Political Context
- English
- Malti
A political murder needs the lies of a corrupt Government
This mass meeting was held in a series of fast and dramatic developments in the worst days of the worst years in Maltese political history:
- A fortnight before, a Court-sanctioned mass meeting was to be held in Żejtun, but Labour activists, the Police and the Army ganged up to shoot on the crowd in Tal-Barrani.
- On the 5th December, shots fired from outside the club killed Raymond Caruana in the Nationalist Club of Gudja.
- On the previous Sunday, large crowds paid their last respects to Raymond Caruana during his funeral in Gudja.
- On the very eve, the Labour Government falsely charged Peter Paul Busuttil in Court with the murder of Raymond Caruana.
In front of large crowds of people who gathered on the Granaries, in Floriana, at a few days’ notice and despite the driving rain, Eddie Fenech Adami stated that violence needed lies. It had to be someone very corrupt to hatch this heinous plan to frame up an innocent supporter of the Opposition in order to shroud what was a political murder in a lie, Fenech Adami said.
Il-qtil politiku għandu bżonn il-gideb ta’ Gvern korrott
Dan il-mass meeting sar f’sensiela ta’ żviluppi drammatiċi u mgħaġġlin fl-agħar ġranet tal-agħar snin fl-istorja politika Maltija:
- Ġimagħtejn qabel kellu jsir il-mass meeting fiż-Żejtun approvat ukoll mill-Qorti, imma partitarji Laburisti, il-Pulizija u l-Armata ngħaqdu biex sparaw fuq il-folla f’Tal Barrani.
- Fil-5 ta’ Diċembru, tiri sparati minn barra għal fuq il-Każin Nazzjonalista tal-Gudja qatlu lil Raymond Caruana.
- Il-Ħadd ta’ qabel, folol kbar taw l-aħħar tislima lil Raymond Caruana fil-funeral tiegħu fil-Gudja.
- Il-ġurnata ta’ qabel, il-Gvern Laburista akkuża b’mod falz lil Pietru Pawl Busuttil fil-Qorti bil-qtil ta’ Raymond Caruana.
F’xita qliel quddiem folla enormi Fuq il-Fosos tal-Furjana b’avviż ta’ ftit ġranet biss, Eddie Fenech Adami qal li l-vjolenza għandha bżonn il-gideb. Irid ikun verament korrott min tiġih idea moqżieża bħal din li jipprova jgħatti qtil politiku ta’ attivist tal-Oppożizzjoni billi jagħmel frame-up u jakkuża b’mod falz lil xi ħadd innoċenti li jappoġġja lill-Oppożizzjoni, qal Eddie Fenech Adami.
Transcript
IL‑PAĊI GĦANDHA BŻONN IL‑VERITÀ U L‑VJOLENZA GĦANDHA BŻONN IL‑GIDEB ĦMISTAX‑IL ĠURNATA TRAĠICI
Ħuti Maltin u Għawdxin.
Għalfejn ġejtu għal darb’oħra f’daqstant eluf illum?
- Ħmistax‑il ġurnata ilu, bħal dan il‑ħin, uħud minnkom kellkom id‑demm iċarċar ma’ wiċċkom.
- Ħmistax‑il ġurnata ilu, wħud minnkom ġew imsawta b’mod krudili.
- Bħal dan il‑ħin, ħmistax‑il ġurnata ilu, uħud minnkom ġew milquta minn tiri ta’ bullets.
- Bħal dan il‑ħin, ħmistax‑il ġurnata ilu, ħafna minna konna qegħdin inħossuna qed nifgaw għax attakkawna l‑pulizija bil-gass tad-dmugħ.
- Ħmistax‑il ġurnata ilu, bħal dan i‑ħin, f’Tal-Barrani, jien kont ngħajjat ukoll. Kont qed ngħajjat flimkien ma’ Guido de Marco biex, f’folla kbira oħra, nżommkom u ma nħallikomx timxu lejn iz-Zejtun, għalkemm ridtu biss teżerċitaw id‑dritt tal‑libertà tagħkom. Ħnaqtuni ngħajjat u ngħidilkom ‘Mhux issa l‑mument’, għax mhux dakinhar kien il‑mument.
Dakinhar kien biss inċident li wera l‑poplu Malti xi jrid verament. Mhux xi jrid il‑Partit Nazzjonlista, imma xi jrid u x’qed iħoss f’qalbu kull Malti. Kull Malti veru li jgħożż il‑libertà f’pajjiżna.
Tmient ijiem ilu wkoll, bħal dan il‑ħin, konna miġburin f’folla kbira oħra.
Ħafna minnkom li qegħdin hawn illum, bħal dan il‑ħin tmient ijiem ilu, kontu l‑Gudja.
- Kontu l‑Gudja mnikktin.
- Kontu l‑Gudja bil‑biki ħiereġ minn għajnejkom.
- Konna flimkien il‑Gudja b’qalbna maqsuma.
- Konna flimkien il‑Gudja nitolbu lil Alla għal Raymond Caruana.
- Konna miġburin sabiex il‑fdalijiet ta’ Raymond, martri għal‑libertà ta’ pajjiżna, wassalniehom sal‑post tal‑mistrieħ tiegħu sakemm jerġa’ jqum.
Tmient ijiem ilu konna lkoll qalbna sewda. Imma lkoll ħassejna l‑faraġ li kien ġej mill‑kuraġġ li wrewna l‑ewwel u qabel kulħadd il‑familjari ta’ Raymnd Caruna. Insellem mhux biss lilu imma nsellem lill‑famijari tiegħu.
Insellem lil missieru li ħmistax ilu kien quddiem nett magħna fiż‑Żejtun . Imma, insellimlu mhux talli kien iż‑Żejtun, izda tal‑lezzjoni kbira li tana, lili l‑ewwel wieħed!
Fl‑eqqel tad‑dulur, imbikki mingħajr ħadd ma jista’ jfarrġu, kien hu li farraġ lilna.
Qalilna: “Għandi l‑konsolazzjoni li Alla għażel lil ibni biex f’pajjiżn jġib il‑paċi.”
Tgħallimna ħuti.
Tgħallimna ħafna mill‑esperjenzi tal‑ħmistax‑il ġurnata li għaddew.
U tgħallimna xi ħaġa oħra kiefra. Forsi kiefra aktar minn kollox.
Dan il‑lejl li għadda, meta jien u sħabi, għal darb’oħra, kellna nisru sa kmieni dalgħodu, kellna ninkwetaw sa kmieni dalgħodu għaliex wieħed minna, li suppost qiegħed magħna hawn mhux qiegħed magħna, imma qiegħed dan il‑ħin l‑Isptar San Luqa minħabba dak li għamlulu.
Qed ngħid għal Pietru Pawl Busuttil. Nitkellem aktar ’l quddiem fuq Pietru Pawl Busuttil.
TAQBIDA GĦAS‑SEWWA U L‑ĦAQQ
Staqsejtkom għalfejn iltqajna llum meta, f’dawn il‑ħmistax‑il ġurnata li għaddew, kellna l‑massimu tat‑tbatija: Wieħed minna maqtul, oħrajn viċin il‑mewt, issawtu jew intlaqtu mit‑tiri tal‑armi tan‑nar.
