l-frott tal-esperjenzi tagħna.
Jien nerġa’ ngħid illum li min jvvota lill-Partit Nazzonalista għandu jagħmel dan mhux biss għax dejjem hekk għamel imma għaliex wara li jifhem u jirrealizza x’inhi s-sitwazzjoni f’pajjiżna għandu jasal għall-konklużjoni li pajjiżna hekk għandu bżonn.
Li pajjiżna għandu bżonn ta’ Gvern ġdid, gven sinċier, gvern onest, gvern li verament ikollu l-enerġija biex jippjana għall-quddiem u joħroġ lil pajjiżna minn tant diffikultajiet.
Il-poplu Malti u Għawdxi, fil-maġġoranza kbira tiegħu, id-deċiżjoni diġà ħadha. Jaf li sejjer jivvota għax irid li vermanet f’pajjiżna jerġa’ jkun hawn ix-xogħol, li l-ħaddiema jkollhom id-dinjità u d-drittijiet tagħhom kif jixirqilhom.
Il-poplu Malti u Għawdxi diġà ddeċieda għaliex irid li f’pajjiżna terġa’ ssaltan il-ġustizzja. Nerġgħu nsiru verament ilkoll aħwa Maltin u Għawdxin.
Il-poplu Malti u Għawdxi, jien ċert, fil-maġġoranza kbira tiegħu diġà jaf kif ser jivvota għax jifhem li ma nistgħux ngħixu f’dan il-pajjiż bit-theddida kontinwa li ma taqtax għal-libertà u għad-demokrazija f’pajjiżna.
Sir Luigi – Bniedem eżemplari
Iżda, fil-ġimgħat li baqalna, irridu inkomplu naħdmu b’ħilitina kollha. Għax għalkemm jien żgur li l-maġġoranza l-kbira diġà deċiża, jien ċert ukoll li bil-ħidma tagħna lkoll flimkien fil-ġimgħat li ġejjin ser inkomplu nkabbru dik il-maġġoranza.
Anke hawn f’Sannat, il-ftuħ ta’ dan il-każin illum żgur li ser ikun mezz ieħor biex inkomplu nkabbru l-voti tagħna f’Sannat u f’Għawdex kollu.
Jien nħeġġiġkom sabiex tkomplu taħdmu lkoll għax għad hemm ħafna x’nistgħu nakkwistaw.
Kif għidt fil-bidu, għalina kien ħsieb verament floku li dan il-każin jissemma għal Sir Luigi Camilleri.
Jeħodna lura sitta u sittin sena ilu meta għall-ewwel Parlament, Għawdex għażel id-deputati kollha minn ħdan il-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien.
Illum ukoll il-Partit Nazzjonalista qed joffri lil Għawdex numru ta’ kandidati denji li jkollhom il-vot tagħkom għax huma l-garanzija li jerġa’ jkollna x-xogħol, l-ġustizzja u l-libertà.
Meta se nsemmu dan il-każin għal Sir Luigi Camilleri, dan mhux ser nagħmluh biss għall-memorja ta’ sitta u sittin sena ilu imma ukoll biex nonoraw lil Sir Luigi għax hu ta’ eżempju kbir għalina lkoll.
Sir Luigi hu iben Għawdex li għamel unur lil Għawdex u lil Malta.
Huwa ddistingwa ruħu tul ħajtu għall-kapaċità u l-inteliġenza tiegħu.
Iddistingwa ruħu għad-dedikazzjoni li wera dejjem għall-ġid tal-pajjiż.
Iddistingwa ruħu għall-imħabba li wera għal art twelidu b’mod partikolari għal Għawdex.
Iddistingwa ruħu għad-dinjità li biha wettaq id-dmirijiet tiegħu kemm dam fil-ġudikatura fejn għadda tant snin u laħaq proprja l-aqwa unuri, l-aqwa post, bħala Prim Imħallef.
Jien illejla rrid insellimlu. Insellimlu għal dawn il-merti kollha u nsellimlu wkoll bħala bniedem tal-familja, bħala bniedem eżemplari, bħala bniedem umli, bħala bniedem li għandu, nerġa’ ngħid, ikun ta’ eżempju u ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.
Illum raġel ta’ età matura ta’ 94 sena, nassigurakom li meta tmur tkellmu, kif mort kellimtu ftit ġimgħat ilu, tieħu pjaċir tisimgħu jirrakkonta fuq ħajtu, fuq il-ġid li għamel f’ħajtu, fuq is-serjetà li dejjem wera tul ħajtu.
Nerġa’ ngħid nsellimlu b’mod partikolari bħala l-bniedem eżemplari li kellu familja numeruża, dik l-istess familja li llum għandu l-fortuna li jsibha mdawra madwaru fl-età anzjana tiegħu.
Jalla lkoll nimitawh. Jalla l-isem tiegħu f’dan il-każin lilna jispinġina, jgħinna, biex ukoll aħna nagħtu mill-aħjar li nistgħu għall-ġid ta’ pajjiżna.
Lil Sir Luigi nirringrazzjawh tal-eżempju li tagħna u nawgurawlu, għalkemm diġà għandu għomor twil, għomor twil ħafna aktar biex ilkoll nibqgħu nitgħallmu mingħandu u nistmawh.
Nirringrazjakom minn qalbi ta’ dan il-meeting hekk sabiħ ġewwa Sannat.
Nirringrazzjakom tal-entużjażmu tagħkom. Inkomplu mexjin bil-ħila tagħna kollha, bl-appoġġ sħiħ tagħkom, bil-kuraġġ li intom tkomplu tagħmlulna, bid-determinazzjonu u ċ-ċertezza li minn hawn u ftit ġimgħat oħra niċċelebraw flimkien ir-rebħa, ir-rebħa għall-ġid ta’ pajjiżna.
Grazzi ħafna.