Ġejna hawnhekk għaliex aħna ser inkomplu t‑taqbida tagħna għas‑sewwa u l‑ħaqq!
Ser inkomplu t‑taqbida tagħna għas‑sewwa u l‑ħaqq f’pajjiżna, anke meta nafu li din it‑taqbida għas‑sewwa u l‑ħaqq qiegħda tiħrax f’kull mument.
Qiegħda tiħrax, għax il‑forzi korrotti tal‑pajjiż jinsabu ddisprati. Qed ilestu bla ħniena għat‑taqbida finali li trid taħsad darba għal dejjem minn fostna il‑korruzzjoni u lill‑korrotti f’pajjiżna.
Kif għidt, hi taqbida għas‑sewwa u l‑ħaqq.
Taqbida li fiha kontra tagħna għandna biss il‑forzi korrotti li hawn ma saqajna fil‑pajjiż.
Allura tajjeb li nistaqsu: Min huma dawn il‑forzi korrotti li hawn f’pajjiżna?
Huma l‑ewwel nett dawk il‑korrotti fis‑sens il‑komuni tal‑kelma, jiġifieri:
- Dawk li kontinwament jinqdew bis‑setgħa u l‑poter tagħhom biex jiksbu l‑eluf tal‑flus.
Kuljum tisma’ l‑istejjer.
Ilbieraħ smajt storja ta’ wieħed li kellu jħallas Lm 50,000 biex inħariġlu l-permess biex ikun jista’ jibni fil‑Qawra.
Hekk! Korruzzjoni ta’ din il‑kwalità għandna f’pajjiżna:
- Bil‑ħamsin elf!
- Bis‑sittin elf!
- Bis‑sebgħin elf!
U hawn Malta, dan jaf min hu kulħadd.
Kulħadd jaf min hu responsabbli għal din il‑kwalità ta’ korruzzjoni.
IL‑FORZI KORROTTI F’PAJJIŻNA
Imma hemm ukoll forzi korrotti oħra f’Malta.
Huma dawk li tilfu s‑sens ta’ dover u li llum saru biss mezz tar‑reġim għar‑ripressjoni f’pajjiżna.
Fost dawn il-korrotti li m’għadhomx jafu x’jiġifieri tagħmel is‑sewwa, li m’għadx għandhom is‑sens tad‑dover, b’dispjaċir ikollna ndaħħlu numru mhux żgħir ta’ uffiċjali fil‑Korp tal‑Pulizija ta’ Malta.
Illum dawn l‑uħud ukoll jagħmlu parti mill‑forzi korrotti ta’ pajjiżna.
- Il‑forzi korrotti ta’ pajjiżna huma dawk li qatlu lil Nardu Debono, lil Wilfred Cardona u ma ħallewx li jinkixef min huma l‑ħatja ta’ dawk id‑delitti u ta’ delitti oħra li saru f’pajjiżna.
- Il‑forzi korrotti f’pajjiżna huma dawk ukoll li dmirhom kien u għadu li jaħdmu għall‑ħaqq u s‑sewwa izda baqgħu muti u ma tkellmux meta raw l‑inġustizzji jitwettqu madwarhom. Dawk li mhumiex jitkellmu meta qed jaraw is‑sewwa jitkasbar madwarhom.
Dawn iridu jifhmu li din mhix xi storja oriġinali għal pajjiżna biss.
F’pajjiżi oħra, li fl‑imgħoddi tilfu jew qed jgħixu s’issa n‑nuqqas ta’ libertà, wkoll kien hemm min ipprova jifga l‑vuċi tal‑kuxjenza tiegħu u ssodisfa ruħu li l‑ħażen li ra madwaru ma kienx tort tiegħu imma tas‑superjuri tiegħu.
U jien illum, lil dawn ngħidilhom: Għalikom ukoll, dan huwa l‑mument tal‑verità.
- Min qed jara madwaru s‑sewwa jitkasbar, min qed jara madwaru flok ħaqq qed issir inġustizzja għandu jqum u jitkellem għax dan hu l‑mument tal‑verità.
- Ma jistax ikun li, f’ċirkostanzi gravi bħal dawk li għaddej minnhom pajjiżna, jkun hawn min suppost li hu serju u għadu b’dankollu jikkopera biex issir l‑inġustizzja, biex ma jitwettaqx is‑sewwa.
- Nerġa’ ngħid, dan hu il‑mument tal‑verità għal dawn kollha li b’xi mod huma mċappsin bis‑sistema korrotta li għandna f’pajjiżna.
- Huwa l‑mument tal‑verità għalina lkoll.
- Il‑mument tal‑verità għax huwa ċar li għandna poplu determinat.
Dik l‑ewwel u l‑aqwa lezzjoni ta’ ħmistax ilu:
- li intom il‑poplu Malti,
- li aħna lkoll Maltin,
- li aħna lkoll li verament kburin li aħna Maltin.
Urejna u qed nuru li huwa l‑mument tal‑verità għall‑poplu tagħna kollu,
- għaliex is‑sewwa jrid jitwettaq u
- għas‑sewwa lesti nitqatlu,
- għas‑sewwa lesti niġġieldu,
- għas‑sewwa lesti li nċarċru demmna!
TAL-BARRANI
M’għandix dubju li llum, minn ħmistax‑il ġurnata ’l hawn, kulħadd f’daqqa waħda ntebaħ li dak li kien qiegħed jgħid il‑Partit Nazzjonalista ma kienx xi ħolma. Ma kienx xi ħaġa tal‑fantażija.
F’daqqa waħda ġejna wiċċ imb’wiċċ mar‑realtà.
Il‑bambin kien tal‑ħniena magħna ħmistax ilu. Ħmistax ilu Alla ħenn għalina li ma ħallejniex il‑mejtin warajna. Għax aħna urejna wkoll li kapaċi nimxu b’mod responsabbli.
Ġew milquta n‑nies b’tiri tan‑nar. Ġew imsawta. B’kollox kien hemm fuq sebgħin li marru f’saħħithom lejn iż‑Żejtun u ħarġu miż‑Żejtun bil‑feriti, bid‑demm iċarċar magħhom.
Iż‑Żejtun kienet lezzjoni. Kienet ix‑xokk li kellu bżonn il‑poplu Malti.
Jum li wera li min verament irid li l‑libertà f’pajjiżna terġa’ ssir sħiħa, kien lest, huwa lest, ser ikun lest, li jiddefendi hu personalment, bil‑ħila tiegħu, bil‑preżenza tiegħu, jekk hemm bżonn b’demmu, dik il‑libertà.
Iż‑Żejtun! Tajjeb li fil‑qosor għal darb’oħra nerġa’ nfakkarkom x’għaddejna minnu dakinhar.
L‑ewwel nett aħna morna ż‑Żejtun mhux b’xi sens ta’ pika. Xi ħadd qalli bi dritt.
Veru bi dritt u skond il‑liġijiet ta’ pajjiżna. Imma morna b’sens ta’ dover, għax ma’ nistgħux naċċettaw it‑teorija tal‑Prim Ministru li Malta għandha tkun maqsuma fi tnejn: Parti minnha jidħol kulħadd u l‑parti l‑oħra riservata għal xi ħadd.
Kien dmir tagħna li ngħidu lill‑poplu Mati, u lil min jinteressah x’qed jiġri f’pajjiżna:
- Hekk hu pajjiżna fiex jinsab. Għandna Gvern, għandna Prim Ministru, li jemmen li, jekk irid, jista’ jgħid li parti ta’ Malta hi riservata. Mhux għall‑kaċċa tal‑annimali kif ikollhom f’pajjizi barranin imma, riservata għal ċerti nies u għall‑oħrajn le. Hemmhekk dawk ta’ l-aħħar ma jistgħux jidħlu.
Mela nerġa’ ngħid, morna mhux b’pika, mhux b’sens ta’ dritt, imma morna b’sens ta’ dover lejn ħutna l‑Maltin kollha li issa kulħadd induna li dik id‑deċiżjoni tal‑Prim Ministru xi tfisser.
- Tfisser li toħnoq il‑libertà.
- Tfisser li inti lill‑Maltin ma tittrattahomx bħala nies ugwali f’pajjiżhom stess.
Imma ħadna lkoll lezzjonijiet akbar ukoll minn din. Il‑lezzjoni prinċipali kienet li l‑Gvern li għandna llum, il‑Prim Ministru li għandna llum, fil‑lejl tad‑29 ta’ Novembru ddeċieda li ma jkunx aktar responsabbli hu tal‑ordni fil‑pajjiż. Flok ma jkun responsabbli hu għall‑ordni f’parti minn Malta, fiż‑Żejtun, dik ir‑responsabbiltà ċedija lil numru ta’ nies delinkwenti, lil numru ta’ nies qattiela, lil numru ta’ nies kriminali. Hekk għamel fil‑lejl ta’ bejn id‑29 u t‑30 ta’ Novembru.
Fil‑Parlament smajnieh jistqarr li f’dak il‑lejl veru hu mar iż‑Żejtun. Jiena kont għamilt dikjarazzjoni u għidt li jirriżultalna li f’ċertu ħin, fiż‑Żejtun fil‑lejl ta’ bejn id‑29 u t‑30 ta’ Novembru, l‑forzi tal‑ordni fil‑pajjiż, il‑Pulizija u l‑Armata wkoll, kellhom struzzjonijiet li jneħħu l‑barrikati, il‑ġebel, li kien qed jitiqiegħed biex jingħalaq iż‑Żejtun u marru s‑suldati u bdew ineħħu.
Issa kkonferma l‑Prim Ministru li hu kien hemm. Kien preżenti ż‑Żejtun u kellu miegħu dak il‑Kmandant kbir, il‑Kmandant tat‑Task Force ta’ pajjiżna!
Aħna nafu x’ġara, konna nafu x’ġara. Nieħdu pjaċir li l‑Prim Ministru kkonferma.
Nafu x’ġara għax smajna fuq ir‑radju l‑komunikazzjonijiet bejn l‑Armata u l‑Pulizija, kemm f’dak il‑lejl u kemm l‑għada waqt il‑meeting tagħna.
Isimgħu parti minn din il‑konverżazzjoni li fiha xi ħadd min‑naħa tal‑Armata, dawk li jiġu taħt il‑Kurunell Cachia, jitlob li jinfetaħ xi store ħalli jieħdu l‑pali biex imorru ż‑Żejtun ineħħu l‑ħmieġ u l‑ġebel li kien qiegħed jintefa’.
Nitlobkom tisimgħu recording ta’ biċċa minn dan id‑diskors:
- Fox trot wieħed,għajjat lil dawk li qegħdin jagħmlu l‑patrol. Żommhomli l‑barracks standby u għidlu jiftaħ l‑emergency store għal xi pali. Għandna bżonn xi pali. Pass.
- Żero bravo, Baqalek xi ħaġa oħra? Pass.
- Le għalissa daqshekk stenna struzzjonijiet mingħandi. Pass.
- Żero bravo Qtajt. “
- Ħamsa tnejn. Aħna qegħdin, jiena bil‑karozza u landrover tal‑fanal fuq. Qegħdin fit‑triq taż‑Żejtun. U hawn magħluq. Però ma laħħaqniex magħhom għax ma nistgħux insuqu.
- Tista’ tgħidli f’liema pożizzjoni qegħdin?
Qed tisimgħu?
Konversazzjoni billejl li fiha jingħad li kellhom bżonn il‑pali. Jgħidilhom li għandhom Landrover minn dawk bid‑dawl fuq naturalment biex ikunu jistgħu jaraw u jneħħu l‑ġebel.
Mbagħad jgħidlu ma jistgħux ilaħħqu, ma jistgħux jimxu. Ma jistgħux ilaħħqu għaliex nies oħrajn kienu qed jitfgħu ġebel aktar milli kienu qed ineħħu huma.
Min jaf jekk dak il‑ħin, meta l‑ordni ġiet irtirata u qalulhom “morru lura lejn il‑barracks tagħkom” kienx hemm il‑Prim Ministru fil‑Volkswagen tiegħu mal‑Kurunell Cachia.
Dawk li suppost iżommu l‑ordni, raw nies jiksru l‑liġi f’wiċċhom u quddiemhom, u ħallewhom!
- Dak il‑ħin, Karmenu Mifsud Bonnici refa’ r‑responsabbiltà għal darb’oħra għal dak kollu li ġara l‑għada.
- Dak il‑ħin, iddeċieda li jħalli li dawn in‑nies kriminali u delinkwenti jagħlqu t‑toroq taż‑Żejtun.
Ta’ min isaqsi lilu nnifsu:
- Imma għaliex għamel dan?
- Għaliex iddeċieda li jħalli ż‑Żejtun f’idejn dawn in‑nies?
Ir‑risposta naturlament jafha hu.
- Jew jaħseb li n‑nies li jikkmanda hu, il‑pulizija u s‑suldati, mhumiex kapaċi. Mhumiex kapaċi jikkontrollaw numru żgħir ta’ nies;
- Jew beża’ li l‑pulizija u s‑suldati tal‑Kurunell Cachia ma kienux jobduh;
- Jew inkella ddeċieda li f’pajjiżna mhux hu jikmanda imma jikmandaw id‑delinkwenti li ħalla hemm warajh jagħlqu t‑toroq taż‑Żejtun.
L‑għada l‑Ħadd, l‑Partit Nazzjonalista għalkemm kien jaf minn filgħodu li t‑toroq taż‑Żejtun kienu kollha ġew imblukkati ma setax jerġa’ lura u d‑dover tiegħu ried iwettqu u kif tafu bdejna mixjin lejn iż‑Żejtun.
Konna nafu li ma konniex se nidħlu ż‑Żejtun, għax il‑Pulizija ma kienux ser iħalluna nidħlu. Iżda mxejna kemm stajna lejn iż‑Żejtun.
Izda ġara li, mill‑bidu nett, beda l‑inkwiet. Waqt li n‑nies bdew jersqu lejn Santa Luċija wħud minnhom ġejjin mill‑Marsa minn Triq Diċembru Tlettax, isimgħu lill‑Pulizija x’qalu lil xulxin.
- Minn Triq Diċembru Tlettax deħlin ħafna karozzi bil‑bnadar u jdoqqu l‑ħornijiet. Over.
- Cycle 15. Ta’ liema Partit Cycle 15?
- PN, base.
- Roger Cycle 15.
- Il‑karozzi tal‑Partit Nazzjonalista qegħdin deħlin u qed iwaddbulhom il‑ġebel.
Tisimgħu kif, fi Triq Diċembru Tlettax, xi pulizija li kienu hemm bagħtu jgħidu lill‑Control Room tagħhom li kienu ġejjin ħafna xarabanks bin‑nies.
U staqsewhom: “X’inhuma? Nazzjonalisti? Iva Sir, tan‑Nazzjonlisti.”
Immedjatament, min kien fi Triq Diċembru Tlettax, infurmahom li qed jitfgħulhom il‑ġebel lil dawn in‑nies li sejrin b’mod paċifiku għall‑meeting tagħhom. Diġà fil‑Marsa bdew jiġu attakkati bil‑ġebel u dan ikkonfermat mir‑recording li għadkom kif smajtu. U bqajna mixjin fit‑Triq tal‑Barrani.
Illum nafu x’kien l‑pjan li ħejjew. Il‑pjan kien:
Quddiem nett, fit‑telgħa, kellhom numru ta’ nies armati bil‑ġebel u b’armi tan‑nar, supporters tal‑Partit Soċjalista.
L‑ewwel jattakkaw dawk li kienu quddiem. Jekk dawn jintgħelbu allura jidħlu l‑pulizija u jekk il‑pulizija jintgħelbu wkoll kien hemm is‑suldati lesti.
Is‑suldati kellhom jidħlu biss jekk jiġu awtorizzati mill‑Prim Ministru billi jordna lill‑Kurunell Cachia li jkun jista’ juża s‑suldati.
Kien hemm ukoll ħelikopter idur il‑ħin kollu. Kien il‑mezz ta’ komunikazzjoni,li l‑ħin kollu beda jagħti informazzjoni kemm hi kbira l‑folla u jekk kinitx maqsuma fi tnejn.
Fil-fatt il-folla kienet ħafna drabi maqsuma fi tnejn meta nxteħet il‑gass tad‑dmugħ. U l‑baħnan Prim Ministru ġie b’ritratt fil‑Parlament fejn ġab biċċa żgħira mill‑folla, dan għaliex il‑pulizija kienu tefgħu l‑gass tad‑dmugħ u f’dak il‑mument il‑folla bilfors kellha tinqasam.
Mingħalih li l‑poplu Malti ser jemmnu li ġab ritratt mil‑ħelikopter,
Qalilna li konna tlett elef ruħ biss.
Aħna ngħidulu, jew int baħnan, jew giddieb, jew qarrieq.
Ħaġa waħda żgura. Li int m’intix kapaċi. Ma jistħoqlokx li tokkupa l‑kariga li qiegħed tokkupa llum.
Meta naraw il‑pjan tagħhom x’kien, insibu li kien hemm tliet min‑nies importanti jikkontrollaw is‑sitwazzjoni, jiddeċiedu x’għandu jsir. Kien hemm:
- L‑Aġent Kummissarju tal‑Pulizija Mifsud Tommasi li baqa’ fil‑Control Room fil‑Headquarters tal‑Pulizija.
- Il‑Kurunell Cachia f’Tas‑Silġ li kien awtorizzat jekk jgħidlu l‑Prim Ministru juża s‑suldati.
- Mbagħad il‑Prim Ministru stess fil‑headquarters tat‑Task Force f’Ħal Luqa.
Dawn kollha f’xi ħin jew ieħor tkellmu bejniethom bir‑radju biex jieħdu d‑deċiżjonijiet.
U x’deċiżjonijiet bdew jieħdu dawn?
- Id‑deċiżjonijiet kienu biex jattakkaw. Biex il‑pulizija jattakkaw lill‑folla Nazzjonalista.
- Id‑deċiżjonijiet li ħadu dawn kienu biex ma jħallux lill‑folla Nazzjonalista tasal ħdejn iż‑Żejtun.
- Id‑deċiżjonijiet li bdew jieħdu dawn kienu dawk id‑deċiżjonijiet li l‑konsegwenzi tagħhom batejniehom aħna lkoll, bil‑gass tad‑dmugħ!
Jissejjaħ gass tad‑dmugħ, għax il‑probabbilità hi li dak huwa gass li mhux id‑dmugħ biss joħroġlok, imma huwa gass li jifgak. Gass li meta tibilgħu, tagħmel ċertu ħin tħossok qiegħed tifga.
Dawk kienu d‑deċiżjonijiet li kellhom jieħdu u fil‑fatt ħadu tul il‑ħin li aħna konna hemmhekk.
Nitlobkom għal darb’oħra tisimgħu xi ftit mill‑messaġġi li għaddew fuq ir‑radju dak il‑ħin.
- Hemm, għidilna minn fejn jista’ jidħol in‑number one tagħna
- In‑naħa ta’ fejn irid imur?
- Ħadtek. Fejn trid tmur, Sir?
- Jiena irrid immur fejn hemm il‑kwistjonijiet ġewwa. Però ma nistax għax hawn il‑grupp ta’ two four
- Għidlu jidħol fejn hemm ġewwa hemmhekk
- Naħseb l‑aħjar minn Ħal Għaxaq
- L‑aħjar minn Ħal Għaxaq, Sir.
- Jaqbillu jgħaddi minn Ħal Għaxaq
- Nieżel bil‑ħelikopter fuq iz‑zuntier tal‑Knisja.
- Ħadtek.
- Għid lil min hu inkarigat mill‑uffiċċju tiegħi jgħidlu lill‑VIP li jien ma nistax ngħaddi, lanqas minn Xintill, għax imblukkat kullimkien
- Fhimtek, Sir. Ħa ninformahom.
- Il‑messaġġ ser jgħaddilu issa.
- Min‑naħa t’Għaxaq tista’ tgħaddi, Sir. Minn Gudja għal Ħal Għaxaq u tiġi Żejtun
- OK.
- Wieħed, għandek il‑VIP ser ikellmek issa
- Hello
- Taħt ir‑roundabout ta’ Santa Luċija mblukkat bit‑traffic peress li hemm dik il‑karozza li qed taqbad. Ma nistgħux ngħaddu. Ser nippruvaw minn Ħal Għaxaq u l‑Gudja . Jekk nista’ nidħol nidħol.
- Hello. Ara tistax tidħol jew minn Tas‑Silġ, jew min‑naħa ta’ San Tumas, jew inkella minn quddiem ir‑Redentur fuq it‑Triq ta’ Marsaxlokk. Minn Barrani għal Marsaxlokk hemm ir‑Redentur fin‑nofs. Faċċata tiegħu hemm triq dejqa.
- Fhimtek. Nippruvaw.
Smajtuh lill‑Kurunell Cachia miskin?
Stranded, jgħidu bl‑Ingliż. Ma jafx x’jaqbad jagħmel biex jidħol lejn iż‑Żejtun. U jindaħal Karmenu Mifsud Bonnici u jfakkru fl‑istatwa tar‑Redentur li hemm fit‑triq u li minnha qed jgħidlu li jista’ jidħol.
Jalla r‑Redentur, ngħidulu aħna, mhux iservi biex juri t‑triq biss mnejn jidħol għaż‑Żejtun imma jalla r‑Redentur veru, dak li salvana, dak li lilna lkoll irredimiena, jalla hu jieqaf magħna f’dan il‑mument ta’ kriżi għal pajjiżna.
Imma ma kenitx biżżejjed l‑assistenza ta’ Karmenu Mifsud Bonnici biex il‑Kurunell jidħol fiż‑Żejtun. Kellhom jirrikorru għall‑għajnuna ta’ Wistin Abela.
- U wasslu mitejn xi metru miż‑Żejtun
- Mitejn metru miż‑Żejtun. Għalik.
- Iva, mill‑ewwel barrikata qawwija li hemm.
- Ħadtek. Barra.
- Għidli Sir.
- Hemm m’hemm l‑ebda ċaqlieqa hu?
- Le Sir għadna hawn. Għadna hawn.
- Tiffolowjaw fuq Channel one?
- Iva Sir. Iva.
- Jiena r‑radio ser ikun fuq chanel one però għandi portable fuq channel three.
- Roger Sir. Roger.
- Għidlu li min‑naħa taż‑Żejtun jidhru telgħin xi dħaħen u qed jitwaddbu fuq in‑naħa l‑oħra. Qed iwaddbu s‑sufarelli fuq in‑naħa taż‑Żejtun.”
Qed tisimgħu? F’mument minnhom minn fuq il‑ħelikopter jgħidilhom, min‑naħa taż‑Żejtun qed jintefgħu lin‑naħa l‑oħra s‑suffarelli.
Mbagħad. immedjatament jgħidlu: X’inhu? X’inhu? X’inhu jintefa’?
U jirrispondi: Qed nattakaw, qed nitfawlhom il‑gass tad‑dmugħ.
Il‑Pulizija qed tattakka folla innoċenti, nisa, żgħażagħ, irġiel.
- Jattakkaw lilna dawn.
- Dawn delinkwenti.
- Dmirhom ma kienx li jattakkaw lilna, imma li jattakkaw lill‑oħrajn li kienu qed jiksru l‑liġi.
Imma għandhom il‑wiċċ dawn jitkellemu bejniethom u jgħidu qed nattakkaw?
Jattkkaw lill‑folla.
Jattakkaw lil min għandu dritt ikun hemm u jipproteġu lil min kien qiegħed jikser il‑liġi dak il‑ħin.
Ħbieb tiegħi.
Dak li għaddejna minnu ż‑Żejtun fehmu kulħadd. Mhux biss aħna li konna hemm.
Nistgħu ngħidu li, minn l‑għada, f’Malta kien hawn sens ta’ awareness.
In‑nies saru aktar konxji ta’ kemm il‑pajjiż jinsab ħażin.
Dakinhar, bħal‑lum ħmistax, korrew in‑nies u saret ħafna ħsara fi proprjetà.
Il‑Ministru Sant, li nafu l‑espert tal‑gideb, qal li dawk li silfuna bħalma għamlu dejjem u qed jagħmlu llum, silfuna trailers biex inġorru n‑nies fuqhom, qal dawk issa kissruha magħna għax aħna ma ħallasnihomx.
Dawk qegħdin magħna hawn illum f’dan il‑meeting. Imma nagħmel dikjarazzjoni hawn illum jien.
Il‑ħsara li sofrejtu intom, dawk li kissrulhom il‑karozzi, dawk li kissrulhom it‑trakkijiet, ir‑responsabbiltà għal dak taqa’ fuq min kellu l‑obbligu li ma jkunx hawn diżordni.
- Taqa’ fuq l‑Aġent Kummissarju tal‑Pulizija.
- Taqa’ personalment fuq il‑Prim Ministru.
Dawn responsabli huma wkoll personalment għad‑danni. Imma responsabbli wkoll il‑Gvern tagħhom.
Hija r‑responsabbiltà tal‑Gvern li jirrepara għal dawn id‑danni.
Jien nagħtikom il‑kelma li ftit xhur oħra meta nkunu fil‑gvern, il‑Gvern Malti jħallaskom ilkoll għall ħsara li intkom sofrejtu.
SPARAR FUQ Il-KAZIN TAL-PN F’ ĦAL TARXIEN
Ħbieb tagħna.
Kieku l‑istorja waqfet fiż‑Żejtun ma konniex ngħaddu minn tant inkwiet ieħor f’dawn il‑ħmistax‑il ġurnata li għaddew.
Iżda nafu li l‑għada, l‑1 ta’ Diċembru, għall‑ħabta tad‑disgħa u kwart ta’ filgħaxija numru ta’ nies b’karozzi magħrufa, u magħrufa wkoll in‑nies li kienu fihom, marru Ħal Tarxien u sparaw fuq il‑każin tagħna hemmhekk.
Persuna minnhom niżlet mill‑karozza u bdiet tispara b’arma awtomatika li tixbaħ ħafna lil dik li qed jgħidu li sabu għand Pietru Pawl Busuttil. Tixbaħ ħafna lil dik.
Wara li sparaw baqgħu sejrin. U tafu fejn spiċċaw?
Spiċċaw fil‑Headquaretrs tal‑Pulizija fl‑għaxra neqsin għoxrin.
Daħlu fil‑headquarters tas‑CID.
- Bdew jiċċaċċraw, jiddiħqu, għax kien hemm il‑karozzi maħruqa taż‑Żejtun.
- Bdew jixorbu u jifirħu għax dakinhar reġgħu wrew li f’Malta huma jikkmandaw.
F’Malta dawn il‑ftit delinkwenti jikkmandaw.
Huma biss għandhom il‑libertà sħiħa li jiksru l‑ordni fil‑pajjiż kull meta jridu.
Sar rapport lill‑Pulizija dwar dawn l‑inċidenti u, sa fejn nafu aħna, ma ġara xejn bis‑serjetà.
Ma sarux inkjesti bis‑serjetà! Ma ġie arrestat ħadd!
IL-QTIL TA’ RAYMOND CARUANA
U nafu li l‑Ġimgħa 5 ta’ Diċembru wassalna għal wieħed mil‑jiem f’pajjiżna tal‑akbar luttu.
Il‑Ġimgħa, 5 ta’ Diċembru, fil‑ħdax u għoxrin ta’ filgħaxija, fil‑każin tagħna tal-Gudja, safa maqtul Raymond Caruana.
- Maqtul fil‑każin tagħna fejn kien tant ħadem.
- Maqtul fil‑każin tagħna fejn kien tant kuntent jistenna li jasal il‑Ħadd filgħodu biex in‑nies jiġu l‑Gudja dakinhar u jifirħu għax fil‑Gudja għandna każin ġdid.
Morna l‑Ħadd aħna fil‑Gudja, Raymond kien magħna wkoll. Kien mejjet Raymond dakinhar.
Morna l‑Gudja u mhux il‑folol li kellhom jiġu biex jinfetaħ il‑każin ġew, imma ġew folol ħafna u ħafna u ħafna akbar dakinhar fil‑Gudja.
Din kienet traġedja li pajjiżna ma kellux bżonnha, imma traġedja li minnha l‑poplu Malti reġa’ fehem li ma jistax ikun li dan il‑pajiż ma jsibx is‑soluzzjoni għall‑problemi tiegħu.
Ma jistax ikun li dan il‑pajjiż jibqa’ miexi sa ftit xhur oħra għall‑elezzjoni u jasal għal dik l‑elezzjoni fl-istat ta’ inkwiet li ninsabu fih illum.
IL-MUMENT TAL-VERITA’
Għalhekk aħna, ir‑rappreżentanti tagħkom fil‑Parlament, qisnieh dmirna li nitolbu li l‑Parlament ma joqgħodx jinħela fuq il‑budget li ppreżenta dan il‑Gvern.
Għidnielhom li jekk irridu ngħaqqdu lill‑poplu tagħna f’dan il‑mument ta’ gravità hekk kbira, dmirna hu li nwarrbu l‑budget.
Il‑budget nistgħu nivvutawh f’ġurnata waħda u niddedikaw iż‑żmien li baqalna biex insibu s‑soluzzjonijiet xierqa għall‑problemi tad‑demokrazija, għall‑problemi tal‑libertà f’pajjiżna.
Nhar it‑Tlieta jien ressaqt mozzjoni f’dan is‑sens. L‑għada l‑Erbgħa, meta ġejna biex nivvutaw fuqha, huma tkellmu kontra.
Karmenu Mifsud Bonnici insista li l‑poplu mhux moħħu f’dawn il‑ħmerijiet tad‑demokrazija, tal‑qtil ta’ Raymond Caruana u fl‑inċidenti taż‑Żejtun. Qal li l‑poplu moħħu jekk hux ser inbaxxu xi ċenteżmu mill‑income tax. Kompla jghid li il‑poplu mhux moħħu f’dawn l‑affarijiet imma jrid ikun jaf il‑Gvern x’sejjer jagħmel, jigifieri kif il-Gvern se jisparpalja l‑flus is‑sena d‑dieħla.
Naturalment, meta ġejna għall‑vot, għelbuna. Għelbuna għax huma għandhom 34 deputat.
Għelbuna għax minkejja li ma jirrappreżentawx il‑maġġoranza tal‑poplu Malti serqu l‑elezzjoni li għaddiet u qegħdin hemm kontra r‑rieda tal‑poplu tagħna.
Iżda tafu x’ġara ħbieb.
Il‑Ħamis qam jitkellem fil‑Parlament il‑Perit Mintoff, li aħna kkritikajna min jaf kemm drabi u bir‑raġun kollu. Ikkritikajna għax l‑affarijiet ħżiena li saru, u dawk ħżiena li qed isiru, ħafna minnhom nafuhom għall‑mod ta’ gvern li waqqaf hu.
Imma, rridu ngħidu wkoll li nhar il‑Ħamis il‑Perit Mintoff fil‑Parlament kellu l‑kuraġġ jammetti li pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni tal‑akbar gravità.
- Kellu l‑kuraġġ jammetti u jgħid li l‑pajjiż ma jistax jibqa’ miexi kif inhu.
- Kellu l‑kuraġġ jammetti u jgħid li huwa kien lest, allavolja mhux il‑kap tal‑partit, li jitkellem għall‑Partit tiegħu kollu.
- Qal li jekk il‑Partit Nazzjonalista jrid ftehim, huwa kien ser jorbot lill‑membri kollha tiegħu, lid‑Deputati, lill‑Prim Ministru, lill‑Ministri li jaslu għal ftehim magħna.
U jien, bl‑akbar sens ta’ responsabbiltà, f’dak il‑lument kelli nieħu d‑deċiżjoni li jidhirli li hija fl‑aħjar interess tal‑poplu Malti.
Jien kburi li qomt u għidt: “Jien nerfa’ din ir‑responsabbiltà, jekk issa reġa’ bdielkom u qed taqblu magħna li qabel l‑elezzjoni hemm bżonn ftehim, jien lest li dan il‑ftehim nasal għalih għada stess. Għax hekk għandu bżonn dan il‑poplu tagħna.”
- Ilna ħames snin aħna nitolbu li l‑liġi elettorali tinbidel biex żgur min ikollu l‑maġġoranza tal‑voti jkollu l‑maġġoranza tad‑deputati fil‑Parlamenat.
- Aħna ilna ħames snin niġġieldu biex ikollna kontroll totali fuq il‑proċess elettorali f’pajjiżna.
- Aħna ilna ħames snin sħaħ niġġieldu biex ix‑xandir jkollna xi forma ta’ kontroll fuqu.
Jekk huma lesti li dawn it‑tliet affarijiet jagħmluhom, allura aħna lesti li nagħmlu dan il‑ftehim allavolja nafu li dak il‑ftehim ifisser xi sagrifiċċji.
Għalina, f’dan il‑mument tal‑istorja tagħna, dawn huma l‑affarijiet importanti. L‑affarijiet l‑oħra kollha m’għandhomx aktar l‑importanza li jista’ jkollhom f’ċirkostanzai normali.
Aħna rriduh dan il‑ftehim. Irridu li l‑poplu tagħna jserraħ rasu li meta ssir l‑elezzjoni xahrejn, tliet xhur oħra l‑Partit Nazzjonalista żgur sejjer ikun fil‑gvern.
Aħna m’għandniex dubju li bil‑ftehim jew mingħajru, kif għidnielkom kemm‑il darba, ir‑rieda tal‑poplu ser titwettaq għaliex lesti nxerrdu demmna kif xerridtuh ħmistax ilu. Kif xerred demmu Raymond Caruana.
- Aħna lesti li l‑poplu nwassluh biex ir‑rieda tiegħu titwettaq, b’kull prezz. Imma rridu wkoll li, jekk jista’ jkun, dan il‑prezz ikun lanqas wieħed.
- Aħna rridu wkoll li dan il‑prezz ma jfissirx, jekk jista’ jkun, tixrid ta’ demm aktar.
- Aħna qatt mhu sejra tmur minn quddiem għajnejna l‑istampa ta’ Raymond Caruana f’għadira demm. Qatt m’aħna ser ninsewh dak.
- Hu dmirna li nagħmlu minn kollox biex ħadd f’pajjiżna ma jkollu esperjenza oħra bħal dik. Għalhekk li llejla għażilna li jkollna hawn din x‑xbiha ta’ Raymond Caruana.
- Għalhekk li llejla għażilna li nużaw l‑kliem “Nissieltu għas‑Sewwa u għall‑Ħaqq”.
Il‑familja ta’ Raymond Caruana, dan biss li trid.
Trid li jsir il‑ħaqq u trid li f’pajjiżna, mertu wkoll u mhux żgħir ta’ Raymond, ikollna wkoll il‑paċi.
Tajjeb nifhmu li faċli ħafna titkellem fuq il‑paċi. Imma rridu nifhmu wkoll li l‑paċi għandha bżonn il‑verità.
Ma jistax ikollna l‑paċi jekk aħna ma nirrispettawx is‑sewwa.
Ma jistax ikollna l‑paċi jekk fostna jibqgħu jsaltnu l‑korrotti, għax il‑korruzzjoni hi l‑oppost tal‑verità.
Irridu nifhmu wkoll li l‑vjolenza għandha bżonn il‑gideb, filwaqt li l‑paċi għandha bżonn il‑verità.
Il‑vjolenza għandha bżonn il‑gideb u dan il‑lejl,
- dawk li użaw il‑vjolenza ħmistax ilu,
- dawk li użaw il‑vjolenza meta qatlu lil Raymond Caruana,
- dawk li sparaw fuq il‑każin tagħna ta’ Ħal Tarxien,
- dawk li huma korrotti,
- dawk li mingħalihom ser iżommu fis‑setgħa bil‑vjolenza,
- dawk issa riedu jużaw l‑arma tal‑gideb.
- U l‑akbar gidba ppruvaw iwettquha dan il‑lejl, meta sar attent biex jagħmlu frame up.
Jiġifieri, attaparsi jkollhom il‑provi biex, min hu innoċenti, jiddikjarawh li huwa responsabbli.
Riedu bniedem innoċenti, u hekk ngħidlu bil‑persważjoni kollha, bil‑konvinzjoni kollha:
Pietru Pawl Busuttil hu bniedem innoċenti!
- Dawn iffabrikaw provi biex jgħidu li hu qatel lil Raymond Caruana.
- Dawn in‑nies tal‑vjolenza għandhom bżonn il‑gideb.
- Ħasbu li xi ħadd ser jemminhom.
- Ħasbu li xi ħadd ser jemmen li jkun hawn bniedem bħalma huwa Pietru Pawl Busuttil u dan imur joqtol żagħżugħ fil‑Gudja.
Qarrieqa!
Giddibien!
Diżonesti intom!
U dan qed ngħidu għax naf x’qed ngħid!
Il‑provi fuq il‑qtil ta’ Raymond Caruana qegħdin jinġabru minn Maġistrat u l‑Pulizija, flok tgħin lill‑Maġistrat, qiegħda tfixklu.
Il‑Pulizija taf f’liema direzzjoni għandha tfittex il‑qattiel ta’ Raymond.
Il‑Pulizija taf u diġà għandha indikazzjoni min jista’ jkun il‑qattiel ta’ Raymond.
Imma l‑vjolenza għandha bżonn il‑gideb. Mhux kliem tiegħi dan imma kliem meħud mill‑messaġġ ta’ Jum il‑Paċi tal‑1980 tal‑Papa Ġwanni Pawlu II.
F’Jum il‑Paċi ta’ sitt snin ilu, il-Papa qal hekk, dan il‑kliem li qed ngħid jien: “Il‑Paċi għandha bżonn il‑Verità u l‑Vjolenza għandha bżonn il‑Gideb.”
FRAME-UP TA’ PIETRU PAWL BUSUTTIL
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Forsi kien hawn min kien jaħseb li dak li jiġri fiċ‑Ċili u fil‑pajjiżi tad‑dittatura, dak li ġara taħt Hitler u taħt Mussolini, ma jistax jiġri f’Malta.
L‑istorja ta’ pajjiżi oħra hija miżgħuda b’rakkonti bħal dawn fejn delinkwenti tar‑reġim jkunu wettqu xi każ u wara joħolqu l‑provi biex jikkundannaw lill‑innoċenti.
Din hi sfida oħra għalina u se nirrispondu għaliha bis‑saħħa kollha tagħna.
Se nirrispondu bis‑saħħa kollha tagħna!
Mhux ser inħallu lil dan ir‑reġim, biex mingħalih jidħaq b’xi ħadd, jgħid li sab min għamel dan id‑delitt infami, min qatel lil Raymond Caruana, billi xi ħadd johloq u jiffabrika provi , li min jaf forsi xi darba ma jwasslu lanqas huma għal xi verdett ta’ ħtija.
Aħna mhux ser inħalluhom jagħmlu dan l‑attentat!
Nerġa’ ngħid, aħna rridu s‑sewwa u l‑ħaqq!
Min qatel lil Raymond irid jirrispondi għad‑delitt tiegħu.
Mhux ser inħallu li jinqdew u jagħmlu vittma innoċenti oħra.
Ġustizzja rridu!
Ħaqq irridu!
Ma rridux risposta li mingħalihom tista’ tissodisfa lil xi ħadd. Li mingħalihom forsi ser tnessi lin‑nies dan id‑delitt faħxi.
Illejla, mar‑riżoluzzjonijiet kollha li għandna diġà, rridu nżidu din ukoll: Irridu l‑ħaqq!
Irridu li min qatel lil Raymond isir magħruf u jieħu l‑konsegwenzi li ħaqqu.
Irridu wkoll li dawk il‑qatta korrotti li hawn f’pajjiżna ma jagħmlux delitt ieħor.
Il-lbieraħ meta wara kważi tmienja u erbgħin siegħa arrestat, kienu ser joħorġu lil Pietru Pawl Busuttil mid‑Depot, qalulu li kienu ser jakkużawh bil‑qtil ta’ Raymond.
Hu taha r‑risposta għall‑innoċenza tiegħu dak il‑ħin, għax waqa’ mal‑art, żvenut, intilef.
Ma felaħx jisma’ din il‑kalunja kontra tiegħu.
Huma baqgħu jinsistu li joħduh il‑qorti sagħtejn wara.
Pietru Pawl daħal il‑qorti jgħajjat: “Iridu jwaħħlu fija. Qed jgħidu li qtilt lil Raymond. Għamluli l‑armi.”
Vili!
Vili!
Vili dawn in‑nies!
Ħbieb tiegħi,
Kien jonqosna din l‑aħħar storja biex kulħadd jifhem fiex jinsab dan pajjiżna.
Huwa l‑mument tal‑verità għal kulħadd.
M’għandniex bżonn nisimgħu aktar kliem ta’ ambigwità. Ma rridux nisimgħu aktar kliem ta’ konsolazzjoni li ma jkunx kapaċi jqiegħed it‑tort fuq min verament għandu t‑tort.
Hemm bżonn il‑kuraġġ. Hemm bżonn li kulħadd jaqdi dmiru.
Lill‑membri tal‑Korp tal‑Pulizija li huma onesti, u l‑ħafna minnhom li huma onesti, jiena ngħidilhom tiċċappsux. Issa d-dmir tagħkom hu li tgħidu: Daqshekk dan ir‑reġim. Aħna m’aħniex disposti li naqdu lir‑reġim biex jagħmel inġustizzji aktar milli diġà saru.
Liċ‑ċittadini Maltin kollha ngħidilhom:
Qumu! Dan hu l‑mumemnt tal‑verità għalikom.
Tibżgħux! Ipprokklamaw il‑verità bis‑saħħa tagħkom kollha.
Kull min għandu l‑iċken informazzjoni fuq id‑delitti li saru, partikolarment fuq il-qtil ta’ Raymond Caruana, għandu d-dmir fil‑kuxjenza li jagħti l‑informazzjoni.
Għandu dmir ferm akbar issa, meta nafu li hemm iċ‑ċans li, mhux biss ma jsirx il‑ħaqq ma’ Raymond, imma minn fuq ukoll issir inġustizzja kbira ma bniedem innoċenti.
Dan ħuti Malti u Għawdxin huwa pajjiżna llum.
F’hekk irriduċewh lil dan pajjiżna llum!
U intkom għandkom tistaqsu:
- Imma min setgħet ġietu f’rasu din l‑idea infami?
- Min seta’ ġie f’rasu li jagħmel delitt ieħor?
- F’moħħ min ġie dan?
Jien diġà għidtilkom, bilfors li din l‑idea giet f’moħħ min hu korrott.
Korrott fis‑sensi kollha tal‑kelma li tkellimt fuqhom qabel.
Din fl‑idea ġiet bilfors f’moħħ dawk li jinsabu ddisprati għax jafu li l‑Gvern ser jinbidel.
Ġiet f’moħħ dawk li jafu li ftit tax‑xhur oħra ser jiġu msejħa biex jagħtu r‑rendikont skond l‑liġijiet tal‑pajjiż.
Dawn qed jirraġunaw li m’għandhomx x’jitilfu għax, jekk ma jagħmlu xejn issa u r‑rebħa tkun tal‑poplu Malti fl‑elezzjoni li ġejja, allura huma ser isibu ma wiċċhom inkwiet kbir.
U, flok jiffaċċjaw dak l‑inkwiet, huma issa ħadu d‑deċiżjoni li jaġixxu.
Issa qed jippruvaw jisfrattaw il‑paċi aktar milli hi sfrattata f’pajjiżna llum.
TIBDIL FIL-KOSTITUZZJONI
Iddeċidew li jiċċaqilqu issa u r‑risposta tagħna għandha tkun li aħna ser inkomplu niġġieldu għas‑sewwa.
- Aħna ser inkomplu niġġieldu għall‑ħaqq.
- Aħna ser inkomplu naraw li, min għandu r‑responsabbiltà biex jinstab il‑qattiel ta’ Raymond, ikollu l‑opportunità kollha, kif għandu skond il‑liġijiet tagħna, biex jaqdi dmiru.
- Aħna ser inkomplu ninsistu, u nibdew nikxfu jekk hemm bżonn, lil min qiegħed jagħmel il‑bsaten fir‑roti u nsemmuh b’ismu. Inkunu lesti li nagħmlu dan.
Għad għandhom iċ‑ċans li l‑affarijiet jirranġaw billi kulħadd, nerġa’ ngħid, jaqdi dmiru u din l‑istorja tal‑mewt ta’ Raymond Caruana twassal biex verament isir il‑ħaqq f’pajjiżna.
Irridu wkoll noqogħdu attenti għal xi ħaġa oħra.
Jien għidtilkom li nhar il‑Ħamis fil‑Parlament fil‑fatt sar dak li xtaqna aħna. Ridna li, flok il‑budget, niddiskutu l‑problemi vera tad‑demokrazija.
Dan irnexxielna nagħmluh meta tkellimna.
L‑ewwel tkellem Guido mbagħad tkellem il‑Perit Mintoff mbagħad tkellimt jien.
Irnexxielna naslu sal‑punt fejn, jekk verament in‑naħa tagħhom jaqblu bejniethom u jridu l‑ftehim, il‑ftehim jista’ jsir immedjatament u jgħaddi mill‑Parlament sal‑aħħar tas‑sena, kif qal Mintoff.
Aħna ma rridux li dawn il‑korrotti jisfrattaw ukoll dak il‑ftehim.
Tridu tiftakru li sa ftit ilu, proprju sa ftit tal‑ġranet ilu, fil‑Parlament ġie ppreżentat ir‑rapport tas‑Select Committee, li kien ilu jiddiskuti minn Lulju tas‑sena l‑oħra, biex nirranġaw il‑liġi elettorali, biex nirranġaw il‑proċess elettorali, biex nirranġaw ix‑xandir.
Dak ir‑rapport, magħmul min‑nes tagħhom, kien jgħid li ma xi affarijiet jaqblu imma l‑emendi jsiru jew f’dan il‑Parlament jew f’ta’ wara. Dak ir‑rapport kien juri biċ‑ċar li hemm bosta fost id‑deputati Laburisti li l‑ftehim ma riduhx.
Issa Mintoff qal li għandu lil kulħadd warajh u li l‑ftehim jista’ jseħħ.
Aħna rriduh iseħħ u ma rridux inħallu, nerġa’ ngħid, lil dawn il‑klikka tal‑korrotti li jisfrattaw għal darb’oħra ftehim li jkun fiċ‑ċirkostanzi l‑aħjar ftehim li jista’ jkollna għall‑ġid tal‑poplu tagħna.
Għalhekk inkomplu ħbieb.
- Inkomplu naħdmu.
- Inkomplu nuru qlubija tagħna lkoll.
- M’għandniex dubju mir‑rebħa.
- M’għandniex dubju l‑poplu Malti kif qed jaħsibha.
Jekk konna żguri mir‑rebħa ħmistax ilu, xi ngħidu llum wara dak kollu li ġara.
- Il‑poplu qed jistenniena.
- Il‑poplu verament ma jimpurtahx mill‑budget li ppreżenta dan il‑Gvern.
- Il‑poplu jaf li b’dak il‑budget mhux ser ikun hawn ix‑xogħol għaż‑żgħażagħ tagħna.
- Il‑poplu jaf li dak il‑budget ma jiswa xejn u huwa irrelevanti għaċ‑ċirkostanzi ta’nuqqas ta’ libertà u ta’ theddid tad‑demokrazija f’pajjiżna.
- Il‑poplu jrid li jkun hemm gvern li verament jassiguralu x‑xogħol.
- Il‑poplu jrid li jkun hemm gvern li verament jissodisfalu l‑għatx. L‑għatx kbir li għandu l‑poplu Malti għall‑ġustizzja.
- Il‑poplu Malti jrid li jkun hawn gvern f’pajjiżna li verament jagħtina dik l‑arja tal‑libertà sabiex il‑pulmuni tagħna jerġgħu jinfetħu u jixorbu fihom l‑ossiġnu tal‑libertà mhux il‑gass tad‑dmugħ li bellawlna ħmistax ilu.
Dan li jrid il‑poplu!
Dan li nwiegħduh lill‑poplu!
Dan li ser intuh lill‑poplu bl‑għajnuna tagħkom ilkoll li warajna ġejtu, li warajna tibqgħu tiġu, li warajna mexjin sal‑mument tar‑rebħa!
Grazzi ħafna.